- 1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
- 2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
- 3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
- 4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
- 5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
- 6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
- 7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
- 8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
- 9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
- 10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
- 11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
- 12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
- 13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
- 14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
- 15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
- 16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
- 17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
Iva, huwa possibbli jinbdew proċedimenti tal-qorti ċivili bl-internet permezz ta’ Small Claims Online (SCOL) li tista’ tinstab f’https://www.justice-ni.gov.uk/articles/online-services
2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
Small Claims On Line (SCOL) hija disponibbli għal talbiet ta’ flus li jkunu ta’ anqas minn £ 3,000, esklużi t-tariffi tal-qorti, u li ma jirrigwardawx danni personali, inċidenti tat-traffiku, libell jew kalunnja, titolu ta’ art, legat jew annwalità jew kwalunkwe proprjetà ta’ żwieġ.
Il-persuna jew persuni (l-intimat(i)) li tkun infetħet kawża kontrihom jistgħu jkunu jirrisjedu fir-Renju Unit sakemm jiġi pprovdut kodiċi postali rikonoxxut li jippermetti l-identifikazzjoni tal-indirizz xieraq għan-notifika. Jekk l-intimat ikollu indirizz fl-Ingilterra, fl-Iskozja jew f’Wales, ir-rikorrent irid jikkonferma li r-raġuni tal-kawża li għaliha jkun qiegħed jagħmel it-talba ma tkunx kwistjoni li ġiet ippreżentata f’xi qorti oħra. Madankollu, jekk l-intimat ikollu indirizz barra mir-Renju Unit, f’dak il-każ SCOL ma tistax tintuża.
Fir-rigward ta’ SCOL, l-awturi jrid ikollhom mill-anqas 18-il sena, ma jridx ikollhom nuqqas ta’ kapaċità mentali, ma jridux ikunu assistiti legalment skont it-tifsira tal-Att tal-1988 dwar l-Għajnuna Legali (Legal Aid Act 1988) u ma jridux ikunu litiganti vessatorji (jiġifieri persuna li tkun ġiet ipprojbita minn Imħallef tal-Qorti Għolja (High Court Judge) milli tibda proċedimenti fi kwalunkwe qorti tal-kontea (county court) fl-Irlanda ta’ Fuq mingħajr permess). Ma jistgħux isiru talbiet kontra l-Gvern jew il-Monarkija.
It-Talbiet Żgħar jistgħu jinbdew f’uffiċċju tal-qorti jew online bl-użu tal-proċess ta' SCOL.
3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
SCOL attwalment hija disponibbli 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa.
4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
Għal SCOL, ir-rikorrent jintalab jimla sensiela ta’ skrins. Kull skrin jittratta biċċa informazzjoni speċifika li hija meħtieġa - pereżempju l-isem u l-indirizz sħiħ tar-rikorrent, l-isem u l-indirizz tal-intimat jew tal-intimati u l-ammont ta’ flus li jkunu qed jintalbu u d-dettalji tat-talba.
5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
Is-sigurtà hija ta’ importanza kbira. Minħabba li xi informazzjoni li rikorrent jipprovdi tista’ tkun ta’ natura sensittiva, is-sigurtà tiġi pprovduta permezz ta’ ID tal-utent u passwords uniċi. Is-sit web għandu wkoll protezzjoni tas-sigurtà u jikkripta d-data li tgħaddi minn fuq l-Internet.
Ir-rikorrenti jridu jirreġistraw mas-sit web qabel ma jkunu jistgħu jagħmlu talba żgħira online. Waqt ir-reġistrazzjoni, huma jiġu mitluba jagħżlu ID tal-utent u password. Il-password ma tridx tkun iqsar minn 7 karattri u trid tkun taħlita ta’ ittri kbar u ittri żgħar u numri.
6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
Mhumiex meħtieġa firem elettroniċi. Ir-Rikorrent huwa meħtieġ jimla Dikjarazzjoni tal-Verità.
7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn it-tariffi tal-qorti pagabbli għal talbiet mibdija permezz tal-Internet u dawk għal proċeduri mhux elettroniċi. It-tariffi tal-qorti jistgħu jitħallsu permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu jew kont imħallas minn qabel. Dawk intitolati li jitolbu eżenzjonijiet jew remissjonijiet tat-tariffi ma jistgħux jużaw SCOL.
8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
Ir-Rikorrent jista’ jagħmel avviż biex tiġi rtirata talba; dan l-avviż jista’ jiġi ppreżentat online jew permezz tal-uffiċċju u jistabbilixxi l-istatus tal-kawża għal “trattata”.
9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
Jekk talba tkun inħarġet permezz ta’ SCOL, intimat jista’ jirrispondi b’mod elettroniku billi juża d-dettalji tat-talba pprovduti fuq quddiem tal-formola tat-talba jew inkella jista’ jirrispondi lill-uffiċċju tal-qorti rilevanti. Mhuwiex obbligatorju li wieħed jirrispondi permezz tal-internet.
10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
L-intimat jista’ jirrispondi online għal talba magħmula permezz ta' SCOL bi 3 modi. Huwa jista’ jimla:
Aċċettazzjoni tar-Responsabbiltà – jekk jammetti t-talba u jkun jixtieq jissaldaha.
Intimat għandu jimla u jippreżenta dan id-dokument jekk huwa jaċċetta li dawn il-flus ikunu dovuti minnu u jkun se jħallas l-ammont pendenti. Huwa għandu jispeċifika jekk ikollux bżonn aktar żmien biex iħallas billi jiddikjara li jista’ jħallas ammont fil-ġimgħa/xahar jew li jista’ jħallas l-ammont sħiħ sa ċerta data.
Avviż ta’ Tilwima - jekk l-intimat ikun jixtieq jikkontesta t-talba magħmula kontrih.
Jekk ma jaqbilx mat-talba, huwa għandu jimla u jissottometti Notifika ta’ Tilwima, u jagħti r-raġuni għaliex iħoss li din il-kawża għandha tiġi kkontestata. Ladarba d-dokument jiġi verifikat, il-kawża mbagħad tiġi trasferita lill-uffiċċju tal-qorti msemmi fir-rikors oriġinali (normalment uffiċċju tal-qorti lokali) għall-elenkar (jiġifieri skedar) u s-seduta. Huwa jrid jippreżenta kopji ta’ kwalunkwe dokument li jappoġġa l-kawża tiegħu lill-Uffiċċju tal-Qorti rilevanti mill-anqas 10 ijiem qabel id-data tas-seduta.
Avviż ta’ Tilwima u Kontrotalba - jekk l-intimat ikun jixtieq jikkontesta t-talba magħmula kontrih u jkun jixtieq jagħmel kontrotalba kontra r-rikorrent. Ikun hemm tariffa imposta għal dan id-dokument u din tiġi kkalkulata skont l-ammont li l-intimat ikun jixtieq jitlob. Huwa jkun irid iħallas għal dan ir-rikors permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu online. Jekk ma jkollux karta ta’ kreditu jew ta’ debitu, huwa jkollu jissottometti dan id-dokument liċ-Ċentru tal-Ipproċessar Ċivili (Civil Processing Centre) u jħallas permezz ta’ flus kontanti, money order jew ċekk. Iċ-ċekkijiet għandhom ikunu pagabbli lis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service).
Ladarba d-dokument jiġi verifikat fiċ-Ċentru tal-Ipproċessar Ċivili (Civil Processing Centre), dan imbagħad jiġi trasferit lill-uffiċċju tal-qorti msemmi fir-rikors oriġinali (normalment uffiċċju tal-qorti lokali) għall-elenkar u s-seduta. L-intimat irid jippreżenta kopji ta’ kwalunkwe dokument li jappoġġa l-kawża tiegħu lill-Uffiċċju tal-Qorti rilevanti mill-anqas 10 ijiem qabel id-data tas-seduta.
Meta l-intimat jippreżenta kontrorisposta, il-kawża tiġi trasferita lill-qorti lokali tal-intimat. Meta ssir kontrotalba, il-kawża tiġi trasferita lil qorta xierqa. Fiż-żewġ ċirkustanzi, il-kawża tkompli daqs li kieku kienet inħarġet f’format mhux elettroniku.
11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
Ladarba d-data tar-ritorn tkun skadiet u ma jkun hemm l-ebda risposta mill-intimat, ir-rikorrent jista’ jippreżenta rikors għal Digriet ta’ Inadempjenza b’Likwidazzjoni jew Mingħajr Likwidazzjoni (Liquidated or Unliquidated Default Decree). Dan ir-Rikors għal Digriet ta’ Inadempjenza jista’ jimtela u jiġi ppreżentat online.
12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
Ma hemm l-ebda faċilità ġenerali online biex jiġu ppreżentati dokumenti lil qorti b’mod elettroniku, madankollu f’ċerti ċirkostanzi fid-diskrezzjoni tal-qorti, il-qorti tista’ tindika li se taċċetta ċerta dokumentazzjoni b’mod elettroniku. Id-dokumenti jiġu aċċettati jekk jiġu trażmessi bejn il-kontijiet tal-Posta elettronika tal-Ġustizzja Kriminali (Criminal Justice Secure eMail) (CJSM), jiġifieri minn indirizz elettroniku tas-CJSM għal ieħor. Protokoll għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts & Tribunals Service) u organizzazzjonijiet oħra, fi proċedimenti skont l-Ordni tal-1985 dwar it-Tfal (Irlanda ta’ Fuq) (Children (Northern Ireland) Order 1995), jagħti d-dettalji tal-parametri għall-iskambju tad-dokumentazzjoni maqbula.
13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
Le.
14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
Le.
15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
Le.
16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
Le.
17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Le.
Links relatati
Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.