- 1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
- 2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
- 3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
- 4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
- 5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
- 6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
- 7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
- 8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
- 9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
- 10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
- 11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
- 12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
- 13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
- 14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
- 15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
- 16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
- 17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
Huwa possibbli li tinbeda proċedura magħrufa bħala proċedura elettronika b’talba għall-ħlas (elektroniczne postępowanie upominawcze, EPU) permezz tal-Internet. L-ewwel stadju ta’ din il-proċedura jitwettaq mingħajr il-parteċipazzjoni tal-intimat. L-intimati jistgħu jipproċedu bid-difiża biss wara li tkun inħarġet l-ordni għall-ħlas u wara li din tkun ġiet innotifikata lilhom.
2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
Skont l-Artikolu 50528 § 2 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ordni għall-ħlas ma tistax tinħareġ fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas jekk ir-rikorrent ikun qiegħed jagħmel talba li ma tkunx talba pekunarja u jekk in-notifika tal-ordni lill-intimat tkun se sseħħ barra l-Polonja. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 50529a tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, talbiet li jkunu saru dovuti matul it-tliet snin ta’ qabel id-data li fiha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta’ talba jistgħu jiġu eżerċitati fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas.
3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
Dikjarazzjoni ta’ talba fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti elettronika (e-sąd) fi kwalunkwe ħin.
4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
Software speċjalizzat maħluq għall-qorti elettronika jikkonverti b’mod awtomatiku l-fajl testwali li fih id-dikjarazzjoni ta’ talba fil-format u fl-istruttura tad-data meħtieġa mill-qorti elettronika.
5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
Id-data tinżamm sigura permezz ta’ għadd ta’ soluzzjonijiet avvanzati tal-IT, li jinkludu CAPTCHA (Test Turing Pubbliku Kompletament Awtomatizzat li jiddistingwi lill-Kompjuters u lill-Bnedmin). CAPTCHA huwa tip ta’ teknoloġija użat bħala karatteristika tas-sigurtà tas-siti web, li tippermetti li tintbagħat biss data mdaħħla minn bnedmin. F’dan il-każ, CAPTCHA jipproteġi l-portal fuq il-web kontra kontijiet maħluqin minn magni. Is-sistema tivverifika dan billi tesiġi li l-utent jikteb it-test muri fi stampa. It-test ikun distort apposta, biex ma jkunx jista’ jinqara permezz ta’ OCR (Rikonoxximent Ottiku tal-Karattri, sett ta’ teknoloġiji jew software użat għar-rikonoxximent ta’ karattri u ta’ testi sħaħ f’fajl tal-kompjuter f’forma grafika jew raster fajl tal-kompjuter f’forma grafika f’forma raster), iżda xorta jkun jista’ jinqara b’mod suffiċjenti mill-bnedmin. Il-kodiċi moqri mill-istampa għandu jinkiteb fil-kamp billi jintużaw ittri żgħar jew kapitali.
6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
Trid tintuża firma elettronika biex jiġu ffirmati dikjarazzjonijiet ta’ talba u sottomissjonijiet fi proċedura elettronika b’talba għall-ħlas. Jistgħu jintużaw it-tipi ta’ firma li ġejjin:
(a) Firma elettronika ordinarja li tista’ tinkiseb mis-sit web tal-EPU mingħajr ħlas.
Qabel ma dan iseħħ, l-ewwel trid toħloq kont. Ladarba l-kont jiġi attivat, trid tapplika għal ċertifikat li għandu jinħareġ miċ-Ċentru ta’ Ċertifikazzjoni tal-EPU u mbagħad tistenna l-konferma li ċ-ċertifikat inħareġ (madwar sagħtejn). Imbagħad trid tniżżel iċ-ċertifikat. Sabiex iċ-ċertifikat jinstalla kif suppost fis-sistema operattiva, għandek bżonn password taċ-ċertifikat. Il-password tintbagħat permezz tal-posta elettronika. Jekk titlef iċ-ċertifikat wara li tniżżlu, trid tiġġenera applikazzjoni oħra għal ċertifikat. Firma elettronika ordinarja tista’ tintuża biss fi proċeduri elettroniċi. Iċ-ċertifikat għal firma elettronika ordinarja huwa validu għal sena.
(b) Firma elettronika kwalifikata. Wara li tirreġistra kont tal-utent, awtomatikament tkun tista’ tuża firma elettronika kwalifikata. Madankollu, l-ewwel trid tikseb firma elettronika kwalifikata int stess.
7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
Tariffa tal-qorti dovuta fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas tista’ titħallas biss billi jintużaw mezzi elettroniċi, permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament. Tammonta għal kwart mit-tariffa pagabbli fi proċedura tradizzjonali permezz ta’ talba għall-ħlas.
8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, ir-rikorrent jista’ jirtira d-dikjarazzjoni ta’ talba sakemm il-proċedura tiġi konkluża b’deċiżjoni finali. Għal dan l-għan, trid tiġi ppreżentata sottomissjoni.
Sottomissjoni bħal din għandu jkun fiha d-dikjarazzjoni ta’ rtirar tat-talba tar-rikorrent u tispeċifika n-numru tal-kont tal-bank. Ir-rikorrent jista’ jirtira d-dikjarazzjoni ta’ talba bis-sħiħ – f’dan il-każ, ir-rikorrent jirrinunzja l-protezzjoni legali tat-talbiet kollha (fl-ammonti sħaħ tagħhom) ippreżentati fid-dikjarazzjoni tat-talba. Dikjarazzjoni ta’ talba tista’ tiġi rtirata f’parti minnha biss ukoll, li tkun magħrufa bħala l-irtirar parzjali ta’ talba. Meta jirtira d-dikjarazzjoni ta’ talba, ir-rikorrent fl-istess ħin jista’ jirrinunzja t-talba mressqa. Is-sottomissjoni li tirtira d-dikjarazzjoni ta’ talba trid tispeċifika numru tal-kont tal-bank għar-ripagament tat-tariffa tal-qorti. It-tariffa tal-qorti titħallas lura jekk id-dikjarazzjoni ta’ talba tiġi rtirata qabel ma tinħareġ l-ordni għall-ħlas.
9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, l-intimat ma jistax jippreżenta risposta permezz tal-Internet. L-ewwel dokument li għandu jiġi nnotifikat fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas hu ordni għall-ħlas. L-intimat jista’ jappellaha billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni (f’forma tradizzjonali jew elettronika).
10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, l-intimat ma jistax jippreżenta risposta għad-dikjarazzjoni ta’ talba. L-unika forma ta’ appell kontra l-ordni għall-ħlas hija l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni quddiem il-qorti (f’forma tradizzjonali jew elettronika). F’dak il-każ, l-ordni għall-ħlas titlef is-saħħa tagħha u ma jkollha l-ebda effett legali. Il-kwistjoni tiġi rinvijata mill-qorti elettronika lill-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jkun domiċiljat l-intimat u tinstema’ fi proċedimenti oħrajn.
11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
Ordni għall-ħlas maħruġa f’forma elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas issir finali ġimagħtejn wara li tiġi nnotifikata lill-intimat. Ordni finali għall-ħlas maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas u inkluża fis-sistema tal-IT hija talba għall-eżekuzzjoni. Ordni għall-ħlas maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas tiġi ddikjarata eżegwibbli mill-qorti permezz ta’ ordni elettronika ta’ eżekuzzjoni.
12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, ma jistgħux jiġu mehmużin dokumenti ma’ sottomissjonijiet ippreżentati b’mezzi elettroniċi.
13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lir-rikorrent b’mezzi elettroniċi. Mal-bidu tal-proċedura bil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ talba permezz tas-sit web tal-qorti elettronika, ir-rikorrenti jiksbu aċċess għal taqsima dedikata tas-sit web tal-qorti elettronika, li tippermettilhom jirċievu korrispondenza mill-qorti. Il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lir-rikorrent permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li ssostni l-proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas (notifika elettronika tal-proċess tal-qorti). Il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lill-intimat b’mod elettroniku biss jekk l-intimat ikun qabel ma’ din il-forma ta’ notifika tal-proċess tal-qorti.
14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
Fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu elettroniċi.
15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
Iva, fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas biss.
16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
Jekk l-ordni ta’ eżekuzzjoni tkopri deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, rikors għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat b’mezzi elettroniċi.
Irid jiġi ppreżentat permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li ssostni l-proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas.
17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Matul proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas, il-partijiet ikollhom aċċess sħiħ għall-fajls tal-proċedura mwettqa fil-każ tagħhom. Aċċess bħal din jiġi pprovdut permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li ssostni l-proċedura. Huwa possibbli wkoll li d-dokumenti aċċessibbli jiġu stampati.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.