Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku, ZPP) jippermetti li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet fi proċedimenti ċivili f'forma elettronika u li proċedimenti ġudizzjarji jinbdew permezz tal-internet.

B'mod aktar preċiż, l-Artikolu 105b jistabbilixxi li l-applikazzjonijiet fi proċedimenti ċivili jkunu ppreżentati bil-miktub, fejn applikazzjoni bil-miktub titqies bħala waħda miktuba bl-idejn jew stampata u iffirmata mill-applikant stess (applikazzjoni f'forma fiżika) jew applikazzjoni f'forma elettronika u ffirmata b'firma elettronika sikura, li hija ekwivalenti għal firma bl-idejn. Applikazzjoni bil-miktub tiġi ppreżentata bl-posta, bl-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, mwassla direttament lill-korp jew imwassla minn persuna impjegata professjonalment fil-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet (fornitur tan-negozju/poslovni ponudnik). Applikazzjoni f'forma elettronika tiġi ppreżentata fis-sistema ta' informazzjoni, fejn din tal-aħħar tikkonferma b'mod awtomatiku li l-applikazzjoni waslet.

Minkejja d-dispożizzjonijiet ġuridiċi eżistenti (atti u regolamenti ta' implimentazzjoni) relatati mal-proċeduri ċivili u kummerċjali kollha, fil-preżent huma biss il-proċeduri inklużi fis-sit tal-e-Ġustizzja (e-Sodstvo) li jistgħu jinbdew permezz tal-internet jew b'mezzi elettroniċi: Fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni huwa possibbli li jitressqu applikazzjonijiet għall-eżekuzzjoni u applikazzjonijiet oħra f’forma elettronika, kif ukoll jinħarġu u jitwasslu dokumenti ġudizzjarji, fejn għal xi indirizzi (nutara, avukati), is-servizz elettroniku huwa obbligatorju. huwa possibbli wkoll li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet u jinħarġu deċiżjonijiet fi proċedimenti ta' insolvenza:, kif ukoll li jiġu ppreżentati mozzjonijiet tar-reġistru tal-artijiet u jinħarġu deċiżjonijiet fi proċeduri tar-reġistru tal-artijiet.

Is-sit tal-e-Ġustizzja jeżisti fis-Slovenja għal dan il-għan, u jippermetti li materjal bil-miktub jiġi ppreżentat f'forma elettronika: https://evlozisce.sodisce.si/esodstvo/index.html

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet elettroniċi u n-notifika elettronika ta' dokumenti huma possibbli fil-proċeduri ċivili u fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili oħra, li fihom jiġu applikati r-regoli taz-ZPP.

Proċedura tar-reġistru tal-artijiettista' jinbeda biss b'mod elettroniku, minħabba li l-Artikolu 125a tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Zakon o zemljiški knjigi, ZZK-1) jistabbilixxi l-preżentazzjoni elettronika obbligatorja tad-dokumenti; madanakollu, applikant jista' wkoll jippreżenta talba għad-dħul ta' dritt ta' proprjetà favurieh fl-ordni ta' prijorità għall-preżentazzjoni tat-talba fir-rekords tal-qorti billi jippreżenta lilu nnifsu fil-ħinijiet tax-xogħol tal-qorti tar-reġistru tal-artijiet li tkopri ż-żona li fiha tinsab il-proprjetà soġġetta għat-talba, jekk jippreżenta d-dokumenti kollha li jiffurmaw il-bażi għall-entrata mitluba, lill-qorti tar-reġistru tal-artijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 142(1) ta’ dan l-Att u jekk, fl-istess ħin, iħallas it-tariffi tal-qorti li japplikaw għat-talba. Applikant li jippreżenta personalment talba elettronika għar-reġistru tal-artijiet u nutar pubbliku, avukat, kumpanija tal-proprjetà immobbli jew uffiċċju tal-avukat tal-istat li jirrappreżenta parti ta' proċedura tar-reġistru tal-artijiet għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet kollha minn dik il-parti b'mod elettroniku (ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 125a(4) taz-ZZK).

Għal proċeduri oħra li jistgħu jinbdew b'mod elettroniku, il-leġiżlazzjoni għadha tippermetti li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati f'forma fiżika (karta).

Eżekuzzjoni: L-Artikolu 29(2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Iżgurar tat-Talbiet (Zakon o izvršbi in zavarovanju, ZIZ) jistabbilixxi li l-ministru responsabbli għall-ġustizzja jippreskrivi t-tipi ta' proċeduri ta' eżekuzzjoni li fihom il-proposti ta' eżekuzzjoni u applikazzjonijiet oħra jistgħu jiġu ppreżentati b'mezzi elettroniċi u pproċessati b'mod awtomatiku fis-sistema ta' informazzjoni, u l-istadji ta' dawn il-proċeduri. Skont l-Artikolu t'hawn fuq, l-Anness 5 tar-Regoli dwar il-Formoli, Tipi ta' Proċeduri ta' Eżekuzzjoni u l-Proċedura ta' Eżekuzzjoni Awtomatizzata jistabbilixxi liema applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu ppreżentati minn applikant permezz tas-sit tal-e-Ġustizzja (is-sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika/e-Izvršba). Il-partijiet jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet kollha f'forma elettronika permezz tas-sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika tas-sit tal-e-Ġustizzja.

Proċedimenti ta' insolvenza: Riċevitur uffiċjali huwa obbligat jippreżenta r-rapporti tiegħu, listi ta' talbiet verifikati u dokumenti oħra lill-qorti f'forma elettronika, iffirmati b'firma elettronika sikura, verifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat (Artikolu 98 tal-Operazzjonijiet Finanzjarji, l-Att dwar l-Insolvenza u x-Xoljiment Obbligatorju/Zakon o finančnem poslovanju, postopkih zaradi insolventnosti in prisilnem prenehanju, ZFPPIPP). Avukat li jirrappreżenta parti fi proċedimenti ta' insolvenza huwa obbligat jippreżenta notifika ta' talbiet u applikazzjonijiet oħra tal-parti f'forma elettronika, iffirmati b'firma elettronika sikura, verifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat (Artikolu 123a taz-ZFPPIPP). jekk jonqos milli jagħmel dan, il-qorti tiċħad l-applikazzjoni. Id-dokumenti kollha jitwasslu lill-avukat li jirrappreżenta l-parti fi proċedimenti ta' insolvenza u lir-riċevitur uffiċjali b'mod elettroniku fuq indirizz elettroniku sikur.

Bl-istess mod, qorti toħroġ deċiżjoni jew ordni oriġinali f'forma elettronika fi proċedimenti ta' insolvenza, iffirmati bil-firma elettronika sikura tal-imħallef, verifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat. (Artikolu 124 taz-ZFPPIPP).

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Is-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja hija obbligata tippermetti li tranżazzjonijiet elettroniċi jsiru kull ġurnata ta' xogħol bejn it-8:00 u t-20:00. Bħala prinċipju, l-utenti tas-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja jistgħu jwettqu t-tranżazzjonijiet elettroniċi tagħhom f'kull ħin u f'kull ġurnata tal-ġimgħa, minħabba li r-restrizzjonijiet t'hawn fuq japplikaw għal każijiet meta s-sistema jkun qed isirilha titjib/aġġornament tekniku.

L-Artikolu 112 taz-ZPP jistabbilixxi li meta applikazzjoni tintbagħat b'mezzi elettroniċi, il-ħin li fih tasal fis-sistema tal-informazzjoni jittieħed bħala l-ħin ta' twassil fil-qorti li għaliha tkun indirizzata. Bħala regolament ta' implimentazzjoni, ir-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fi Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili jistabbilixxu li jekk skadenza tapplika għal applikazzjoni elettronika, dik l-applikazzjoni titqies li ġiet ippreżentata fil-ħin li tasal fis-server li fuqu jaħdem il-modulu tar-reġistru elettroniku għal dan it-tip ta' proċedura ġudizzjarja ċivili li tiġi ppreżentata lilu l-applikazzjoni permezz tas-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja (Artikolu 18 tar-Regoli).

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Jekk il-parti mhux standardizzata tat-test tal-applikazzjoni elettronika titfassal oriġinarjament bħala dokument elettroniku, għandha tiġi mehmuża mat-tranżazzjoni elettronika f'forma PDF/A. L-utent għandu jaqleb il-parti mhux standardizzata tat-test ta' applikazzjoni elettronika imfassla oriġinarjament bħala dokument bil-miktub u kull anness li jikkostitwixxi dokument bil-miktub f'forma elettronika bl-iskennjar, sabiex jehmiżha mat-tranżazzjoni elettronika. Dokument elettroniku miksub b'dan il-mod għandu jissodisfa r-rekwiżiti li jmiss:

  • għandu jkun f'forma PDF/A u bl-abjad u l-iswed;
  • ir-riżoluzzjoni għandha tkun bejn 240 dpi u 300 dpi;
  • jekk id-dokument bil-miktub jinkludi diversi paġni, il-paġni kollha għandhom ikunu f'fajl PDF wieħed biex ma jkun hemm ebda paġni vojta bejniethom;
  • jekk ikunu mehmużin żewġ dokumenti jew aktar, kull dokument għandu jkun fil-fajl PDF tiegħu stess.

Jekk dokument elettroniku mehmuż ma' tranżazzjoni elettronika ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, l-applikazzjoni elettronika hija meqjusa bħala mhux kompluta (Artikolu 19 tar-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fil-Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Is-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja tinsab fin-network sikur tal-gvern (HKOM), u d-dejta tinħażen fis-server ċentrali tan-network tal-HKOM.

Id-drittijiet ta' aċċess għad-dejta huma indirizzati bħala parti mill-iskema ta' drittijiet irregolata miċ-ċentru tat-teknoloġija tal-informatika tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Islovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije) skont ir-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fil-Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili. Kull utent tas-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja u t-tliet sotto-siti l-oħra għandhom jirreġistraw mal-iskema ta' sigurtà qabel ma jwettqu tranżazzjonijiet elettroniċi. Gruppi ta' utenti huma magħrufa/jintgħarrfu minn xulxin permezz tal-livell ta' preżentazzjoni fis-sistema tal-informazzjoni (utenti ordinarji, utenti reġistrati u utenti kwalifikati). In-numru ta' drittijiet tal-utenti (tranżazzjonijiet elettroniċi) li jistgħu jiġu implimentati fuq is-sit u fuq is-sotto siti jiddependi fuq it-tip ta' grupp ta' utenti li jappartjeni għalih utent.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Kull applikazzjoni elettronika għandha tiġi ffirmata bil-firma elettronika tal-applikant (ċertifikat diġitali kwalifikat). Is-sistema ta' informazzjoni tal-e-Ġustizzja tforni kull applikazzjoni elettronika li tasal b'timbru tal-ħin, filwaqt li l-applikant jirċievi ċertifikat elettroniku awtomatizzat li jiddikjara l-ħin li fih l-applikazzjoni ddaħħlet fis-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Ir-regolament ġenerali li jirregola l-ħlas tat-tariffi tal-qorti huwa l-Att dwar id-Drittijiet tal-Qorti (Zakon o sodnih taksah, ZST-1), li jiddikjara li t-tariffi tal-qorti jitħallsu quddiem il-qrati fis-Slovenja skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-att. L-att, bħala prinċipju ma jiddistingwix bejn proċeduri elettroniċi u mhux elettroniċi, iżda jħeġġeġ il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet elettroniċi fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni, għaliex it-tariffa għall-preżentazzjoni elettronika hija 20 % aktar baxxa milli jekk tiġi ppreżentata f'forma fiżika (karta).

Proċedimenti ta' eżekuzzjoni:

Ordni għal ħlas tinħareġ mal-preżentazzjoni elettronika tal-applikazzjoni b'ordni lill-applikant biex iħallas it-tariffa tal-qorti fi żmien tmien t'ijiem mit-twassil tal-ordni billi jittrasferixxi s-somma fuq il-kont rilevanti u bin-numru ta' referenza mniżżel fl-ordni. L-ordni għall-ħlas tat-tariffa tal-qorti jiġi meqjus li wasal meta l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu jippreżenta l-applikazzjoni b'mod elettroniku.

Jekk l-applikant jonqos milli jħallas it-tariffa tal-qorti skont l-ordni għall-ħlas fi żmien tmien t'ijiem mit-twassil tal-ordni, u l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni, dewmien jew ħlas ta’ tariffi tal-qorti ma jiġux issodisfati, l-applikazzjoni titqies li ġiet irtirata. L-unika eċċezzjoni għandha x'taqsam ma' talba elettronika għal eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' dokument awtentiku, fejn l-obbligu li titħallas it-tariffa jirriżulta meta t-talba tidħol fis-sistema tal-informazzjoni. L-applikant ma jinħariġlux ordni għall-ħlas, iżda jirċievi d-dettalji meħtieġa biex iħallas it-tariffa tal-qorti. Fejn l-applikant jonqos milli jħallas l-ammont preskritt tat-tariffa tal-qorti għal talba elettronika ta' eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' dokument awtentiku li għalih huwa responsabbli d-Dipartiment Ċentrali tal-Awtentikazzjoni tad-Dokumenti (centralni oddelek za verodostojno listino, COVL), u fi żmien tmien t'ijiem mit-twassil tat-talba, it-talba titqies li ma ġietx ippreżentata.

Ma ssir l-ebda distinzjoni f'dak li jikkonċerna l-ħlas tat-tariffi tal-qorti b’mod ġenerali u l-ħlas tat-tariffi tal-qorti għal applikazzjonijiet elettroniċi li m'humiex talbiet għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' dokument awtentiku. Meta talba għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' dokument awtentiku issir f'forma fiżika (karta) u meta l-applikant ma jħallasx it-tariffi tal-qorti skont ir-referenza fuq il-formola ta' talba, il-qorti tibgħat lill-applikant ordni għall-ħlas.

Il-proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet: Meta trid titħallas tariffa tal-qorti għal proposta tar-reġistru tal-artijiet jew applikazzjoni elettronika oħra, tinħareġ ordni mal-preżentazzjoni elettronika tal-applikazzjoni b'ordni lill-applikant biex iħallas it-tariffa tal-qorti fi żmien tmien t'ijiem mit-twassil tal-ordni billi jittrasferixxi s-somma fuq il-kont rilevanti u bin-numru ta' referenza mniżżel fl-ordni. L-ordni għall-ħlas tat-tariffa tal-qorti jiġi meqjus li wasal meta l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu jippreżenta l-applikazzjoni b'mod elettroniku. Jekk l-applikant jonqos milli jħallas it-tariffa tal-qorti skont l-ordni għall-ħlas fi żmien tmien t'ijiem mit-twassil tal-ordni, l-applikazzjoni titqies li ġiet irtirata.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

L-istess regoli japplikaw għall-irtirar ta' talba jew applikazzjoni ppreżentata b'mod elettroniku kif ukoll għall-irtirar ta' applikazzjoni bil-miktub. Fi proċeduri ta' eżekuzzjoni kompjuterizzat, ta' insolvenza u ta' reġistru tal-artijiet, talba ppreżentata tista' wkoll tiġi rtirata b'mod elettroniku.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Kif imsemmi fil-punt 1 hawn fuq, minkejja li jeżistu dispożizzjonijiet ġuridiċi għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet elettroniċi, dan għadu mhux possibbli fil-proċedimenti ċivili kollha.

Ir-Regoli dwar il-Formoli, t-Tipi ta' Proċeduri ta' Eżekuzzjoni u l-Proċedura ta' Eżekuzzjoni Awtomatizzat, fihom lista ta' applikazzjonijiet u dokumenti oħra li jistgħu jintbagħtu b'mezzi elettroniċi fi proċedura ta' eżekuzzjoni. Meta debitur fi proċedura ta' eżekuzzjoni jixtieq jippreżenta tweġiba jew applikazzjoni elettronika permezz tas-sit tal-e-Ġustizzja (sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika), għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li japplikaw għal utent estern kwalifikat tas-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja (posta elettronika sikura miftuħa, ċertifikat diġitali kwalifikat minn ċertifikatur Sloven marbut ma' numru tat-taxxa), flimkien ma' kundizzjonijiet oħrajn, skont għal-liema grupp ta' utenti jappartjeni (l-Artikolu 12 tar-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fi Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili).

Ara t-tweġiba taħt il-punt 2 għall-obbligi li japplikaw għal xi parteċipanti fejn tidħol il-preżentazzjoni ta' dokumenti f'forma elettronika u dawk tal-partijiet tal-proċedimenti ta' insolvenza.

Oġġezzjoni jew rimedju legali ieħor jistgħu jiġu ppreżentati onlajn fi proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet u ċerti tipi ta' proċedimenti ta' eżekuzzjoni. Il-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha b'mod elettroniku fi proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet, hija obbligatorja għal xi parteċipanti (avukati, nutara pubbliċi, korpi statali, kumpaniji tal-proprjetà immobbli).

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Il-proċediment elettroniku fil-każ ta' nuqqas ta' tweġiba minn parti kontradittriċi jimxi bl-istess mod bħall-proċedura bil-miktub f'kawżi bħal dawn. Wara l-iskadenza stabbilita għall-konvenut jew id-debitur biex iwieġbu, il-qorti toħroġ deċiżjoni.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Ara 10 - l-istess mistoqsija.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

L-Artikolu 16a taz-ZPP jistabbilixxi li formola elettronika hija l-istess bħal formola bil-miktub jekk id-dejta fil-forma elettronika tkun tista' tiġi pproċessata fil-qorti, u tkun aċċessibbli u xierqa għal użu ulterjuri, u li d-dejta f'forma elettronika ma tistax titqies li m'għandhiex valur probatorju minħabba li hija f'forma elettronika. L-istess huwa stipulat mill-Att dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi u l-Firma Elettronika (Zakon o elektronskem poslovanju in elektronskem podpisu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13).

Id-dokumenti u l-evidenza jistgħu jiġu ppreżentati f'forma elettronika fi proċeduri ta' eżekuzzjoni u l-iżgurar tat-talbiet. Fejn tidħol il-konformità mar-rekwiżiti tekniċi, meta ma jirreferux għal applikazzjoni elettronika iżda għal dokument elettroniku (mehmuż), id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regoli dwar id-Dokumenti Elettroniċi huma applikati mutatis mutandis. Ara wkoll it-tweġiba taħt il-punt 4.

Id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll f'forma elettronika. Applikazzjoni elettronika hija dokument elettroniku li jkun fih l-applikazzjoni ta' parti għall-proċedimenti ġudizzjarji ċivili (Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fi Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili). L-istess regoli jiddefinixxu wkoll x'inhu ‘dokument elettroniku mehmuż’, jiġifieri dokument bil-miktub maqlub f'forma elettronika u mehmuż ma' applikazzjoni elettronika.

L-utent jippreżenta applikazzjoni elettronika billi jagħżel it-tranżazzjoni elettronika xierqa għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni elettronika fuq is-sit tal-e-Ġustizzja u jdaħħal l-informazzjoni neċessarja mill-parti standardizzata tat-test tal-applikazzjoni fil-parti xierqa tal-formola fuq l-iskrin (onlajn). Meta applikazzjoni elettronika jkun fiha wkoll parti ta' spjegazzjoni bil-liġi jew skont l-għażla tal-applikant, l-utent joħloq dokument elettroniku separat mit-test tal-parti ta' spjegazzjoni (il-parti mhux standardizzata tat-test tal-applikazzjoni elettronika) li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fil-Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili u jehmeż dan id-dokument elettroniku mat-tranżazzjoni tal-eżekuzzjoni elettronika. L-utent jiffirmaha bil-firma elettronika sikura tiegħu stess. L-istess japplika għal dokumenti elettroniċi mehmużin ma' applikazzjoni elettronika. Ara wkoll it-tweġibiet t'hawn fuq.

Hija definita regola speċjali għal proċeduri tar-reġistru tal-artijiet sabiex tiġi żgurata s-sigurtà legali, u minħabba l-fatt li d-dokument maqlub f'forma elettronika jikseb in-natura (valur probatorju) ta' oriġinal, li nutar pubbliku biss, bħala persuna ta' fiduċja pubblika, jista' jaqleb dokumenti privati (kuntratti) f'forma elettronika. Nutar pubbliku huwa wkoll obbligat, skont ir-regoli ta' kustodja notarili, li jżomm dan id-dokument sakemm l-entrata ssir finali. Parti/applikant jista' jaqleb huwa stess dokumenti oħra li jiffurmaw il-bażi għad-dħul (deċiżjonijiet tal-qorti u deċiżjonijiet oħra ta' korp ta' stat) f'forma elettronika.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar it-Tranżazzjonijiet Elettroniċi fi Proċedimenti Ġudizzjarji Ċivili, deċiżjoni elettronika tal-qorti titqies bħala deċiżjoni tal-qorti oriġinali. fin-notifika tal-qorti ta’ dokument b’mod elettroniku, tintbagħat kopja tad-deċiżjoni elettronika tal-qorti bħala dokument elettroniku. Fin-notifika elettronika ta' deċiżjoni tal-qorti, tintbagħat kopja elettronika tad-deċiżjoni tal-qorti bħala dokument elettroniku.

*Għandha tinġibed l-attenzjoni li, fil-prattika, u minkejja d-dispożizzjonijiet ġuridiċi fis-seħħ, fil-preżent għadu mhux possibbli li jintbagħtu dokumenti b'mezzi elettroniċi f'kawżi ċivili u kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta' proċedimenti li jinvolvu l-insolvenza u r-reġistru tal-artijiet,. Mill-10 ta' April 2014, id-dokumenti tal-qorti jitwasslu lill-avukati u lill-eżekuturi f'forma elettronika, jiġifieri b'mezzi elettroniċi.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Iva. Sentenza jew deċiżjoni maħruġa f'forma elettronika huma ffirmati mill-president tal-kumitat tal-imħallfin bl-użu tal-firma elettronika sikura tiegħu stess u l-firma elettronika sikura tal-qorti, vverifikati permezz ta' ċertifikat kwalifikat. Jekk il-firma elettronika sikura tal-president tal-kumitat tal-imħallfin tiġi ċċertifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat li jkun fih ukoll indikazzjoni tal-qorti, il-firma elettronika sikura tal-qorti stess mhix meħtieġa. Sentenzi proċessati fis-sistema tal-informazzjoni b'mod awtomatiku jista' jkollhom facsimile minflok firma u timbru.

Deċiżjoni maħruġa f'forma fiżika jew elettronika tista' tiġi notifikata lill-partijiet bħala kopja ċertifikata jew bħala kopja elettronika (skannjata) jew f'forma elettronika. Ara wkoll in-nota għal tweġiba 13.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Kif diġa' msemmi hawn fuq, minkejja l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi, applikazzjonijiet elettroniċi, l-appelli inklużi, ma jistgħux jiġu sottomessi fil-proċedimenti kollha, għalkemm il-preżentazzjoni elettronika hija possibbli fil-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, l-insolvenza u tar-reġistru tal-artijiet jekk l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet li japplikaw għal utent tas-sistema tal-informazzjoni tal-e-Ġustizzja. Ara wkoll it-tweġibiet t'hawn fuq.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Iva, l-eżekuzzjoni elettronika hija possibbli wkoll permezz tas-sit tal-e-Ġustizzja. Applikant jista' jippreżenta applikazzjoni għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' dokument awtentiku permezz tas-sit tal-e-Ġustizzja (sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika) bħala utent kwalifikat reġistrat u estern. Applikant jista' biss jippreżenta applikazzjoni għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' poter ta' eżekuzzjoni u applikazzjoni għall-iżgurar tat-talbiet permess tas-sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika bħala utent kwalifikat estern. Għandha tinġibed l-attenzjoni li din hija proċedura ta' eżekuzzjoni u ta' żgurar tat-talbiet imwettqa skont ir-regolamenti nazzjonali (ZIZ).

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Il-partijiet għandhom id-dritt li jispezzjonaw u jieħdu kopja ta' fajl f'forma elettronika fis-sistema tal-informazzjoni, b'parti li turi l-identità tagħhom permezz ta' ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika.

Fl-eżekuzzjoni u l-iżgurar tat-talbiet quddiem qrati lokali (okrajna sodišča), l-utenti li ppreżentaw applikazzjoni elettronika permezz tas-sotto sit tal-eżekuzzjoni elettronika jistgħu jispezzjonaw id-dokumenti tagħhom stess, kif ukoll l-atti proċedurali dwar il-kawża li għaliha ppreżentaw l-applikazzjoni elettronika u li fiha jissemmew bħala parteċipant. Ir-Regoli dwar il-Formoli, it-Tipi ta' Proċeduri ta' Eżekuzzjoni u l-Proċedura ta' Eżekuzzjoni Awtomatizzata jistabbilixxu x'jista jispezzjona utent minn grupp speċifiku ta' utenti .

L-ispezzjoni ta' fajl hija wkoll permessa fi proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet. Differenza bejn il-proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet u tal-eżekuzzjoni hija li l-utenti kollha rreġistrati (jiġifieri mhux biss l-applikanti u parteċipanti oħra) huma permezzi jispezzjonaw il-fajl sakemm l-entrata fir-reġistru tal-artijiet issir finali. Huma biss l-atti proċedurali (applikazzjonijiet, deċiżjonijiet tal-qorti, eċċ) li huma disponibbli għall-ispezzjoni għal kulħadd, u mhux id-dokumenti mehmużin, jiġifieri dokumenti, għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-dejta personali tal-parteċipanti.

Ħoloq relatati

https://evlozisce.sodisce.si/esodstvo/index.html

http://www.pisrs.si/Pis.web/

https://www.uradni-list.si/

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

L-aħħar aġġornament: 10/02/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.