Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

A) B’mod ġenerali, ġenitur jista’ jittrasferixxi l-minuri tiegħu lejn stat ieħor fuq perjodu qasir u mingħajr l-intenzjoni li jibqa’ hemm mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. It-tali każijiet jistgħu jinkludu li:

  • il-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri konġuntament;
  • wieħed mill-ġenituri jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri bbażata fuq ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni mill-qorti, iżda r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ parti waħda minnhom ma tkunx ġiet ristretta jew revokata mill-qorti;
  • il-minuri huwa trasferit lejn stat ieħor mill-ġenitur taħt id-dritt ta’ aċċess tiegħu matul iż-żmien speċifikat għall-kuntatt dirett mal-minuri, sakemm ma jkunx jenħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor skont deċiżjoni tal-qorti jew awtorità pubblika għat-tutela.

B) Ġenitur jista’ jittrasferixxi l-minuri lejn stat ieħor anki għal perjodu twil jew bl-intenzjoni li jibqa’ hemm mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tal-ġenitur l-ieħor tkun ġiet ristretta jew revokata mill-qorti.

C) Fil-każijiet li ġejjin it-tutur jista’ ukoll jittrasferixxi minuri legalment lejn stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur, sakemm l-awtorità pubblika għat-tutela ma tkunx irrestrinġiet id-dritt tiegħu biex jagħmel dan:

  • għal perjodu qasir u mingħajr l-intenzjoni li jibqa’ hemm, jekk il-minuri jitpoġġa f’familja tar-rispett;
  • jekk il-minuri jitpoġġa ma’ persuna terza u r-responsabbiltà tal-ġenituri tal-ġenitur tkun għalhekk ġiet sospiża.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

A) Jekk ġenitur jittrasferixxi l-minuri lejn stat ieħor għal perjodu twil jew bl-intenzjoni li jibqa’ hemm, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ. It-tali każijiet jistgħu jinkludu li:

  • il-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri konġuntament;
  • wieħed mill-ġenituri jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri bbażata fuq ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni mill-qorti, iżda r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ parti waħda minnhom ma tkunx ġiet ristretta jew revokata mill-qorti;

B) Jekk il-minuri jitpoġġa ma’ familja tar-rispett, it-tutur jista’ biss jittrasferixxi l-minuri fi stat ieħor għal perjodu twil jew bl-intenzjoni li jibqa’ hemm bil-kunsens tal-ġenitur.

It-tluq lejn stat ieħor għal studji, xogħol jew skop simili ieħor jista’ jitqies għal perjodu twil.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix il-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor, il-ġenitur jista’ jitlob għal deċiżjoni mill-awtorità pubblika għat-tutela f’din il-kwistjoni. Fit-tali każijiet, deċiżjoni mill-awtorità pubblika għat-tutela li tippermetti t-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor tissostitwixxi l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.

Ġenitur li jitlob il-post ta’ residenza fi stat ieħor irid jehmeż mat-talba tiegħu d-dokumenti li jipprovaw li l-edukazzjoni, il-manteniment, il-kura u t-tkomplija tal-istudji tiegħu / tagħha jkunu żgurati fl-istat l-ieħor (għalhekk, b’mod partikolari, valutazzjoni ambjentali maħruġa mill-awtorità għall-affarijiet barranin, ċertifikat tal-attendenza tal-iskola, ċertifikat tad-dħul tal-ġenitur, dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni). Fuq it-talba ta’ ġenitur, l-awtorità pubblika għat-tutela tirranġa għall-kisba ta’ valutazzjoni ambjentali. Jekk il-ġenitur ma jkunx għadu beda xogħol fl-istat l-ieħor, l-awtorità pubblika għat-tutela tista’ taċċetta dikjarazzjoni mill-ġenitur dwar id-dħul mistenni tiegħu minflok ċertifikat tad-dħul.

Meta tkun qed tiddeċiedi l-każ, l-awtorità pubblika għat-tutela tikkunsidra jekk hux possibbli li tiġi eżegwita deċiżjoni tal-qorti jew tal-awtorità pubblika għat-tutela li tordna ż-żamma ta’ kuntatt dirett bejn il-minuri u l-ġenitur li jgħix separatament fin-nuqqas ta’ trattat internazzjonali jew reċiproċità.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Kif indikat taħt il-punt 1., jekk il-vjaġġ barra mhuwiex għal perjodu twil, il-ġenitur jista’ jittrasferixxi lill-minuri lejn stat ieħor anki mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Fit-tali każijiet, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qsim tal-fruntiera jiġu sodisfatti biex il-minuri ikun jista’ jivvjaġġa barra mill-pajjiż (pereżempju, il-minuri jrid ikollu passaport validu).

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.