Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, fil-Portugall huwa possibbli li tressaq proċedimenti ġudizzjarji permezz tal-internet, u nħolqu applikazzjonijiet tal-IT speċifiċi għal dan l-iskop: il-Pjattaforma Citius u l-Pjattaforma għall-Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju.

Citius

Fil-prinċipju, fil-proċedimenti ċivili, huwa possibbli li jiġu ppreżentati sottomissjonijiet u dokumenti elettronikament permezz tal-pjattaforma Citius fl-indirizz https://www.citius.mj.pt/portal/default.aspx, f’konformità mal-proċeduri u l-istruzzjonijiet stabbiliti hemmhekk.

Il-pjattaforma Citius tipprovdi moduli speċifiċi għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali tal-qorti biex jipproċessaw il-proċedimenti u jippreżentaw dokumenti formali, u għar-rappreżentanti legali biex jippreżentaw dokumenti formali u jikkonsultaw il-proċedimenti (l-Artikolu 3 tal-Ordni Ministerjali ta’ Implimentazzjoni (Portaria) Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Biex jingħataw l-aċċess, l-avukati (advogados), l-avukati apprendisti (advogados estagiários) u l-konsulenti legali (solicitadores) jenħtieġ li jirreġistraw mal-entità responsabbli għall-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema. L-aċċess huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti fir-rigward tal-validità tar-reġistrazzjoni tal-membri (l-Artikolu 5(2) tal-Ordni Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Wara r-reġistrazzjoni, tinħareġ informazzjoni sigrieta, personali u mhux trasferibbli li tippermetti l-aċċess għaż-żona ristretta tal-pjattaforma (l-Artikolu 5(3) tal-Ordni Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013): https://citius.tribunaisnet.mj.pt/habilus/myhabilus/login.aspx

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Fir-rigward tas-suċċessjoni, mit-2 ta’ Settembru 2013, f’każijiet fejn il-proċedimenti ta’ wirt għall-qsim ta’ assi jkunu kontenzjużi, il-partijiet interessati jistgħu jagħżlu l-uffiċċju tan-nutar fejn jixtiequ jiftħu proċeduri ta’ inventarju, sakemm ikun hemm konnessjoni rilevanti mal-qsim tal-assi abbażi tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni, il-post tal-maġġoranza tal-proprjetajiet jew stabbilimenti kummerċjali li jiffurmaw parti mill-wirt jew il-post ta’ residenza tal-maġġoranza tal-partijiet interessati diretti fl-imsemmi qsim tal-assi (l-Artikolu 1(2) tal-Qafas Legali għall-Inventarju Notarili, ippubblikat fl-Anness tal-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019). Il-proċedimenti jiġu rinvijati quddiem il-qorti f’ċerti stadji sabiex l-imħallef jagħti deċiżjoni, inkluż biex jikkonferma l-qsim tal-assi (l-Artikolu 5 tal-Qafas Legali għall-Inventarju Notarili, ippubblikat fl-Anness tal-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019).

Nota: Il-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019 li ħassret espressament il-Liġi Nru 23/2013 tal-5 ta’ Marzu 2013 (il-Liġi li tapprova il-Qafas Legali dwar l-Inventarju). Madankollu, il-qafas legali dwar il-proċedimenti tal-inventarju, approvat fl-anness tal-Liġi Nru 23/2013 tal-5 ta’ Marzu 2013, għadu japplika għal proċedimenti tal-inventarju li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 117/2009 tat-13 ta’ Settembru 2009, kienu pendenti quddiem in-nutara, li jiġu pproċessati f’konformità mal-imsemmi qafas (l-Artikolu 11(2) u (3) tal-Liġi Nru 117/2009 tat-13 ta’ Settembru 2009).

Preferibbilment il-proċedimenti tal-inventarju għandhom jiġu ttrattati b’mod elettroniku, min-nutara permezz ta’ mezzi elettroniċi, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 f’https://www.inventarios.pt/

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Citius

Bħala regola, il-proċedimenti legali kollha, jiġifieri l-azzjonijiet prinċipali, il-miżuri kawtelatorji, il-proċedimenti anċillari, in-notifiki ġudizzjarji individwali u kwalunkwe proċedimenti oħra, sew jekk konġunti kif ukoll jekk awtonomi, inklużi l-appelli, issa huma elettroniċi u jiġu pproċessati fis-Citius (l-Artikolu 1 tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Għal każijiet imressqin quddiem il-qrati, il-pjattaforma Citius tippermetti l-ftuħ u l-ipproċessar ta’:

a) kawżi dikjaratorji ċivili, miżuri kawtelatorji u notifiki ġudizzjarji individwali, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti għall-protezzjoni tat-tfal u talbiet għad-danni ċivili jew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili ippreżentati fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali;

b) il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili u l-proċedimenti anċillari kollha konġunti mal-eżekuzzjoni (f’dan il-każ, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-istampar ta’ kwalunkwe dokument meqjus bħala essenzjali, għandhom isiru biss ladarba l-qorti tkun irċeviet rikors jew informazzjoni li teħtieġ l-intervent tagħha).

L-istess japplika għal proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas. Ara wkoll l-iskeda informattiva rilevanti.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Il-preżentata tat-talba għall-inventarju lin-nutar, kwalunkwe kontestazzjoni, u l-azzjonijiet sussegwenti kollha jridu jsiru, kull meta jkun possibbli, permezz tal-Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju (l-Artikolu 2(2) tal-Qafas Legali għall-Inventarju Notarili, ippubblikat f’anness tal-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019).

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Bħala regola, is-servizzi deskritti huma disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Citius

Is-sottomissjonijiet għandhom jiġu ppreżentati billi jimtlew il-formoli li jinsabu fil-paġna web imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1, li magħhom għandhom jiġu annessi:

a) fajls b’informazzjoni oħra meħtieġa skont il-liġi, il-kontenut materjali tas-sottomissjoni u informazzjoni oħra meqjusa bħala rilevanti mir-rappreżentant legali u li ma tidħolx fil-kaxxi l-oħra tal-formola (l-Artikolu 6(1)(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);

b) individwalment, id-dokumenti li jridu jakkumpanjaw is-sottomissjoni (l-Artikolu 6(1)(b) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Meta s-sottomissjonijiet u d-dokumenti jiġu ppreżentati b’dan il-mod, iridu jiġu ffirmati diġitalment fil-pjattaforma Citius bl-użu ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika li tiggarantixxi b’mod permanenti l-istatus professjonali tal-firmatarju (l-Artikolu 6(3) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Il-fajls u d-dokumenti jridu jkunu fil-Portable Document Format (.pdf), preferibbilment fil-verżjoni PDF/A u, fil-każ ta’ dokumenti miktuba, ikun fihom kontenut li jista’ jitfittex (l-Artikolu 8(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Fir-rigward ta’ ordnijiet għal proċedimenti ta’ ħlas, il-fajls għandhom ikunu f’extensive markup language (.xml), li l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu jistgħu jinstabu f’https://www.citius.mj.pt/portal/consultas/injuncoes/injunformato.aspx

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Rikors għal proċedimenti tal-inventarju jista’ jiġi ppreżentat:

a) mill-parti interessata jew mir-rappreżentant legali, billi timtela l-formola elettronika għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-inventarju pprovduti fil-pjattaforma, u jiġu annessi d-dokumenti rilevanti f’konformità mal-proċeduri u l-istruzzjonijiet mogħtija (l-Artikolu 5(1)(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);
b) mill-parti interessata fl-uffiċċju tan-nutar, fuq kopja stampata, billi jiġi sottomess il-mudell tar-rikors għall-inventarju previst fl-Artikolu preċedenti, flimkien mad-dokumenti rilevanti (l-Artikolu 5(1)(b) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

L-aċċess għas-sit web imsemmi aktar ’il fuq jinkiseb permezz ta’ ċertifikazzjoni elettronika kif ġej:

a) miċ-ċittadini, permezz taċ-ċertifikat diġitali inkorporat fil-karti tal-identità tagħhom (l-Artikolu 2(4)(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);
b) minn avukati u konsulenti legali permezz taċ-ċertifikat diġitali li jikkonferma l-istatus professjonali tagħhom (l-Artikolu 2(4)(b) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Nota: In-Nutara għandhom kompetenza li jwettqu proċedimenti tal-inventarju b’konsegwenza ta’ mewt jew xoljiment tal-assi matrimonjali taħt reġim ġuriżdizzjonali funzjonali kontestwalment mal-qrati. Il-proċedimenti jistgħu jinfetħu quddiem il-qorti jew fl-uffiċċji tan-nutara, kif deċiż mir-rikorrent jew kif maqbul bejn il-partijiet involuti (l-Artikolu 1083(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili , kif emendat bil-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Awwissu 2019). Madankollu, jekk il-parti ma jkollhiex kapaċità ġuridika, tkun persuna adulta akkumpanjata jew assenti, jew meta l-inventarju jiddependi fuq proċedimenti legali oħrajn, il-proċedimenti jridu bilfors jiġu ppreżentati quddiem il-qorti. Fl-inventarji notarili, in-nutara jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom permezz tad-diviżjoni funzjonali tal-kompiti mal-Imħallef u huma responsabbli sabiex iwettqu jew jiġġestixxu l-proċedimenti u jiddeċiedu dwar it-tilwim dikjaratorju u l-punti inċidentali mqajma. L-Imħallef huwa responsabbli sabiex jagħti deċiżjoni li tikkonferma l-qsim tal-assi, sabiex jagħti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ippreżentati min-nutar lill-qrati, u sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni mressqa kontra d-deċiżjonijiet tan-nutar.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Id-data personali miġbura mill-qrati fit-twettiq tal-funzjonijiet legali hija pproċessata mill-pjattaforma tal-IT Citius, maħluqa u ġestita mill-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja, I.P., (Instituto de Gestão Financeira e Equipamentos da Justiça, I.P.) (“IGFEJ, I.P.”), taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala l-proċessur tal-ogħla korp fis-sistema legali, jiġifieri, il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (f’konformità mal-Artikoli 4, 8 u 28 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)).

L-IGFEJ, I.P. huwa meħtieġ li jiggarantixxi li l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa kollha jiġu implimentati biex jiġi żgurat li d-data tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu protetti, kif indikat mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura li ħatar lill-Imħallef bħala uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

Min-naħa l-oħra, f’konformità mal-Artikolu 37 tal-GDPR, il-Ministeru għall-Ġustizzja ħatar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data wieħed għall-korpi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, inkluż l-IGFEJ, I.P. (vide Ordni Leġiżlattiva Nru 5643/2018 tas-7 ta’ Ġunju 2018).

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef tal-kawża biex jiddeċiedi dwar l-aċċess għad-data personali u t-trażmissjoni tagħha f’kawżi ġudizzjarji. L-imħallef tal-kawża għandu jieħu din id-deċiżjoni f’konformità mal-liġijiet proċedurali applikabbli għall-kawża speċifika u f’konformità mal-GDPR, kif ġej: l-ipproċessar tad-data personali mill-qrati jippermetti li l-applikazzjoni tar-Regolament tkun ristretta għal operazzjonijiet speċifiċi u għall-proċeduri li għandhom jiġu segwiti (l-Artikolu 23(1)(d) u (f) tal-GDPR); l-awtorità tal-kontroll ma tistax tikkontrolla operazzjonijiet ta’ proċessar imwettqa mill-qrati fit-twettiq ta’ dmirijiet legali (limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 55(3) tal-GDPR). Il-proċess tal-appelli previst fil-liġi proċedurali nazzjonali għandu japplika għal deċiżjonijiet legali dwar il-kwistjoni.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Citius

Is-sottomissjonijiet u d-dokumenti ppreżentati mir-rappreżentanti legali jridu jkunu ffirmati diġitalment bl-użu ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika li tiggarantixxi b’mod permanenti l-identità u l-istatus professjonali tal-firmatarju (l-Artikolu 6(3) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Il-pjattaforma Citius tiżgura:

a) ċertifikazzjoni tad-data u l-ħin tal-konsenja (l-Artikolu 13(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

b) li l-mittent jiġi pprovdut b’kopja tas-sottomissjoni u tad-dokumenti ppreżentati bid-data u l-ħin tal-konsenja ċċertifikata mehmuża (l-Artikolu 13(b) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

c) li, jekk ma jkunux jistgħu jiġu rċevuti, jintbagħat messaġġ lill-mittent li jinfurmah li ma kienx possibbli li s-sottomissjoni jew id-dokumenti jiġu ppreżentati permezz tal-pjattaforma (l-Artikolu 13(c) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

L-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi dejjem jippreżentaw id-dokumenti formali b’mod elettroniku permezz tas-sistema tal-IT Citius, b’firma elettronika kkwalifikata jew avvanzata mehmuża (l-Artikolu 19 tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

F’kawżi li ma jkunux jeħtieġu rappreżentanza legali, u meta l-parti ma jkollhiex avukat, is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fil-qorti b’wieħed mill-modi li ġejjin (l-Artikolu 144(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili):

a) b’konsenja fiżika lill-iskrivan tal-qorti, bid-data tal-konsenja tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet (l-Artikolu 144(7)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) bil-posta rreġistrata, bid-data tar-reġistrazzjoni postali tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet (l-Artikolu 144(7)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

c) bil-faks, bid-data meta jintbagħtu d-dokumenti tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet (l-Artikolu 144(7)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta l-parti jkollha rappreżentanza legali u jkun hemm ostaklu ġustifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti b’mod elettroniku, dawn jistgħu jiġu ppreżentati bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmijin hawn fuq (l-Artikolu 144(8) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Ladarba r-rikors ikun ġie ppreżentat kif meħtieġ, il-pjattaforma jew in-nutar jipprovdi konferma tas-sottomissjoni lir-rikorrent li tispeċifika:

a) id-data u l-ħin meta ġie ppreżentat ir-rikors (l-Artikolu 5(2)(a) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);
b) il-kodiċi u l-istruzzjonijiet għal aċċess għas-sit web https://www.inventarios.pt/ sabiex tiġi kkonsultata l-kawża (l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);

c) referenza tal-ATM Multibanco biex jitħallas l-ewwel pagament tat-tariffi tan-nutar, u l-ammont korrispondenti (l-Artikolu 5(2)(c) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013);
d) in-numru li jingħata lill-kawża wara l-ħlas tal-ewwel pagament tat-tariffi tan-nutar (l-Artikolu 5(2)(d) tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Citius

Iva, it-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu.

L-ewwel irid jinħareġ “dokument ta’ ġbir uniku” (Documento Único de Cobrança - DUC) għall-ħlas u dan jista’ jiġi aċċessat mill-paġna web tal-IGFEJ: https://justica.gov.pt/Servicos/Custas-processuais/DUC-Documento-Unico-de-Cobranca

Id-DUC jista’ jitħallas:

  • minn ATM Multibanco jew bil-Homebanking (taħt “Ħlasijiet lill-Istat” (Pagamentos ao Estado));
  • fir-reġistru tal-qorti b’karta tal-Multibanco;
  • fil-fergħa tal-bank tiegħek.

(l-Artikolu 17 tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 419-A/2009 tas-17 ta’ April 2009).

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta:

Servizzi – Spejjeż tal-Proċedimenti: https://justica.gov.pt/Servicos/Custas-processuais

Fi proċedimenti fejn l-użu ta’ mezzi elettroniċi ma huwiex obbligatorju, it-tariffi tal-qorti jitnaqqsu għal 90 % tal-valur tagħhom meta l-parti tippreżenta s-sottomissjonijiet kollha permezz ta’ mezzi elettroniċi (l-Artikolu 6(3) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali, ippubblikat fl-Anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008).

Fir-rigward tal-ordnijiet ta’ ħlas, jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda informattiva korrispondenti.

Il-Portugall jaċċetta wkoll il-ħlas tat-tariffi tal-qorti permezz ta’ trasferiment minn banek barranin.

Tista’ ssib simulatur tat-tariffi tal-qorti fl-indirizz:

https://justica.gov.pt/en-gb/Servicos/Simulador-Taxas-de-Justica

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

L-ispejjeż għall-proċedimenti tal-inventarju jkopru t-tariffi u l-ispejjeż tan-nutar (l-Artikolu 15 tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013). Il-ħlas isir bl-użu tar-referenza għat-trasferiment elettroniku tal-ATM ta’ Multibanco ġġenerata meta jiġi ppreżentat ir-rikors (l-Artikolu 20 tal-Ordni Ministerjali tal-Implimentazzjoni Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva, huwa possibbli li twaqqaf il-proċedimenti jew li tirtira r-rikors skont it-termini stipulati fir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kull każ.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Bħala regola, fil-proċedimenti legali, is-sottomissjonijiet tal-intimat jiġu ppreżentati quddiem il-qorti b’mod elettroniku, u d-data tal-preżentata tad-dokumenti tgħodd bħala d-data tal-preżentata tas-sottomissjonijiet (l-Artikolu 144(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F’kawżi li ma jkunux jeħtieġu rappreżentanza legali, u meta l-parti ma jkollhiex avukat, is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu kkonsenjati wkoll fiżikament lill-iskrivan tal-qorti, jew jintbagħtu bil-posta rreġistrata jew bil-faks (l-Artikolu 144(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Għall-proċedimenti tal-inventarju, jekk jogħġbok ara t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 4 u 6.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Citius

Jekk l-intimat ikun jixtieq iwieġeb, it-talba xorta tiġi pproċessata b’mod elettroniku, għalkemm ċerti dokumenti jiġu stampati. Id-dokumenti stampati xorta għadhom meħtieġa (eż. l-imħallfin ma għandhomx ir-riżorsi materjali li jippermettulhom janalizzaw kawża u jiktbu deċiżjoni fuq monitors separati jew biex jikkonsultaw il-proċess diġitali fl-awla tal-qorti waqt li l-kawża tkun qed tinstema’; f’xi każijiet, ikun f’idejn il-qorti li tiddeċiedi jekk l-analiżi dettaljata ta’ ċerti dokumenti teħtieġx li jiġu stampati).

L-atti tal-kawża stampati jridu jinkludu biss is-sottomissjonijiet u d-dokumenti proċedurali li jkunu rilevanti għad-deċiżjoni fuq il-merti kif indikat mill-imħallef f’deċiżjoni motivata f’kull kawża. Huwa preżunt li dawn li ġejjin ma humiex rilevanti (l-Artikolu 28(1) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013):

a) talbiet biex tinbidel id-data tas-seduta;

b) komunikazzjonijiet amministrattivi u avviżi ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw biss l-organizzazzjoni tal-proċedimenti, u t-tweġibiet, bħal:

i) avviżi li jordnaw taħrika jew notifika tal-partijiet;

ii) avviżi li jfasslu l-iskeda għas-seduti;

iii) avviżi li kawża ntbagħtet lill-Prosekutur Pubbliku;

iv) avviżi ta’ investigazzjoni minn dipartimenti differenti bħall-awtoritajiet tal-pulizija kriminali, l-uffiċċji tar-reġistru, l-Istitut Nazzjonali tal-Mediċina Forensika u tax-Xjenzi Forensiċi tal-Portugall (Instituto Nacional de Medicina Legal e Ciências Forenses I. P.), id-Direttorat għas-Servizzi tal-Ħabsijiet u tar-Riabilitazzjoni Soċjali (Direcção-Geral de Reinserção e Serviços Prisionais) jew id-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (Direcção-Geral da Segurança Social);

v) timbri ta’ validazzjoni mill-prosekutur pubbliku u minn imħallef;

c) l-aċċettazzjoni ta’ ħatra ta’ aġent tal-eżekuzzjoni biex jinnotifika taħrika;

d) komunikazzjonijiet interni;

e) ċertifikati negattivi li jirriżultaw mill-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data fid-dipartimenti tal-Amministrazzjoni Pubblika;

f) azzjonijiet speċifiċi, komunikazzjonijiet jew notifiki mill-aġent tal-eżekuzzjoni.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

In-nutar jeħtieġlu jirreġistra l-passi kollha fil-proċedimenti fil-pjattaforma sabiex kull pass ikun jista’ jiġi identifikat u tkun tista’ tinstab kopja tad-dokumenti relatati u ta’ kull dokument ta’ akkumpanjament (l-Artikolu 12(1) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Kwalunkwe azzjoni legali formali ppreżentata minn kwalunkwe persuna involuta fil-proċedimenti li ma tiġix ippreżentata b’mod elettroniku għandha tiġi skennjata min-nutar u rreġistrata fl-atti tal-proċedimenti tal-inventarju relatati (l-Artikolu 12(2) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Jekk l-iskennjar tad-dokumenti msemmijin hawn fuq ma jkunx possibbli minħabba n-natura tas-sottomissjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor ippreżentat mill-parti interessata, in-nutar jeħtieġlu jirreġistra l-azzjoni fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, u jiddikjara li d-dokument inkwistjoni jista’ jiġi kkonsultat fl-uffiċċju notarili (l-Artikolu 12(3) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk l-intimat ma jweġibx, it-talba ssegwi l-proċedura applikabbli u tiġi pproċessata diġitalment sakemm tiġi konkluża. Ċerti dokumenti jiġu stampati kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Ara t-tweġibiet għad-domandi 2 u 4.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Citius

Biex issir taf f’liema każijiet il-liġi tippermetti notifika permezz tal-internet, ara l-iskeda informattiva “Notifika ta’ Dokumenti – il-Portugall”, b’mod partikolari t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5 u 6.

Meta jkun permess li ssir notifika elettronika, dan isir permezz tal-pjattaforma Citius, li tiżgura awtomatikament li d-dokumenti jkunu disponibbli u li wieħed jista’ jarahom fl-indirizz

https://citius.tribunaisnet.mj.pt/habilus/myhabilus/login.aspx

(l-Artikolu 25(1) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

In-notifika min-nutar lir-rappreżentanti legali ta’ partijiet li huma diġà involuti fil-proċedimenti ssir permezz tal-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, fl-ispazju ristrett riżervat għar-rappreżentant legali fis-sistema. In-notifika titqies li tkun saret fit-tielet jum wara li d-dokument ikun sar disponibbli fl-ispazju fis-sistema li huwa ristrett għar-rappreżentant legali, jew fil-jum tax-xogħol li jsegwi jekk dakinhar ma jkunx jum tax-xogħol (l-Artikolu 9(1) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Meta d-dokument isir disponibbli fl-ispazju fil-pjattaforma riżervat għar-rappreżentant legali, tintbagħat ittra elettronika simultanjament lill-indirizz tal-posta elettronika li jkun ipprovda qabel li tinnotifikah li d-dokument ikun disponibbli fil-pjattaforma (l-Artikolu 9(2) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Meta n-notifika ssir direttament lill-partijiet, id-dokumenti jiġu nnotifikati f’forma stampata skont it-termini stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikolu 9(3) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013) u jiġu rreġistrati fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju, fejn ikun hemm annessa l-firma elettronika tal-iskrivan rispettiv (l-Artikolu 9(4) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Biex issir taf f’liema każijiet il-liġi tippermetti n-notifika ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-internet, ara l-iskeda informattiva “Notifika ta’ Dokumenti – il-Portugall”, b’mod partikolari t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5 u 6.

L-għoti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jseħħ fis-sistema Citius-Magistrados Judiciais u d-deċiżjonijiet ikunu disponibbli fil-pjattaforma Citius.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Iva, dawn li ġejjin jistgħu jiġu sottomessi elettronikament: rikorsi għal awtorizzazzjoni għal appell, dikjarazzjonijiet ta’ aggravji u r-risposti, u lmenti kontra ċ-ċaħda jew ir-rinviju ta’ appelli (l-Artikolu 15 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Fir-rigward tan-notifika tad-deċiżjoni dwar appell, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 13.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Iva, huwa possibbli li tiftaħ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni bl-internet.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Citius

Bl-eċċezzjoni tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, fejn il-partijiet stess jitħallew jikkonsultawhom, il-proċedimenti ġudizzjarji l-oħra kollha jistgħu jiġu kkonsultati online biss mir-rappreżentanti legali (avukati u konsulenti legali), mill-aġenti tal-eżekuzzjoni u, fil-proċedimenti ta’ insolvenza, mill-amministraturi tal-insolvenza (l-Artikolu 27 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiġu kkonsultati mill-kreditur jew mid-debitur fuq: https://justica.gov.pt/Servicos/Consultar-o-meu-processo-executivo permezz ta’ awtentikazzjoni minn qabel bl-użu taċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni diġitali integrat fil-karti tal-identità jew permezz taċ-ċavetta diġitali mobbli. Il-konsultazzjoni hija f’konformità mal-proċeduri u l-istruzzjonijiet ipprovduti fis-sit web.

Pjattaforma ta’ Ġestjoni tal-Proċedimenti tal-Inventarju

Il-partijiet u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-proċedimenti tal-inventarju fil-pjattaforma tal-proċedimenti tal-inventarju (l-Artikolu 13(1) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Il-partijiet jistgħu jaċċessaw din is-sistema esklużivament għal skopijiet ta’ konsultazzjoni billi jużaw kodiċi pprovdut min-nutar meta jinnotifika l-ewwel dokumenti lill-parti kkonċernata (l-Artikolu 13(2) tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Leġiżlazzjoni Applikabbli

Il-Liġi Nru 41/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 - Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 - Ipproċessar elettroniku ta’ kawżi ġudizzjarji

Il-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019 – Il-Qafas Legali għall-Proċedimenti tal-Inventarju

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 278/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 – dwar l-ipproċessar ta’ dokumenti u t-termini tal-proċedimenti tal-inventarju

Ir-Regolament (UE) Nru 679/2016 tas-27 ta’ April 2016 – Ir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 419-A/2009 tas-17 ta’ April 2009 – dwar l-ispejjeż proċedurali, multi u penali oħra

Id-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008 – Ir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali

Links relatati

Il-Portal Citius

Il-Portal tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

L-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja

 

N.B.:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivil, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn mhumiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għadu meħtieġ ukoll li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni evoluzzjonarja tal-ġurisprudenza.

L-aħħar aġġornament: 22/02/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.