Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, fil-Portugall huwa possibbli li tressaq proċedimenti tal-qorti permezz tal-internet, u nħolqu applikazzjonijiet tal-IT speċifiċi għal dan l-iskop: Citius u l-Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju.

Citius

Fil-prinċipju, fi proċedimenti ċivili, huwa possibbli li jiġu ppreżentati sottomissjonijiet u dokumenti elettronikament permezz tal-pjattaforma Citius fl-indirizz http://citius.tribunaisnet.mj.pt/, skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet stabbiliti hemmhekk.

Il-pjattaforma Citius tipprovdi moduli speċifiċi għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali tal-qorti biex jipproċessaw il-proċedimenti u jippreżentaw dokumenti formali, u għar-rappreżentanti legali biex jippreżentaw dokumenti formali u jikkonsultaw il-proċedimenti (l-Artikolu 3, l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali (Portaria) Nru 280/2013).

Biex jingħataw aċċess l-avukati, l-avukati apprendisti u l-konsulenti legali jridu jirreġistraw mal-entità responsabbli għall-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema. L-aċċess huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti fir-rigward tal-validità tar-reġistrazzjoni tal-membri.

Wara r-reġistrazzjoni, tinħareġ informazzjoni sigrieta, personali u mhux trasferibbli li tippermetti l-aċċess għaż-żona ristretta tal-pjattaforma.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Fir-rigward tas-suċċessjoni, mit-2 ta’ Settembru 2013, f’każijiet meta l-proċedimenti ta’ wirt għall-qsim ta’ assi huma kontenzjużi, il-partijiet interessati jistgħu jagħżlu l-uffiċċju tan-nutar fejn jixtiequ jiftħu proċeduri ta’ inventarju, sakemm ikun hemm konnessjoni rilevanti mal-qsim ta’ assi bbażat fuq il-post fejn infetħet is-suċċessjoni, il-post tal-maġġoranza tal-proprjetajiet jew stabbilimenti kummerċjali li jiffurmaw parti mill-wirt jew il-post ta’ residenza tal-maġġoranza tal-partijiet interessati diretti fl-imsemmi qsim ta’ assi. Il-proċedimenti jitressqu quddiem il-qorti f’ċerti stadji biex l-imħallef jasal għal deċiżjoni, inkluż biex jikkonferma l-qsim tal-beni.

Il-proċess tal-inventarju huwa ttrattat preferibbilment b’mod elettroniku, minn nutara permezz ta’ mezzi elettroniċi, skont l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 (l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 117/2019).

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Citius

Bħala regola, il-proċedimenti legali kollha, jiġifieri l-azzjonijiet prinċipali, il-miżuri kawtelatorji, il-proċedimenti anċillari, in-notifiki ġudizzjarji individwali u kwalunkwe proċedimenti oħra, sew jekk magħquda kif ukoll jekk awtonomi, inklużi l-appelli, issa huma elettroniċi u pproċessati fis-Citius (l-Artikolu 3 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013).

Għal każijiet imressqin quddiem il-qrati, il-pjattaforma Citius tippermetti l-istigazzjoni u l-ipproċessar ta’:

(a) kawżi dikjaratorji ċivili, miżuri kawtelatorji u notifiki ġudizzjarji individwali, bl-eċċezzjoni ta' proċedimenti ta' protezzjoni tat-tfal u talbiet għal danni ċivili jew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili miġjuba fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali;

(b) il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili u l-proċedimenti anċillari kollha konġunti mal-eżekuzzjoni (f’dan il-każ, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-istampar ta’ kwalunkwe dokument meqjus bħala essenzjali, għandhom isiru biss ladarba l-qorti tkun irċeviet rikors jew informazzjoni li teħtieġ l-intervent tagħha).

L-istess japplika għal proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas. Ara wkoll l-iskeda informattiva rilevanti.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Il-preżentazzjoni tat-talba tal-inventarju man-nutar, kwalunkwe kontestazzjoni, u l-kawżi sussegwenti kollha jridu jsiru, kull meta jkun possibbli, permezz tal-Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju (l-Artikolu 6, il-Liġi Nru 23/2013).

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Bħala regola, is-servizzi deskritti huma disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Citius

Is-sottomissjonijiet għandhom jiġu ppreżentati billi jimtlew il-formoli li jinsabu fil-paġna web imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija1, li magħha għandhom jinhemżu:

(a) fajls bl-informazzjoni l-oħra meħtieġa skont il-liġi, il-kontenut materjali tas-sottomissjonijiet u informazzjoni oħra li r-rappreżentant legali jqis li tkun rilevanti li ma jidħlux fil-kaxxi l-oħra tal-formola; u

(b) id-dokumenti li jridu jakkumpanjaw is-sottomissjoni.

Meta sottomissjonijiet u dokumenti jiġu ppreżentati b'dan il-mod iridu jiġu ffirmati diġitalment fil-pjattaforma Citius bl-użu ta’ ċertifikat ta' firma elettronika li tiggarantixxi b’mod permanenti l-istatus professjonali tal-firmatarju.

Il-fajls u d-dokumenti jridu jkunu fil-Portable Document Format (.pdf), preferibbilment fil-verżjoni PDF/A u jkun fihom kontenut li jista’ jitfittex (l-Artikolu 8, l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013).

Fir-rigward ta’ ordnijiet għal proċedimenti ta’ ħlas, il-fajls għandhom ikunu f’extensive markup language (.xml), l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jinstabu fuq https://www.citius.mj.pt/portal/consultas/injuncoes/injunformato.aspx

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Rikors għal proċedimenti ta’ inventarju jista’ jiġi ppreżentat:
a) mill-parti interessata jew mir-rappreżentant legali, billi timtela l-formola elettronika biex jitressqu l-proċedimenti tal-inventarju provduti fil-pjattaforma, u jinthemżu d-dokumenti rilevanti skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet mogħtija;
b) mill-parti interessata fl-uffiċċju tan-nutar, fuq mezz fiżiku, billi jiġi sottomess il-mudell tar-rikors għall-inventarju previst fl-Artikolu preċedenti, flimkien mad-dokumenti rilevanti. (l-Artikolu 4, l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013).

L-aċċess għas-sit web imsemmi fuq isir permezz ta’ ċertifikazzjoni elettronika kif ġej:
a) miċ-ċittadini, permezz taċ-ċertifikat diġitali inkorporat fil-karti tal-identità tagħhom;
b) minn avukati u konsulenti legali permezz taċ-ċertifikat diġitali li jikkonferma l-istatus professjonali tagħhom.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Id-data personali miġbura mill-qrati meta jitwettqu funzjonijiet legali hija pproċessata mill-pjattaforma tal-IT Citius, maħluqa u ġestita mill-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja, I.P., (Instituto de Gestão Financeira e Equipamentos da Justiça, I.P.) (“IGFEJ, I.P.”), taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala s-sottokuntrattur tal-ogħla korp fis-sistema legali (skont l-Artikoli 4(8) u 28 tal-GDPR), jiġifieri l-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura.

IGFEJ, I.P. huwa meħtieġ li jiggarantixxi li l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa kollha jiġu implimentati biex jiġi żgurat li d-data tiġi pproċessata skont ir-Regolament u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu protetti. Skont l-Artikolu 37 tal-GDPR, il-Ministeru tal-Ġustizzja, ħatar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data wieħed għall-korpi taħt it-tutela tagħhom, inkluż IGFEJ, I.P.

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef tal-kawża li jiddeċiedi dwar l-aċċess għad-data personali u t-trażmissjoni tagħha f’kawżi ġudizzjarji. L-imħallef tal-każ għandu jieħu din id-deċiżjoni skont il-liġijiet proċedurali applikabbli għall-każ speċifiku, u bid-dettalji li ġejjin previsti fil-GDPR: l-ipproċessar ta’ data personali mill-qrati jippermetti li l-applikazzjoni tar-Regolament tkun ristretta għal operazzjonijiet speċifiċi u għal proċeduri li għandhom jiġu segwiti (l-Artikolu 23(1)(d) u (f) tal-GDPR); l-awtorità ta’ kontroll ma tistax tikkontrolla operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati fit-twettiq ta’ dmirijiet legali (limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 55(3) tal-GDPR). Il-proċess tal-appelli previst fil-liġi proċedurali nazzjonali għandu japplika għal deċiżjonijiet legali dwar il-kwistjoni.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Citius

Is-sottomissjonijiet u d-dokumenti ppreżentati mir-rappreżentanti legali jridu jkunu ffirmati diġitalment b'ċertifikat ta' firma elettronika li tiggarantixxi b’mod permanenti l-identità u l-istatus professjonali tal-firmatarju.

Il-pjattaforma Citius tiżgura:

(a) ċertifikazzjoni tad-data u l-mument tal-konsenja;

(b) li l-mittent jiġi pprovdut b'kopja tas-sottomissjoni u tad-dokumenti mibgħuta bid-data u l-ħin tal-konsenja ċċertifikata mehmuża;

(c) jekk ma jkunux jistgħu jaslu, jintbagħat messaġġ lill-mittent li jinfurmah li ma kienx possibbli li s-sottomissjoni jew id-dokumenti jintbagħtu lill-pjattaforma.

L-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi dejjem iressqu dokumenti formali b’mod elettroniku permezz tas-sistema tal-IT Citius, b’firma elettronika kwalifikata jew avvanzata mehmuża.

F’każijiet li ma jkunux jeħtieġu rappreżentanza legali, u meta l-parti ma jkollhiex avukat, is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fil-qorti f’wieħed mill-modi li ġejjin [l-Artikolu 144(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili]:

(a) konsenja bl-idejn lir-reġistru tal-qorti, bid-data meta d-dokumenti jiġu ppreżentati tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet;

(b) bil-posta rreġistrata, bid-data tar-reġistrazzjoni postali tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet;

(c) bil-faks, bid-data meta jintbagħtu d-dokumenti tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet.

Meta l-parti jkollha rappreżentanza legali u jkun hemm ostaklu ġustifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti b’mod elettroniku, huma jkunu jistgħu jiġu ppreżentati bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmija hawn fuq.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Ladarba r-rikors ikun ġie ppreżentat kif meħtieġ, il-pjattaforma jew in-nutar jipprovdi konferma tas-sottomissjoni lir-rikorrent li tispeċifika: 
a) id-data u l-ħin meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni;
b) il-kodiċi u l-istruzzjonijiet biex isir aċċess għas-sit web https://www.inventarios.pt/ sabiex jikkonsulta l-każ;

c) referenza tal-ATM Multibanco biex jitħallas l-ewwel pagament tat-tariffi tan-nutar, u l-ammont korrispondenti;
d) n-numru li se jingħata lill-każ wara l-ħlas tal-ewwel pagament tat-tariffi tan-nutar.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Citius

Iva, it-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu.

L-ewwel irid jinħareġ “dokument ta’ inkass uniku” (Documento Único de Cobrança - DUC) għall-ħlas u dan jista’ jiġi aċċessat mill-paġna web tal-IGFEJ: https://justica.gov.pt/Servicos/Custas-processuais/DUC-Documento-Unico-de-Cobranca

Id-DUC jista’ jitħallas:

  • Minn ATM Multibanco jew bil-Homebanking (taħt “Ħlasijiet lill-Istat” (Pagamentos ao Estado));
  • fir-reġistru tal-qorti b’karta tal-Multibanco;
  • fil-fergħa tal-bank tiegħek.

Għal aktar informazzjoni kkonsulta:

Servizzi – Spejjeż tal-Proċedimenti:: https://justica.gov.pt/Servicos/Custas-processuais

Fi proċedimenti fejn l-użu ta’ mezzi elettroniċi mhuwiex obbligatorju, it-tariffi tal-qorti jitnaqqsu għal 90 % tal-valur tagħhom meta l-parti tippreżenta s-sottomissjonijiet kollha permezz ta’ mezzi elettroniċi (l-Artikolu 6, ir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali).

Fir-rigward ta' ordnijiet ta' ħlas, irreferi għall-iskeda informattiva korrispondenti.

Il-Portugall jaċċetta wkoll il-ħlas tat-tariffi tal-qorti permezz ta’ trasferiment minn banek barranin.

Tista’ ssib simulatur tat-tariffi tal-qorti fl-indirizz: https://justica.gov.pt/Servicos/Custas-processuais/DUC-Documento-Unico-de-Cobranca

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

L-ispejjeż għall-proċedimenti tal-inventarju jkopru l-onorarji u l-ispejjeż tan-nutar. Il-ħlas isir permezz ta’ referenza ta’ trasferiment elettroniku b’ATM Multibanco ġġenerata meta jiġi ppreżentat r-rikors.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva, huwa possibbli li tirrinunzja għall-atti jew tirtira r-rikors skont it-termini stabbiliti fir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kull każ.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Bħala regola, fil-proċedimenti legali, is-sottomissjonijiet tal-intimat jiġu ppreżentati quddiem il-qorti b’mod elettroniku, u d-data ta’ meta jiġu ppreżentati d-dokumenti tgħodd bħala d-data ta’ meta jiġu ppreżentati is-sottomissjonijiet (l-Artikolu 144 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F’kawżi li ma jkunux jeħtieġu rappreżentanza legali, u meta l-parti ma jkollhiex avukat, is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu kkonsenjati wkoll personalment lir-reġistru tal-qorti, jew jintbagħtu bil-posta rreġistrata jew bil-faks.

Għall-proċedimenti tal-inventarju, jekk jogħġbok ara t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 4 u 6.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Citius

Jekk l-intimat ikun jixtieq iwieġeb, it-talba xorta tiġi pproċessata b’mod elettroniku, għalkemm ċerti dokumenti jiġu stampati. Id-dokumenti stampati xorta għadhom meħtieġa (eż. l-imħallfin m’għandhomx ir-riżorsi materjali li jippermettulhom janalizzaw kawża u jfasslu deċiżjoni fuq skrins separati jew biex jikkonsultaw il-proċess diġitali fl-awla tal-qorti waqt li l-kawża tkun qed tinstema’; f’xi każijiet, ikun f’idejn il-qorti li tiddeċiedi jekk l-analiżi dettaljata ta’ ċerti dokumenti teħtieġx li tiġi stampata).

L-atti stampati jridu jinkludu biss sottomissjonijiet u dokumenti proċedurali li jkunu rilevanti għad-deċiżjoni fuq il-merti kif indikat mill-imħallef f’deċiżjoni motivata f’kull kawża. Huwa preżunt li dawn li ġejjin mhumiex rilevanti (l-Artikolu 28 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013):

(a) talbiet biex tinbidel id-data ta’ seduta ta’ smigħ;

(b) komunikazzjonijiet amministrattivi u avviżi ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw biss l-organizzazzjoni tal-proċedimenti, u t-tweġibiet, bħal:

(i) avviżi li jordnaw taħrika jew notifika tal-partijiet;

(ii) avviżi li jfasslu l-iskeda għas-seduti;

(iii) avviżi li kawża ntbagħtet lill-Prosekutur Pubbliku;

(iv) avviżi ta’ investigazzjoni minn dipartimenti differenti bħall-awtoritajiet tal-pulizija kriminali, l-uffiċċji tar-reġistru, il-Mediċina Forensika Nazzjonali u l-Istitut tax-Xjenza Forensika tal-Portugall (Instituto Nacional de Medicina Legal e Ciências Forenses I. P.), id-Direttorat għas-Servizzi tal-Ħabsijiet u tar-Riabilitazzjoni Soċjali (Direcção-Geral de Reinserção e Serviços Prisionais) jew id-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (Direcção-Geral da Segurança Social);

(v) timbri ta’ validazzjoni mill-prosekutur pubbliku u minn imħallef;

(c) l-aċċettazzjoni ta’ ħatra ta’ aġent tal-eżekuzzjoni biex jinnotifika taħrika;

(d) komunikazzjonijiet interni;

(e) ċertifikati negattivi li jirriżultaw mill-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data fid-dipartimenti tal-Amministrazzjoni Pubblika;

(f) azzjonijiet speċifiċi, komunikazzjonijiet jew notifiki mill-aġent tal-eżekuzzjoni.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

In-nutar irid jirreġistra l-passi kollha fil-proċedimenti fil-pjattaforma sabiex kull pass ikun jista’ jiġi identifikat u tkun tista’ tinstab kopja tad-dokumenti relatati u ta’ kull dokument ta’ akkumpanjament.

Kwalunkwe azzjoni legali formali ppreżentata minn kwalunkwe persuna involuta fil-proċedimenti li ma tiġix ippreżentata b’mod elettroniku għandha tiġi skennjata min-nutar u rreġistrata fl-atti tal-proċedimenti tal-inventarju relatati.

Jekk l-iskennjar ta’ dokumenti msemmi hawn fuq ma jkunx possibbli minħabba n-natura tas-sottomissjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor ippreżentat mill-parti interessata, in-nutar irid jirreġistra l-azzjoni fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, u jiddikjara li d-dokument ikkonċernati jkunu jistgħu jiġu kkonsultati fl-uffiċċju notarili.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk l-intimat ma jweġibx, it-talba ssegwi l-proċedura applikabbli u tiġi pproċessata diġitalment sal-konklużjoni tagħha. Ċerti dokumenti jiġu stampati kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Ara t-tweġibiet fil-punti 2 u 4.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Citius

Biex issir taf f’liema każijiet il-liġi tippermetti notifika permezz tal-internet, ara l-iskeda informattiva “Notifika ta’ Dokumenti – il-Portugall”, b’mod partikolari t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5 u 6.

Meta jkun permess li ssir notifika elettronika, dan isir permezz tal-pjattaforma Citius, li tiżgura awtomatikament li d-dokumenti jkunu disponibbli u li wieħed jista’ jarahom fl-indirizz http://citius.tribunaisnet.mj.pt/.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

In-notifika min-nutar lir-rappreżentanti legali ta’ partijiet li huma diġà involuti fil-proċedimenti ssir permezz tal-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, fl-ispazju ristrett riżervat għar-rappreżentant legali fis-sistema. In-notifika titqies li saret fit-tielet jum wara li d-dokument ikun sar disponibbli fl-ispazju ristrett tar-rappreżentant legali fis-sistema, jew fil-jum tax-xogħol li jsegwi jekk dakinhar ma jkunx jum tax-xogħol.

Meta d-dokument isir disponibbli fl-ispazju riżervat tar-rappreżentant legali fil-pjattaforma, tintbagħat ittra elettronika simultanjament lill-indirizz tal-posta elettronika li jkun pprovda qabel li jinnotifikah li d-dokument ikun disponibbli fil-pjattaforma.

Meta n-notifika ssir direttament lill-partijiet, id-dokumenti jiġu nnotifikati f’forma stampata skont it-termini stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u jiġu rreġistrati fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, bil-firma elettronika tal-iskrivan rispettiv.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Biex issir taf f’liema każijiet il-liġi tippermetti n-notifika ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-internet, ara l-iskeda informattiva “Notifika ta’ Dokumenti – il-Portugall”, b’mod partikolari t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5 u 6.

L-għoti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jseħħ fis-sistema Citius-Magistrados Judiciais u d-deċiżjonijiet ikunu disponibbli fil-pjattaforma Citius.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Iva, dawn li ġejjin jistgħu jiġu sottomessi elettronikament: rikorsi għal permess għal appell, dikjarazzjonijiet ta’ raġunijiet għall-appell u r-risposti, u lmenti kontra ċ-ċaħda jew ir-riferiment ta’ appelli.

Fir-rigward tan-notifika tad-deċiżjoni dwar dan l-appell, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 13.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Iva, huwa possibbli li tiftaħ proċedimenti ta' eżekuzzjoni bl-internet.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Citius

Bl-eċċezzjoni tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, li l-partijiet stess jitħallew jikkonsultawhom, il-proċedimenti ġudizzjarji l-oħra kollha jistgħu jiġu kkonsultati online biss mir-rappreżentanti legali (avukati u konsulenti legali), mill-aġenti tal-eżekuzzjoni u, fil-proċedimenti ta’ insolvenza, l-amministraturi tal-insolvenza.

Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiġu kkonsultati mill-kreditur jew mid-debitur fuq: https://processoexecutivo.justica.gov.pt permezz ta’ awtentikazzjoni minn qabel bl-użu taċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni diġitali integrat fil-karti tal-identità jew permezz tal-kjavi diġitali mobbli. Il-konsultazzjoni hija skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet ipprovduti fis-sit web.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Il-partijiet u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-proċedimenti tal-inventarju fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju.

Il-partijiet jistgħu jaċċessaw din is-sistema esklużivament għal skopijiet ta’ konsultazzjoni billi jużaw kodiċi pprovdut min-nutar meta jinnotifika l-ewwel dokumenti lill-parti kkonċernata.

Leġiżlazzjoni Applikabbli

Il-Liġi Nru 41/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 - Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 - Ipproċessar elettroniku ta’ kawżi ġudizzjarji

Il-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019- Reġim Legali għal Proċedimenti ta’ Inventarju

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 - dwar l-ipproċessar ta’ dokumenti u t-termini tal-proċedimenti tal-inventarju

Ħoloq utli

Il-Portal Citius

Il-Portal tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

L-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja

N.B.:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivil, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn mhumiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għadu meħtieġ ukoll li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni evoluzzjonarja tal-ġurisprudenza.

L-aħħar aġġornament: 15/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.