- 1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?
- 2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?
- 3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?
- 4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?
Skont il-liġi Belġjana, id-dritt li jitbiddel il-post ta’ residenza ta’ minuri jaqa’ taħt l-awtorità tal-ġenituri. Konsegwentement, huwa biss id-detentur(i) tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri li huwa (huma) awtorizzat(i) li jbiddlu l-post tar-residenza tal-minuri.
Fil-prinċipju, irrispettivament mill-istatus tal-ġenituri, kemm jekk jgħixu flimkien u kemm jekk le, huma jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri b’mod konġunt fl-interess tal-minuri (ara l-Artikoli 373 u 374 tal-Kodiċi Ċivili).
Madankollu, fil-każ ta’ separazzjoni tal-ġenituri, tista’ tintalab ġudizzjarjament deroga mill-prinċipju tal-eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri. Konsegwentement, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri mogħti lil wieħed minnhom abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għandu jitqies bħala esklużiv. Fil-każ tal-eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri, dan jista’ jwassal biex il-ġenitur li għandu t-tutela jiġi fdat bil-prerogattivi kollha tal-awtorità tal-ġenituri inkluż l-għażla tal-post tar-residenza tal-minuri; b’hekk il-minuri jista’ jiġi ttrasferit fi Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. F’dan il-każ, il-ġenitur privat li ma jgawdix mill-awtorità tal-ġenituri konġunta jista’ madankollu jingħata dritt għar-relazzjonijiet personali. Madankollu, l-imħallef jista’ jbiddel l-eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri billi jistabbilixxi, għal ċerti deċiżjonijiet relatati mal-minuri, xi eċċezzjonijiet li jeħtieġu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. L-għażla tar-residenza tal-minuri tista’ tkun waħda minn dawn id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu b’mod konġunt fil-kuntest ta’ eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri minn wieħed miż-żewġ ġenituri.
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fil-każ fejn il-minuri jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ protezzjoni li timplika bidla tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, din tal-aħħar għandha tipprevali. B’hekk, jista’ jkun li l-ebda wieħed miż-żewġ ġenituri ma jkun awtorizzat li jittrasferixxi l-minuri fi Stat ieħor.
2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?
Meta l-awtorità tal-ġenituri għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ ġenituri, il-kunsens taż-żewġ ġenituri huwa meħtieġ biex jinbidel il-post tar-residenza tal-minuri tagħhom.
Meta l-awtorità tal-ġenituri hija eżerċitata b’mod esklużiv minn wieħed mill-ġenituri b’eċċezzjoni madankollu għal ċerti deċiżjonijiet bħal l-għażla tar-residenza tal-minuri, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ. Madankollu, fir-rigward ta’ partijiet terzi in bona fide, teżisti preżunzjoni favur il-ftehim tal-ġenituri.
3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?
Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawk li għandhom it-tutela tal-awtorità tal-ġenituri dwar il-post tar-residenza tal-minuri tagħhom, se jkun f’idejn il-qorti li hija territorjalment kompetenti sabiex tawtorizza jew le t-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor.
Il-qorti kompetenti tista’ tiġi invokata a priori minn ġenitur li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri b’mod konġunt b’antiċipazzjoni ta’ deċiżjoni li ma tiksibx l-approvazzjoni tiegħu. Rikors a posteriori huwa miftuħ ukoll għal ġenitur li jeżerċita konġuntament l-awtorità tal-ġenituri sabiex jikkontesta deċiżjoni li diġà ttieħdet mill-ġenitur l-ieħor.
4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.
Meta l-awtorità tal-ġenituri hija fdata lil ġenitur wieħed, il-ġenitur li għandu t-tutela taħt l-awtorità tal-ġenituri biss jista’ jittrasferixxi temporanjament il-minuri fi Stat ieħor għall-vaganzi.
Il-ġenitur li ma jeżerċitax l-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri, iżda li għandu dritt għar-relazzjonijiet personali jista’ jittrasferixxi lill-minuri barra mill-pajjiż biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ min għandu t-tutela tal-awtorità tal-ġenituri jew b’awtorizzazzjoni espressa tal-qorti kompetenti.
Meta l-awtorità tal-ġenituri hija konġunta u l-ebda deċiżjoni ma tirregola l-kwistjoni tal-akkomodazzjoni tal-wild, kull wieħed mill-ġenituri huwa intitolat li jivvjaġġa barra mill-pajjiż mal-minuri. Il-post ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar ma jistax madankollu jinbidel.
Fl-aħħar nett, meta deċiżjoni ġudizzjarja tirregola l-modalitajiet tal-akkomodazzjoni tal-minuri, kull wieħed mill-ġenituri huwa awtorizzat li jivvjaġġa mal-minuri biss matul il-perjodu ta’ akkomodazzjoni tiegħu salv projbizzjoni espressa tal-qorti.
F’dawn l-aħħar żewġ każijiet, jista’ madankollu jkun xieraq għall-ġenitur li jivvjaġġa mal-minuri li jkollu awtorizzazzjoni ta’ vjaġġar, iffirmata mill-ġenitur l-ieħor, sabiex jiġu evitati kwalunkwe diffikultajiet.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.