

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Mill-1 ta’ Settembru 2017, it-talbiet ċivili b’rappreżentanza legali obbligatorja (talbiet ta’ aktar minn EUR 25 000) li jitressqu quddiem il-qrati distrettwali tan-Netherlands Ċentrali u ta’ Gelderland għandhom isiru b’mod elettroniku (ara s-sit web ta’ De Rechtspraak).
Mill-1 ta’ Ottubru 2019, il-proċedimenti elettroniċi huma possibbli biss f’każijiet li jitressqu elettronikament quddiem il-qrati distrettwali tan-Netherlands Ċentrali u ta’ Gelderland wara l-1 ta’ Settembru 2017. Mill-1 ta’ Ottubru 2019, il-każijiet ġodda ma jistgħux jitressqu aktar elettronikament quddiem dawk il-qrati.
L-amministraturi / ir-riċevituri jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet u trasferimenti b’mod elettroniku permezz tad-Digitaal loket kanton. Tista’ timtela dikjarazzjoni ta’ kontijiet u trasferimenti (sommarju ta’ dħul, spejjeż, assi, pretensjonijiet u dejn għas-sena preċedenti) billi jintuża l-formularju elettroniku u tintbagħat b’mod elettroniku lill-qorti sottodistrettwali, sakemm din tal-aħħar ma tiddeċidix mod ieħor. L-identifikazzjoni diġitali (kodiċi login tad-DigID) hija meħtieġa għas-sottomissjoni tal-formularju.
Minn Novembru 2017, l-amministraturi professjonali ġew mitluba li jikkomunikaw mal-qrati b’mod elettroniku rigward każijiet amministrattivi. Dan l-approċċ elettroniku qed jiġi implementat b’mod gradwali fuq bażi ta’ uffiċċju wieħed wara l-ieħor (ara s-sit web ta’ De Rechtspraak).
Għall-Qorti Suprema (Hoge Raad), l-appelli ta’ kassazzjoni dwar il-każijiet ta’ ċitazzjonijiet ċivili jridu dejjem jiġu ppreżentati b’mod elettroniku (ara s-sit web ta’ Hoge Raad der Nederlanden).
Bejn l-1 ta’ Settembru 2017 u l-1 ta’ Ottubru 2019, il-proċedimenti elettroniċi kienu obbligatorji għat-talbiet ċivili b’rappreżentanza ġuridika obbligatorja miġjuba quddiem il-qrati distrettwali tan-Netherlands Ċentrali u ta’ Gelderland. Mhuwiex possibbli li jinġiebu kawżi quddiem qrati oħra permezz ta’ mezzi elettroniċi. Bħala regola, il-każijiet miġjuba fil-perjodu msemmi aktar ’il fuq quddiem il-qrati distrettwali tan-Netherlands Ċentrali u ta’ Gelderland se jiġu konklużi b’mod elettroniku. (Ara wkoll il-paragrafi 3-16.)
Il-Ġudikatura Olandiża (de Rechtspraak) qed taħdem biex tipprovdi aċċess diġitali għall-każijiet ċivili. Ir-rapporti dwar il-progress se jkunu disponibbli fuq is-sit web ta’ De Rechtspraak.
Għal talbiet ċivili b’rappreżentanza legali obbligatorja miġjuba quddiem il-qrati distrettwali tan-Netherlands Ċentrali u ta’ Gelderland fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu 2 hawn fuq, il-proċedimenti elettroniċi huma disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Il-helpdesk tal-Ġudikatura (rechtsspraakservicecentrum) jista’ jiġi aċċessat b’mod elettroniku u bit-telefon bejn it-8:00 u t-20:00.
Iva, il-kawża tinbeda billi jiġi ppreżentat dokument oriġinarju (procesinleiding) permezz tal-portal web tal-Ġudikatura.
Ara r-regoli ta’ proċedura fuq is-sit web ta’ De Rechtspraak.
Iva, l-identifikazzjoni elettronika hija meħtieġa għall-preżentazzjoni tad-dokumenti. L-avukati jużaw il-pass tagħhom bħala avukati għal dan il-għan, filwaqt li l-għażliet disponibbli għaċ-ċittadini jinkludu l-użu tal-kodiċi tal-login DigID jew l-ID elettronika (negozji) tagħhom. Il-liġi tiddikjara liema mezzi ta’ identifikazzjoni huma permessi.
Iva, it-tariffi tal-qrati jitħallsu fil-proċedimenti kollha. L-avukati jżommu kont kurrenti mas-sistema ġudizzjarja. Fil-każ tal-proċeduri elettroniċi, it-tariffi tal-qrati jitħallsu b’mod elettroniku. Fin-nuqqas ta’ ħlas, ma jkunx jista’ jsir progress (ulterjuri) fil-bidu tal-proċeduri.
Iva, il-liġi u r-regoli ta’ proċedura tas-sistema ġudizzjarja jistipulaw kif għandha tiġi rtirata t-talba.
Iva, jekk tapplika l-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri elettroniċi, il-konvenut ikun jista’ jirrispondi online. Jekk il-konvenut ikollu avukat, ir-risposta trid tingħata online. Jekk il-konvenut ikollu d-dritt li jaġixxi għan-nom tiegħu stess, ikun permess ukoll li r-risposta tingħata bil-miktub.
Il-proċeduri elettroniċi jitmexxew kompletament online. Il-konvenut jirċievi notifika bil-posta elettronika ta’ kull dokument ġdid li jiġi ddepożitat fil-fajl tal-kawżi elettroniċi. Il-konvenuti jistgħu jżidu d-dokumenti tagħhom u jikkonsultaw il-kawża tagħhom b’mod elettroniku. Is-sentenza tal-qorti tiġi kkomunikata b’mod elettroniku.
Jekk il-kawża tkun ġiet innotifikata b’mod korrett lill-parti l-oħra, il-kawża tkun tista’ tiġi ġġudikata b’kontumaċja għan-nuqqas ta’ dehra. Il-parti l-oħra tiġi infurmata dwar il-passi proċedurali bil-miktub.
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1. Il-preżentazzjoni tal-messaġġi u tad-dokumenti bil-posta elettronika mhijiex permessa billi ma tistax tiġi garantita sigurtà adegwata.
Le, id-dokumenti ġudizzjarji ma jistgħux jiġu nnotifikati permezz tal-internet. Madankollu, ħafna sentenzi jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ De Rechtspraak u jiġu assenjati numru ECLI, li jippermettilhom jiġu rkuprati faċilment. Il-president tas-seduta ġeneralment jiddeċiedi jekk is-sentenza għandhiex titqiegħed fuq is-sit web imsemmi qabel. Mhux is-sentenzi kollha għandhom jitqiegħdu fuq l-internet - dawk biss għażla b’rilevanza ġudizzjarja jew li fihom hemm interess sinifikanti (mill-midja) jitqiegħdu fuq is-sit.
L-ismijiet tal-persuni li jidhru f’sentenza huma anonimizzati għal raġunijiet ta’ privatezza. In-negozji u l-individwi involuti fil-qorti f’kapaċità professjonali mhumiex anonimizzati.
F’każijiet fejn il-proċedimenti jistgħu jew iridu jkunu elettroniċi, is-sentenza titqiegħed fil-fajl tal-kawżi elettroniċi. B’dan il-mod, is-sentenza tiġi nnotifikata lill-partijiet.
Le, il-pubblikazzjoni fuq l-internet issir wara n-notifika lill-partijiet u, għalhekk, wara d-data tas-sentenza. Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 13.
Le, mhuwiex possibbli li jsir appell b’mod elettroniku. Biss fi proċedimenti in kontumaċja li jitmexxu b’mod elettroniku tista’ oġġezzjoni tiġi nnotifikata permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Le.
Le, fi proċedimenti li jitmexxu b’mod elettroniku, l-avukati biss jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti tal-kawża fi kwalunkwe ħin.
Xi formoli jistgħu jitniżżlu mis-sit web De Rechtspraak f’format pdf, iżda dawn id-dokumenti jridu jintbagħtu wkoll bil-posta ordinarja lill-qrati sabiex jiġu inklużi fil-proċedimenti. Dawn id-dokumenti jinkludu formoli għas-separazzjoni tal-proprjetà u d-diviżjoni tal-pensjoni tal-irtirar, formoli għall-modifika tal-awtorità tal-ġenituri, it-tutela ta’ adult, l-amministrazzjoni fiduċjarja ta’ proprjetà u mentoraġġ, formoli ta’ dikjarazzjoni għall-esperti u l-interpreti, formoli ta’ insolvenza, formoli għall-ordni Ewropea għall-proċeduri ta’ ħlas, formoli għall-proċeduri għal talbiet żgħar Ewropej u formoli tal-ilmenti fi proċedimenti ta’ appell.
L-informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fi proċedimenti legali, kif ukoll l-informazzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza tal-imħallfin tiġi rreġistrata ċentralment u hija disponibbli online għall-pubbliku ġenerali permezz tas-sit web De Rechtspraak. Is-segwenti jistgħu jiġu kkonsultati online: ir-Reġistru Ċentrali tat-Tutela tal-Adulti (Centraal Curateleregister), ir-Reġistru Ċentrali tal-Insolvenza (Centraal Insolventieregister), ir-reġistru tal-proprjetà matrimonjali (huwelijksgoederenregister) u r-reġistru ta’ karigi addizzjonali okkupati mill-ġudikatura (register met nevenfuncties Rechterlijke Macht).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.