- 1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?
- 2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?
- 3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?
- 4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?
Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tipprevedi t-tneħħija legali tal-wild minuri mir-Renju Unit. L-Artikolu 13(1) tal-Ordni (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1995 dwar it-Tfal (Children (Northern Ireland) Order 1995) jippermetti lil persuna b’ordni ta’ residenza (kustodja) (residence (custody) order) fir-rigward ta’ wild minuri li tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit għal perjodu ta’ anqas minn xahar.
Dan huwa konsistenti mal-Artikolu 3(2A) tal-Ordni (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1985 dwar il-Ħtif ta’ Minuri (Child Abduction (Northern Ireland) Order 1985) li jipprevedi li persuna ma twettaqx reat billi tieħu jew tibgħat lill-wild minuri barra mir-Renju Unit jekk tkun persuna li jkun hemm ordni ta’ residenza favuriha (residence order) fis-seħħ u t-tneħħija tkun għal anqas minn xahar (sakemm ma jkunx hemm ordni li tipprojbixxi t-tneħħija tal-wild minuri).
Jekk ma jkunx hemm ordni ta’ residenza fis-seħħ u l-omm ikollha r-responsabbiltà unika tal-ġenituri, hija tkun tista’ tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit legalment mingħajr il-permess tal-missier. Madankollu, missier li ma jkollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jipprevjeni t-tneħħija tal-wild minuri tiegħu mill-ġuriżdizzjoni billi jippreżenta rikors quddiem il-qrati fl-Irlanda ta’ Fuq għal ordni dwar passi pprojbiti (prohibited steps order). Huwa jista’ jippreżenta wkoll rikors quddiem il-qrati għal ordni li tagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri (“ir-responsabbiltà tal-ġenituri” (“parental responsibility”) hija ddefinita fl-Artikolu 6(1) tal-Ordni (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1995 dwar it-Tfal jew ordni ta’ residenza (jekk il-qorti tagħti ordni ta’ residenza favurih, din trid tagħti wkoll ordni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri).
2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?
L-Artikolu 13 tal-Att (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1995 dwar it-Tfal jistabbilixxi li jekk tkun fis-seħħ ordni ta’ residenza fir-rigward ta’ wild minuri, ħadd ma jkun jista’ jneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit għal aktar minn xahar mingħajr il-kunsens bil-miktub ta’ kull persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, jew mingħajr il-permess tal-qorti.
Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tal-Ordni (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1985 dwar il-Ħtif ta’ Minuri (Child Abduction (Northern Ireland) Order 1985) jistipula li persuna li tkun konnessa ma’ wild minuri twettaq reat (ħtif ta’ wild minuri) jekk tieħu jew tibgħat lill-wild minuri barra mir-Renju Unit mingħajr il-kunsens xieraq.
Meta ma jkunx hemm ordni ta’ residenza fis-seħħ iżda aktar minn persuna waħda jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, l-ebda persuna bir-responsabbiltà tal-ġenituri għal dak il-wild minuri ma jkollha permess li tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit mingħajr il-kunsens tal-persuni l-oħra li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew mingħajr il-permess tal-qorti.
3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?
Ġenitur b’ordni ta’ residenza rigward il-wild minuri u li qed ifittex li jneħħi lill-wild minuri b’mod permanenti mir-Renju Unit jista’ jirriloka legalment mal-wild minuri mingħajr l-intervent tal-qorti jekk ikollu l-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor bir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd ieħor li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-kunsens jiġi rrifjutat, ikun meħtieġ li jsir rikors ippreżentat lill-qorti għall-permess sabiex il-wild minuri jitneħħa mill-Irlanda ta’ Fuq fuq bażi permanenti (l-Artikolu 13(1) tal-Ordni (tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-1995 dwar it-Tfal).
Fir-Renju Unit, il-kunsiderazzjoni u l-fattur ta’ determinazzjoni assoluti f’każijiet ta’ rilokazzjoni internazzjonali dejjem ikunu l-aħjar interessi tal-wild minuri. L-imħallfin li jippresjedu l-Qrati tal-Familja (Family Courts) fl-Irlanda ta’ Fuq iqisu l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom f’kull każ qabel ma jaslu għal ġudizzju indipendenti. L-ewwel u qabel kollox ifittxu li jieħdu deċiżjonijiet li jkunu fl-aħjar interess tal-wild minuri ikkonċernat.
Jekk ma jkunx hemm ordni ta’ residenza fis-seħħ, persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri u li tkun qed tfittex li tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit b’mod permanenti dejjem għandha tfittex il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor jew il-permess tal-qorti sabiex tagħmel hekk. Inkella, tispiċċa twassal għall-preżentazzjoni ta’ denunzja ta’ ħtif ta’ minuri.
4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.
It-tweġiba għall-mistoqsija 1 aktar ’il fuq tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għat-tneħħija legali tal-wild minuri mir-Renju Unit għal perjodu ta’ anqas minn xahar. Persuna b’ordni ta’ residenza favur il-wild minuri tista’ tieħu lill-wild minuri barra mill-pajjiż għal anqas minn xahar u, għalhekk, ma jkollhiex bżonn il-permess tal-ġenitur l-ieħor sabiex tieħu lill-wild minuri għal btala.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.