

Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata b’mod inerenti konġuntament miż-żewġ ġenituri. Dan jirriżulta mill-Artikolu 97(2) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja tal-Polonja (kodeks rodzinny i opiekuńczy), li jistipula li l-ġenituri jieħdu d-deċiżjonijiet b’mod konġunt fi kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw wild minuri u, jekk jonqsu milli jilħqu ftehim, tkun il-qorti tal-kustodja li tieħu deċiżjoni dwarhom (sąd opiekuńczy). Kull ġenitur jiddeċiedi indipendentement, mingħajr il-ħtieġa li jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor u li jikseb il-kunsens tiegħu jew tagħha, biss fi kwistjonijiet inqas importanti li jikkonċernaw lill-wild minuri. Skont il-ġurisprudenza Pollakka, il-ħruġ ta’ wild minuri barra mill-pajjiż, kemm b’mod permanenti kif ukoll temporanju, anke għal btala, huwa kkunsidrat bħala kwistjoni essenzjali.
Fid-dawl tal-Artikolu 97(2) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja, ġenitur jista’ joħroġ lil wild minuri barra l-pajjiż mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biss jekk:
Il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ fil-każijiet kollha li ma humiex elenkati fil-punt preċedenti, jiġifieri f’każijiet li fihom ġenitur ikollu l-awtorità tal-ġenituri sħiħa, jew l-awtorità tal-ġenituri tiegħu ġiet limitata iżda ma ġiex imċaħħad mid-dritt għal kodeċiżjoni dwar ir-residenza tal-wild minuri. Il-ġurisprudenza Pollakka tmur pass lil hinn minn hekk f’dan ir-rigward. Kif spjegat il-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy) fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Novembru 1971 fil-Kawża III CZP 69/71, sabiex wild minuri imur f’pajjiż barrani b’mod permanenti ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu li ġie fdat bl-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fi proċedimenti tad-divorzju, huwa meħtieġ il-kunsens tal-qorti tal-kustodja jekk il-ġenitur l-ieħor, fdat bis-superviżjoni tat-trobbija tal-wild minuri, ma jkunx issottometta dikjarazzjoni li tesprimi l-kunsens għat-tluq tal-wild minuri. Għalhekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, jekk il-qorti ma tkunx ikkonċediet lill-ġenitur l-ieħor, pereżempju fi proċedimenti tad-divorzju, id-dritt tal-kodeċiżjoni fuq ir-residenza abitwali tal-wild minuri, dak il-ġenitur jista’ jitlob ir-ritorn tal-wild minuri jekk ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jidħol f’kuntatt mal-wild minuri. Fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Marzu 1985 fil-Kawża III CRN 19/85 il-Qorti Suprema ddeċidiet li ġaladarba vjaġġ tal-wild minuri lejn pajjiż barrani għal btala huwa kkunsidrat bħala kwistjoni essenzjali, dan jeħtieġ il-qbil taż-żewġ ġenituri li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, jew fejn tali qbil ma jkunx jista’ jintlaħaq, tkun meħtieġa sentenza tal-qorti tal-kustodja.
F’tali każijiet, għandu jiġi ppreżentat rikors lill-qorti tal-kustodja fil-Polonja għal kunsens ta’ sostituzzjoni sabiex wild minuri ikun jista’ jinħareġ barra mill-pajjiż.
Rikorsi għal kunsens ta’ din ix-xorta jistgħu jiġu ppreżentati mill-ġenituri li ma jkunux ġew imċaħħda mill-awtorità tal-ġenituri jew li l-awtorità tal-ġenituri tagħhom ma tkunx ġiet sospiża. Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati mir-rikorrenti nfushom: f’każijiet bħal dawn, il-liġi Pollakka ma tirrikjedix li l-partijiet ikunu rappreżentati minn avukat quddiem il-qorti. Il-qorti b’ġuriżdizzjoni ratione materiae li tieħu konjizzjoni ta’ dawn ir-rikorsi hija l-qorti distrettwali (sąd rejonowy) (id-diviżjoni tal-familja u tal-minorenni) bħala l-qorti tal-prim’istanza, filwaqt li l-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-post li fih il-wild minuri ikun jirrisjedi jew qiegħed joqgħod.
Kif indikat aktar ’il fuq, il-ħruġ ta’ wild minuri barra mill-pajjiż għal perjodu qasir ta’ żmien jirrikjedi l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.
Il-formoli tal-kunsens sabiex wild minuri jinħareġ barra mill-pajjiż (fuq bażi permanenti jew temporanja) ma jintużawx fil-Polonja. Għaldaqstant, il-kunsens jista’ jingħata fi kwalunkwe forma. Madankollu, jidher li jkun aħjar jekk jinkiseb kunsens bil-miktub, li jista’ jservi ta’ evidenza fi kwalunkwe proċedimenti għar-ritorn ta’ wild minuri abbażi tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980. L-assistenza ta’ avukat, prokuratur legali jew nutar Pollakk tista’ tkun utli fit-tħejjija ta’ tali kunsens.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.