Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġunta, kull wieħed minnhom jista’ jivvjaġġa mal-wild minuri mingħajr il-kunsens espliċitu tal-ieħor, ħlief f’ċirkostanzi partikolari. Jekk, madankollu, xi ħadd miż-żewġ ġenituri espressament jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu u ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, għandu jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-familja bil-ħsieb li din issolvi t-tilwima.

Jekk il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġunta, wieħed mill-ġenituri ma jistax jieħu deċiżjoni waħdu li jiċċaqlaq b’mod permanenti lejn pajjiż ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.

Jekk ġenitur wieħed biss għandu l-awtorità tal-ġenituri, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor ma huwiex meħtieġ, kemm jekk dan ikun għall-vaganzi kif ukoll sabiex wieħed jiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor. Madankollu, huwa għandu jżomm lill-ġenitur l-ieħor informat skont l-Artikolu 373(2)(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jipprovdi li l-ġenitur li ma jeżerċitax l-awtorità tal-ġenituri jeħtieġlu li jinżamm informat bl-għażliet importanti li jaffettwaw il-ħajja tal-wild minuri.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Oġġezzjoni għal jew projbizzjoni ta’ tluq mill-pajjiż

Sabiex joġġezzjona għat-teħid tal-wild minuri barra mill-pajjiż minn wieħed mill-ġenituri, il-ġenitur l-ieħor - jekk jeżerċita wkoll l-awtorità tal-ġenituri - jista’ jippreżenta rikors quddiem il-prefettura sabiex il-wild minuri jiġi pprojbit milli jitlaq mil-pajjiż għal perjodu ta’ 15-il jum u/jew jippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-familja fejn jitlob il-projbizzjoni tat-tluq tal-wild minuri mill-pajjiż mingħajr il-permess taż-żewġ ġenituri (l-Artikolu (2)(6) tal-Kodiċi Ċivili) sakemm dan jilħaq l-età maġġuri, għal perjodu speċifiku jew sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida. Il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri timpedixxi lill-wild minuri milli jitlaq mit-territorju. Madankollu, il-ġenituri jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom għal vjaġġ partikolari tal-wild minuri, waħdu jew ma’ ġenitur wieħed, billi jagħmlu dikjarazzjoni quddiem l-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi (normalment magħmula ħamest ijiem qabel il-vjaġġ). Jekk wieħed mill-ġenituri jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, il-ġenitur l-ieħor jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti sabiex titneħħa l-projbizzjoni ta’ ħruġ mill-pajjiż jew sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni eċċezzjonali sabiex il-wild minuri ikun jista’ jitlaq mill-pajjiż.

Vjaġġar bl-għan ta’ bidla tal-post tar-residenza:

Anki jekk ma jkun hemm l-ebda oppożizzjoni għall-ivvjaġġar flimkien mal-wild minuri u l-ebda projbizzjoni ta’ ħruġ mill-pajjiż, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor xorta jkun meħtieġ jekk l-għan tal-ivvjaġġar flimkien mal-wild minuri ikun it-tibdil tal-post tar-residenza tal-wild minuri, dment li l-ġenitur li jkun jixtieq jiċċaqlaq ma jkunx jeżerċita waħdu l-awtorità tal-ġenituri. F’dak il-każ biss, huwa jkun jista’ jiċċaqlaq mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, iżda jenħtieġ li jżomm lill-ġenitur l-ieħor informat b’din il-bidla maġġuri għall-wild minuri.

Jekk il-ġenitur ma jkunx irrispetta in-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor, dan tal-aħħar jista’ jippreżenta rikors għar-ritorn tal-wild minuri billi jinvoka t-tneħħija illegali skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal. Dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu fl-Istat li fih il-wild minuri ittieħed, jekk meħtieġ bl-assistenza tal-awtoritajiet ċentrali stabbiliti mill-Konvenzjoni.

Irrispettivament min-natura tat-tneħħija, u ħlief f’każijiet speċifiċi ta’ projbizzjoni tat-tluq mil-pajjiż u ta’ oġġezzjoni għal ivvjaġġar ’il barra mill-pajjiż, il-ġenitur li jkun ħiereġ mill-pajjiż flimkien mal-wild minuri ma huwiex meħtieġ li jipprova l-kunsens espliċitu tal-ġenitur l-ieħor, li huwa kkunsidrat li ngħata fir-rigward ta’ terzi.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk wieħed mill-ġenituri li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-vjaġġ, il-ġenitur li jkun jixtieq jivvjaġġa mal-wild minuri għandu dritt li jiftaħ proċedimenti quddiem il-qorti tal-familja, li tista’ tagħti awtorizzazzjoni sabiex il-wild minuri joħroġ mill-pajjiż. L-istess jgħodd jekk il-wild minuri ikun projbit milli jitlaq mill-pajjiż mingħajr il-permess taż-żewġ ġenituri.

Bl-istess mod, jekk it-tneħħija tal-wild minuri effettivament tikkostitwixxi bidla tar-residenza, il-ġenitur li jixtieq iċaqlaq ir-residenza tiegħu flimkien mal-wild minuri jeħtieġlu li jippreżenta talba quddiem il-qorti tal-familja fil-post tar-residenza tal-wild minuri qabel ma jivvjaġġa jekk il-ġenitur l-ieħor jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Kif stabbilit hawn fuq, għandha ssir distinzjoni bejn it-tneħħija temporanja u t-tneħħija permanenti. Isir riferiment għall-punti preċedenti.

L-aħħar aġġornament: 08/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.