- 1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
- 2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
- 3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
- 4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
- 5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
- 6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
- 7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
- 8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
- 9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
- 10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
- 11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
- 12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
- 13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
- 14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
- 15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
- 16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
- 17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
Il-Latvja żviluppat portal tal-kawżi elettroniċi online (e-lieta), li jippermetti lil persuna tibda proċedimenti legali skont il-Liġi dwar il-proċedura ċivili, u tissottometti dokumenti proċedurali, iżżomm traċċa tal-proċedimenti legali u tirċievi u tirrevedi d-dokumentazzjoni fi proċedimenti legali.
2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
Id-drittijiet personali u l-possibbiltà li jinbdew proċedimenti legali bl-użu tal-portal online, kemm fi proċedimenti ċivili kif ukoll amministrattivi. Bl-istess mod, fil-proċedimenti kollha, il-partijiet jingħataw l-opportunità li jikkomunikaw mal-istituzzjoni u li jikkonsultaw il-proċess tal-kawża permezz tal-portal tal-kawżi elettroniċi. Fl-istess ħin, fi proċedimenti ċivili u fi proċedimenti amministrattivi, persuna żżomm id-dritt li tressaq rikors quddiem il-qorti f’format stampat jekk ma tkunx tista’ jew ma tkunx trid tuża għodod elettroniċi.
3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
Id-dokumenti tal-Qorti jistgħu jiġu ppreżentati u aċċessati b’mod elettroniku u online fi kwalunkwe ħin, iżda l-qorti jew l-awtorità li jkollha ġuriżdizzjoni tirrieżamina u tipproċessa d-dokumenti matul il-ħinijiet tax-xogħol tagħha.
4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
Biex tiġi ppreżentata talba permezz tal-portal tal-kawżi elettroniċi online, huwa possibbli li timtela formola mħejjija apposta u li jiġu mehmuża d-dokumenti kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni, iżda individwu jista’ jagħżel ukoll li jtella’ rikors imħejji minnu stess.
5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
F’konformità mal-qafas regolatorju attwali, l-operatur tal-pjattaforma huwa responsabbli mill-konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-pjattaforma tal-kawżi elettroniċi, li fost is-soluzzjonijiet kondiviżi tagħha nsibu l-portal tal-kawżi elettroniċi. L-Amministrazzjoni tal-Qrati (Tiesu administrācija), bħala l-operatur tal-pjattaforma tal-kawżi elettroniċi, hija wkoll il-kontrollur tad-data personali fir-rigward tad-data personali meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għall-organizzazzjoni tal-operat tal-pjattaforma tal-kawżi elettroniċi f’konformità mal-leġiżlazzjoni. Madankollu, fir-rigward tad-data personali miġbura minn sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali oħra, il-kontrollur għall-ipproċessar tad-data personali fuq il-pjattaforma tal-kawżi elettroniċi jkun l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni nazzjonali rilevanti.
6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
Sabiex jintuża l-portal tal-kawżi elettroniċi, hija meħtieġa waħda mill-għodod ta’ awtentikazzjoni li ġejjin: karta tal-eID (eID karte), Firma elettronika (eParaksti), Firma elettronika mobbli (eParaksts mobile), eIDAS.
7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
It-tariffi tal-qorti jistgħu jitħallsu bl-użu tal-portal tal-kawżi elettroniċi online. L-ammont tat-tariffi jkun l-istess bħall-ammont tat-tariffi barra mill-proċedura elettronika.
8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
Kwalunkwe persuna li tkun ressqet rikors għandha d-dritt li tirtirah fil-każijiet speċifikati mil-liġi, irrispettivament mill-forma li fiha r-rikors ikun tressaq quddiem il-qorti.
9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
L-intimat għandu d-dritt li jagħżel il-mod li bih jikkomunika mal-qorti. Skont il-leġiżlazzjoni, persuna tista’ tikkomunika permezz tal-portal tal-kawżi elettroniċi, bl-email, bl-indirizz elettroniku uffiċjali tad-destinatarju jew f’format stampat. Jekk persuna tkun qablet li tuża wieħed mill-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni msemmija hawn fuq biex tikkomunika mal-qorti, din trid tkun aċċessibbli permezz tal-portal tal-kawżi elettroniċi, l-indirizz tal-email li tkun ipprovdiet jew l-indirizz tal-email uffiċjali tagħha.
10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
Sabiex juża wieħed mill-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, l-intimat irid jinnotifika lill-qorti li jaqbel li juża s-sistema online jew l-email biex jikkomunika mal-qorti. Fl-istess ħin, fil-qafas tal-proċedimenti għall-eżekuzzjoni mhux ġudizzjarja tal-obbligi, it-tweġiba tad-debitur trid titfassal skont il-mudell approvat mill-Kabinett tal-Ministri. Debitur jista’ jwieġeb billi juża l-formola online disponibbli fis-sistema online. F’każ bħal dan, id-debitur ikun qabel li juża s-sistema online għall-komunikazzjoni mal-qorti.
11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
Jekk intimat ma jkunx ta kunsens biex juża xi mezz elettroniku ta’ komunikazzjoni mal-qorti, dan irid ikun aċċessibbli fil-post ta’ residenza ddikjarat tiegħu, fl-indirizz addizzjonali indikat fid-dikjarazzjoni jew f’indirizz ieħor indikat mill-persuna għall-komunikazzjoni mal-qorti. Il-fatt li d-dokumenti ġudizzjarji jkunu ntbagħtu fl-indirizz ta’ post ta’ residenza ddikjarat, indirizz addizzjonali indikat fid-dikjarazzjoni, indirizz li l-persuna tkun indikat għall-komunikazzjoni mal-qorti, u avviż tal-kunsinna jasal mill-posta jew id-dokumenti jintbagħtu lura, fih innifsu ma jaffettwax il-fatt li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. Hemm preżunzjoni li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati fis-seba’ jum mill-jum meta jintbagħtu jekk jintbagħtu bil-posta jew fit-tielet jum minn meta jintbagħtu jekk jintbagħtu b’mod elettroniku.
12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
Fil-Latvja, id-dokumenti jistgħu jintbagħtu b’mod elettroniku.
Skont id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi, il-qrati huma obbligati jaċċettaw dokumenti ffirmati b’mod elettroniku.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Latvja dwar id-dokumenti elettroniċi, (il-Liġi dwar id-Dokumenti Elettroniċi, (Elektronisko dokumentu likums)) tiddikjara li, għall-finijiet ta’ awtentikazzjoni, id-dokumenti ffirmati b’mod elettroniku jridu jinkludu data li tikkonferma kemm l-awtentiċità tad-dokument kif ukoll l-identità tal-firmatarju u sabiex jitqies li ġie ffirmat mill-firmatarju nnifsu, irid jiġi ffirmat b’firma elettronika sikura. Meta jintużaw dokumenti elettroniċi, is-sikurezza tad-data tkun taħt ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi ta’ firem elettroniċi sikuri skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Dokumenti Elettroniċi u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-Latvja. Individwu jrid jagħti kunsens speċjali għal korrispondenza ma’ qorti bl-użu tal-posta elettronika. Dan ifisser li l-qorti tibgħat dokumenti li tkun ħejjiet lill-parti.
Barra minn hekk, it-talbiet ta’ kwalunkwe tip jistgħu jitressqu bl-użu ta’ dokumenti ċċertifikati b’firma elettronika sikura ħlief meta l-liġi tistabbilixxi proċedura speċjali għall-bidu tal-proċedimenti. Il-proċedura għall-iskambju ta’ dokumenti elettroniċi ma tapplikax għal ċerti tipi ta’ kuntratti relatati mal-liġi dwar il-proprjetà immobbli u l-liġi dwar il-familja u l-wirt, u ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ garanzija.
Fir-rigward tat-timbru tal-ħin, fejn il-leġiżlazzjoni tispeċifika li minbarra r-rekwiżiti l-oħra dokument jeħtieġ ukoll timbru tal-ħin, dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat fir-rigward ta’ dokument elettroniku, jekk id-dokument elettroniku jkollu firma u timbru tal-ħin elettroniċi sikuri, jew firma elettronika jekk il-partijiet ikunu qablu bil-miktub li d-dokumenti elettroniċi jistgħu jiġu ffirmati b’firma elettronika.
13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
Iva, il-qorti tista’ toħroġ dokumenti, inklużi sentenzi, permezz tal-internet, jekk il-partijiet ikunu taw il-kunsens tagħhom għal dan. Barra minn hekk, jekk il-qorti ssib li ma jkunx possibbli li toħroġ sentenza f’seduta ta’ smigħ, hija tista’ tistabbilixxi data meta s-sentenza titfassal u tkun disponibbli online. Il-qorti tistabbilixxi data fi żmien it-30 jum li jkun imiss meta s-sentenza tkun disponibbli online. Id-data li fiha s-sentenza tkun disponibbli fis-sistema online titqies li hija d-data tal-għoti tas-sentenza.
14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
Id-dokumenti tal-Qorti, inklużi s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati b’mod elettroniku jekk ir-rikorrent ikun indika fir-rikors illi huwa lest juża l-posta elettronika għall-korrispondenza mal-qorti.
15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
Iva, individwu jista’ jressaq appell u jirċievi deċiżjonijiet ta’ appell bl-użu tal-portal online tal-kawżi elettroniċi.
Individwu jrid jagħti kunsens speċjali għal korrispondenza ma’ qorti bl-użu tal-posta elettronika. Dan ifisser li l-qorti tibgħat dokumenti li tkun ħejjiet lill-parti.
16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
Iva, bl-introduzzjoni tas-sistema tal-kawżi elettroniċi ġiet stabbilita soluzzjoni għall-forniment ta’ dokumenti elettroniċi ta’ eżekuzzjoni maħruġa mill-qorti, li timmodernizza ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti ta’ eżekuzzjoni bejn il-qorti, il-kolletturi tad-dejn u l-uffiċjali ġudizzjarji ġuramentati. Iċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti ta’ eżekuzzjoni ssir online bejn is-Sistema Informatika Ġudizzjarja u r-Reġistru tal-Kawżi ta’ Eżekuzzjoni. Il-qorti tħejji l-ordni ta’ eżekuzzjoni fit-terminu stabbilit mil-liġi u tagħmilha disponibbli fis-Sistema Informatika Ġudizzjarja. Uffiċjal ġudizzjarju jibda azzjoni ta’ eżekuzzjoni skont rikors bil-miktub minn kollettur tad-dejn, li tista’ tiġi sottomessa jew f’forma stampata, iffirmata mill-kollettur tad-dejn, jew billi jintbagħat ir-rikors b’firma elettronika sikura fl-indirizz elettroniku uffiċjali jew l-indirizz tal-email tal-uffiċjal ġudizzjarju. Meta jdaħħal fajl ta’ eżekuzzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jittrasferixxi d-dokument ta’ eżekuzzjoni fil-forma ta’ data strutturata mis-Sistema Informatika tal-Qorti għar-Reġistru tal-Kawżi ta’ Eżekuzzjoni.
17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Il-partijiet u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-proċess tal-kawża u jissottomettu dokumenti proċedurali permezz tal-portal online tal-kawżi elettroniċi.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.