Professjonijiet legali – introduzzjoni
Il-professjonijiet legali fil-Finlandja jinkludu l-imħallfin li jaħdmu fil-qrati, il-prosekuturi, l-avukati tal-għajnuna legali pubblika, l-avukati, in-nutara pubbliċi u l-uffiċjali tal-infurzar (il-marixxalli).
Il-prosekuturi
Organizzazzjoni
Skont il-Kostituzzjoni tal-Finlandja, il-prosekutur ġenerali huwa l-prosekutur suprem u jmexxi s-servizz tal-prosekuzzjoni.
Is-servizz tal-prosekuzzjoni huwa mqassam fuq żewġ livelli. Huwa jikkonsisti fl-uffiċju tal-prosekutur ġenerali, l-awtorità ċentrali tas-servizz tal-prosekuzzjoni u fi 15-il uffiċċju tal-prosekuzzjoni lokali b’50 uffiċċju tas-servizz. Is-servizz tal-prosekuzzjoni Finlandiż għandu persunal ta’ 581 persuna, li minnhom 381 huma prosekuturi.
Il-prosekuturi distrettwali prinċipali jmexxu l-uffiċċji lokali tal-prosekuturi. Hemm ukoll assistenti prosekuturi prinċipali u prosekuturi distrettwali. Uħud mill-unitajiet tal-prosekuzzjoni għandhom prosekuturi ta’ grad inferjuri, li qed jitħarrġu fid-dmirijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni.
Dawk kollha li ssemmew iktar ’il fuq huma prosekuturi ġenerali u, b’xi ftit eċċezzjonijiet, għandhom il-kompetenza biex iressqu akkużi minħabba reati kriminali mwettqa fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Prosekuturi speċjali, bħall-ombudsman parlamentari u l-kanċillier tal-ġustizzja, għandhom il-kompetenza biex iressqu akkużi biss f’ċerti każijiet speċjali li huma ddefiniti b’mod ċar.
Rwol u dmirijiet
Skont il-liġi, id-dmir tal-prosekutur huwa li jistabbilixxi r-responsabbiltà kriminali f’kawża kriminali – b’mod li jkunu żgurati s-sikurezza legali tal-partijiet u l-interess pubbliku. Il-prosekutur irid iwettaq dmirijietu b’mod imparzjali, mill-aktar fis possibbli u b’mod ekonomiku.
Is-servizz tal-prosekuzzjoni jrid josserva l-valuri ddefiniti b’mod konġunt tal-imparzjalità, tal-kompetenza u tal-benesseri fl-oqsma kollha ta’ attività.
It-titolu ta’ prosekutur pubbliku jirreferi għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku tal-prosekuturi; bil-kontra ta’ partijiet oħra għal kawża kriminali, il-prosekutur ma jaġixxix fl-interess tiegħu jew tagħha, imma f’isem is-soċjetà billi jħares l-interessi tagħha. Prosekutur huwa uffiċjal Statali, li dmiru huwa li jara li att kriminali ngħata s-sanzjoni statutorja xierqa. Il-prosekuturi jifformaw parti indipendenti mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Finlandiża.
Il-parti l-kbira tal-kwistjonijiet kriminali (madwar 80,000 kawża fis-sena) jieħdu ħsiebhom l-unitajiet ta’ prosekuzzjoni lokali. L-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali prinċipalment jieħu ħsieb kawżi kriminali li huma iktar sinifikanti għas-soċjetà kollha – li jammontaw għal ftit tużżani fis-sena.
L-investigazzjoni tar-reati – l-investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess – hija dmir il-pulizija. Hekk kif titlesta investigazzjoni, il-materjal ikkompilat jintbagħat lill-prosekutur, li jevalwa l-akkużi tal-kwistjoni. Dan ifisser li, għal kull persuna suspettata u għal kull allegazzjoni ta’ att, il-prosekutur jevalwa jekk twettaqx reat kriminali u jekk hemmx evidenza suffiċjenti li tiġġustifika prosekuzzjoni.
L-akkużi għandhom jitressqu jekk ikun hemm każ prima facie kontra s-suspettat. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed evidenza, jew jekk ikun hemm raġuni oħra għaliex ma jistgħux jitressqu l-akkużi (eż. minħabba l-istatut tal-limiti), il-prosekutur se jieħu d-deċiżjoni li ma jibdiex il-prosekuzzjoni.
Bażijiet tad-dejta legali
Tista’ ssib iktar informazzjoni fuq is-siti elettroniċi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u tal-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż.
L-imħallfin
Organizzazzjoni
Fil-Finlandja, il-parti l-kbira tas-sentenzi tal-qrati jingħataw minn imħallfin professjonali. Fil-qrati distrettwali, hemm ukoll imħallfin popolari (irġiel jew nisa). L-imħallfin huma membri ta’ ġudikatura indipendenti. Huma jaqdu dmirijiethom fil-Qorti Suprema, fil-qrati tal-appell u fil-qrati distrettwali, fil-Qorti Amministrattiva Suprema u fil-qrati amministrattivi, kif ukoll fil-Qorti tal-Assigurazzjoni, fil-Qorti tax-Xogħol u fil-Qorti tas-Swieq. L-imħallfin huma uffiċjali Statali u ma jistgħux jitneħħew mill-kariga tagħhom. Imħallef ma jistax jiġi sospiż mill-kariga tiegħu, ħlief b’sentenza ta’ qorti tal-ġustizzja. Barra minn hekk, imħallef ma jistax jiġi ttrasferit għal kariga oħra mingħajr il-kunsens tiegħu jew tagħha.
Il-Kapitolu 12 tal-Att dwar l-Impjegati Statali taċ-Ċivil jinkludi dispożizzjonijiet legali separati għall-imħallfin bħala impjegati taċ-Ċivil. Skont il-liġi, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-liv, it-twiddib, it-terminazzjoni tal-impjieg u s-sensja temporanja tal-impjegati taċ-Ċivil l-oħra ma japplikawx għall-imħallfin. Skont l-Att dwar l-Impjegati Statali taċ-Ċivil, imħallef huwa obbligat jirreżenja hekk kif jagħlaq l-età statutorja tal-irtirar (għall-imħallfin din hija 68 sena), jew meta jitlef ħiltu għax-xogħol b’mod permanenti.
Rwol u dmirijiet
Imħallfin
Persuna li tixtieq tikkwalifika bħala mħallef irid ikollha lawrja universitarja ogħla fil-liġi u trid tkun lestiet taħriġ ta’ sena bħala mħallef f’qorti tal-prim’istanza. Ir-rotta normali għall-professjoni ta’ mħallef hija permezz ħidma bħala skrivan arbitrali (segretarju anzjan) fil-qorti tal-appell, segwit minn ħatra bħala mħallef f’qorti distrettwali jew f’qorti tal-appell. Fil-ġejjieni, il-kandidati se jingħataw it-taħriġ. Il-qorti tal-appell tħabbar il-postijiet battala u l-Bord tal-Ħatra Ġudizzjarja jevalwa kemm ikunu adattati l-applikanti. L-imħallfin jinħatru mill-President tar-Repubblika.
Imħallfin popolari
Il-qrati distrettwali għandhom membri popolari jew “imħallfin popolari” li jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali f’ċerti kawżi. Fil-parti l-kbira, l-imħallfin popolari jintużaw fil-kawżi kriminali, imma jistgħu jaqdu dmirijiethom anki fi kwistjonijiet ċivili u f’tilwim dwar kiri ta’ proprjetà. F’qorti distrettwali, kawża tinstema’ minn imħallef ordinarju wieħed, li jagħmilha ta’ president, u minn tliet imħallfin popolari. L-imħallfin popolari jingħataw setgħat indipendenti u, fejn ikun meħtieġ, tintlaħaq deċiżjoni permezz ta’ votazzjoni; l-opinjoni tal-maġġoranza tiddeċiedi l-verdett. F’kawża kriminali, jekk ma tintlaħaqx maġġoranza, tipprevali l-opinjoni l-iktar vantaġġjuża għall-akkużat; f’kawża ċivili, il-president ikollu l-vot deċiżiv.
Il-kunsilli muniċpali jaħtru mħallfin popolari għal termini ta’ erba’ snin. Kull muniċipalità jrid ikollha mill-inqas żewġ imħallfin popolari; il-muniċipalitajiet il-kbar għandhom numru ferm ikbar. L-imħallfin popolari għandhom jirrappreżentaw kemm jista’ jkun mill-qrib l-istruttura tal-etajiet, tas-sessi, tal-lingwi u tax-xogħlijiet tal-muniċipalità.
Imħallef popolari jrid ikun ċittadin Finlandiż. Persuni li għandhom inqas minn 25 sena jew li għandhom iktar minn 63 ma jistgħux jinħatru mħallfin popolari. Persuni li għandhom pożizzjonijiet fil-qrati jew fl-istituzzjonijiet penali ma jistgħux jagħmluha ta’ mħallfin popolari, u lanqas dawk li jaħdmu bħala prosekuturi, avukati jew membri tal-korp tal-pulizija. Imħallef popolari jaħlef bħal imħallef jew jagħmel dikjarazzjoni solenni qabel ma jieħu postu jew tieħu postha.
L-għan huwa li kull imħallef popolari jipparteċipa f’seduta madwar darba fix-xahar jew 12-il darba fis-sena. Il-qorti distrettwali tagħti ħlas għal kull seduta lill-imħallfin popolari u tirrifondihom għal telf fid-dħul.
Avukati tal-għajnuna legali pubblika
Organizzazzjoni
L-avukati tal-għajnuna legali pubblika huma avukati impjegati mill-Uffiċċji tal-Għajnuna Legali Pubblika. L-avukati tal-għajnuna legali pubblika huma uffiċjali tal-Istat, li jinħatru mill-Ministeru tal-Ġustizzja. L-uffiċċji tal-Għajnuna Legali Pubblika huma ġestiti mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Ir-rekwiżiti għal eliġibbiltà għall-kariga ta’ avukat tal-għajnuna legali pubblika huma lawrja fil-liġi fuq il-livell ta’ Master (oikeustieteen kandidaatti) u esperjenza adegwata tal-avukatura jew tal-għoti tas-sentenzi. Bosta avukati tal-għajnuna legali pubblika għandhom anki t-titolu onorarju ta’ varatuomari (Master tal-liġijiet b’taħriġ fil-qrati).
L-avukati tal-għajnuna legali pubblika jinħatru biex jidhru quddiem il-qrati tal-ġustizzja; huma obbligati josservaw ir-regoli tal-kondotta professjonali xierqa għall-avukati fl-attivitajiet tagħhom. F’dan ir-rigward, huma suġġetti għas-setgħat dixxiplinari tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża. Iktar minn nofs l-avukati tal-għajnuna legali pubblika fil-Finlandja huma membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati. L-avukati tal-għajnuna legali pubblika huma indipendenti minn kwalunkwe attur ieħor fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
Organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-avukati
Barristers/avukati
Il-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati biss għandhom id-dritt li jużaw it-titoli professjonali ta’ “asianajaja” jew “advokat”. Fost l-oħrajn, kull min japplika biex jissieħeb fl-Assoċjazzjoni tal-Avukati jrid:
- Ikun temm lawrja fil-Liġi fuq il-livell ta’ Master (LL.M.), li tagħtih jew tagħtiha d-dritt li jkollu jew ikollha kariga ġudizzjarja
- Ikun magħruf bħala persuna ta’ integrità
- Ikollu diversi snin esperjenza fil-professjoni legali u f’attivitajiet ġudizzjarji oħrajn
- Jgħaddi minn eżami speċjali li jkopri l-elementi bażiċi tal-professjoni legali u tal-etika professjonali
- Ikun indipendenti u awtonomu minn kull influwenza min-naħa tal-gvern jew minn kull influwenza oħra, u jaqdi biss l-interessi tal-klijent tiegħu jew tagħha
- Ikollu diversi kwalifiki oħrajn.
Ir-responsabbiltajiet ta’ avukat u s-superviżjoni tal-prattika tiegħu jew tagħha
F’termini ta’ responsabbiltà penali jew ta’ kumpens, fil-prinċipju, ir-responsabbiltà ta’ avukat ma tvarjax mir-responsabbiltà ta’ ċittadini oħrajn. Kull avukat, però, irid ikollu assigurazzjoni tar-responsabbiltà li tkopri d-danni li jirriżultaw minn kwalunkwe sors għajr il-premeditazzjoni jew negliġenza serja. L-Assoċjazzjoni tal-Avukati stabbiliet fond ta’ kumpens, biex tkopri d-danni li jirriżultaw mill-kondotta kriminali ta’ avukat.
Barra minn hekk, avukat għandu responsabbiltà professjonali. Il-bord tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati jrid jiżgura ruħu li l-avukati jaqdu dmirijiethom skont l-etika professjonali. Fejn ma jagħmlux dan, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati għandha tagħti bidu għal azzjoni dixxiplinari. Azzjoni bħal din ta’ spiss tibda b’ilment bil-miktub. Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jiġi informat bid-deċiżjonijiet li tkun ħadet l-Assoċjazzjoni tal-Avukati, u huwa jew hija tista’ tressaq appelli minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki.
L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża hija organizzazzjoni rregolata mil-liġi pubblika u mill-Att dwar l-Avukati tal-1958. Qabel din l-organizzazzjoni kien hemm assoċjazzjoni rreġistrata bl-istess isem. Il-membri kollha taż-żewġ organizzazzjonijiet huma, u minn dejjem kienu, avukati.
L-Assoċjazzjoni tal-Avukati għandha madwar 1850 membru, li jissejħu “avukati” (bil-Finlandiż: asianajaja; bl-Iżvediż: advokat). Id-ditti tal-avukati jimpjegaw madwar 600 assoċjat, fejn madwar 120 minnhom huma konsulenti legali pubbliċi. L-uffiċċji tal-għajnuna legali jimpjegaw ukoll iktar minn 100 konsulent legali li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati.
Avukat li tkeċċa mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati wara miżuri dixxiplinari xorta jista’ jkompli jeżerċita l-professjoni tiegħu taħt titolu professjonali ieħor; f’każ bħal dan, però, avukat jeżerċita mingħajr l-obbligi ta’ avukat u mhux taħt is-superviżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati.
Ċittadin tal-Finlandja jew ta’ kwalunkwe Stat ieħor fiż-Żona Ekonomika Ewropea li għalaq il-25 sena, jista’ jiġi aċċettat bħala avukat, jew ikun magħruf li jkun jew tkun onest u, jkun magħruf ukoll li l-karatteristiċi u l-istil ta’ ħajja tiegħu jew tagħha jkunu adattati għall-professjoni tal-avukat. Huwa jew hija jrid jissodisfa r-rekwiżiti akkademiċi stipulati fil-Finlandja għal kariga ġudizzjarja, ikun kiseb il-ħiliet meħtieġa sabiex jeżerċita bħala avukat u jkollu esperjenza tax-xogħol fil-kompiti tal-avukatura. Huwa jew hija ma jridx ikun fallut u jrid ikollu kapaċità legali sħiħa.
Skont l-impenji internazzjonali li daħlu fis-seħħ fil-Finlandja, persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti akkademiċi u lanqas ma tkun kisbet l-esperjenza tax-xogħol meħtieġa fil-Finlandja – imma li jkollha l-kwalifiki professjonali ta’ avukat f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea – tista’ tiġi aċċettata bħala avukat. F’każijiet bħal dawn, l-applikant irid jipprova, f’eżami organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati, li huwa jew hija għandu biżżejjed għarfien tal-leġiżlazzjoni Finlandiża u tal-prattika tal-liġi fil-Finlandja.
Barra minn hekk, persuna li jkollha l-kwalifiki professjonali ta’ avukat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun aċċettata bħala avukat mingħajr eżami. L-aċċettazzjoni ta’ avukat mingħajr eżami hija bla ħsara għar-reġistrazzjoni tal-applikant għal mill-inqas tliet snin fir-reġistru tal-avukati amministrat mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati, għall-użu tat-titolu professjonali tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u għall-kwalifika biex jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor (ir-reġistru tal-UE). Barra minn hekk, il-persuna trid tipprova li teżerċita b’mod regolari l-professjoni ta’ avukat fil-Finlandja għal mill-inqas dak il-perjodu.
Bażijiet tad-dejta legali
Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża.
Solicitors/konsulenti legali
Fil-Finlandja, prattikament kulħadd jista’ jagħti pariri dwar u jagħti għajnuna fi kwistjonijiet legali, anki b’mod professjonali. Madankollu, ftit ferm minn dawn il-konsulenti m’għandhomx lawrja fil-Liġi fuq il-livell ta’ Master.
L-avukati prattikanti li ma jkunux membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati jistgħu, forsi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal avukat, jew jistgħu jippreferu li ma jkunux suġġetti għall-obbligi tal-professjoni. L-avukati li jkunu għadhom kemm iggradwaw mill-università, pereżempju, jew l-avukati li jkunu għadhom kemm bdew jeżerċitaw il-professjoni jew li jkunu ġejjin minn oqsma oħrajn tal-liġi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti, u lanqas l-avukati part-time.
Nutara pubbliċi
Fil-Finlandja, il-kompiti tan-nutara pubbliċi huma rregolati mil-liġi. In-nutara pubbliċi huma impjegati fl-uffiċċji lokali tar-reġistri u fl-uffiċċji distrettwali ġurisdizzjonali. Ir-rekwiżit sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-kariga ta’ nutar pubbliku huwa lawrja fil-liġi fuq il-livell ta’ Master (oikeustieteen kandidaatti).
Minkejja bosta elementi simili, id-dmirijiet tan-nutara pubbliċi fil-Finlandja jvarjaw ferm mid-dmirijiet tan-nutara fil-bqija tal-Ewropa u tal-Istati Uniti. Fil-Finlandja, nutar pubbliku jkun dejjem uffiċjal Statali. Madankollu, in-nutara pubbliċi mhumiex nutara pubbliċi full-time; il-parti l-kbira tal-uffiċjali li jwettqu l-kompiti ta’ nutara pubbliċi huma reġistraturi distrettwali f’uffiċċji lokali tar-reġistri. Minħabba l-libertà kuntrattwali fil-kwistjonijiet ċivili, fil-Finlandja l-konferma minn Nutar Pubbliku mhix prerekwiżit għall-validità tal-kuntratti. L-uniku kuntratt skont il-liġi ċivili li jeħtieġ ċertifikazzjoni notarili fil-Finlandja hija ċ-ċessjoni tal-proprjetà.
In-nutara pubbliċi jieħdu ħsieb iċ-ċertifikazzjoni notarili ta’, fost l-oħrajn, firem u kopji ta’ ċertifikati u l-awtentikazzjoni tal-curriculum vitae. In-nutara pubbliċi jistgħu anki jiċċertifikaw dawk li jissejħu “ċertifikati bil-postilla” li jikkonfermaw li l-firmatarju ta’ dokument partikolari għandu l-pożizzjoni indikata u li huwa jew hija għandu l-awtorizzazzjoni xierqa biex jiffirma d-dokument.
Professjonijiet legali oħra
Awtoritajiet tal-infurzar
Organizzazzjoni
Il-kompiti ta’ infurzar jitwettqu mill-marixxalli lokali: jiġifieri, il-marixxalli distrettwali, il-kapijiet tal-pulizija rurali u l-marixxall provinċjali ta’ Åland. Dawn l-uffiċjali jkunu megħjuna minn viċi marixxalli li, fil-prattika, ikunu inkarigati mill-kompiti ta’ infurzar l-iktar individwali. L-uffiċċji tal-infurzar għandhom ukoll persunal klerikali. L-awtoritajiet tal-infurzar huma uffiċjali Statali.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa inkarigat mill-ġestjoni, mill-kontroll u mis-superviżjoni ġenerali tas-servizz tal-infurzar. Il-kapijiet tal-amministrazzjoni ġudizzjarja fl-uffiċċji provinċjali tal-Istat ukoll għandhom funzjonijiet ta’ kontroll u ta’ superviżjoni relatati mal-infurzar. Pereżempju, huma jieħdu ħsieb l-ilmenti dwar il-kondotta tal-awtoritajiet tal-infurzar. Madankollu, la l-Ministeru tal-Ġustizzja u lanqas il-kapijiet tal-amministrazzjoni legali m’għandhom is-setgħa li jwarrbu jew ibiddlu infurzar individwali jew xi miżura oħra.
Fil-Finlandja, l-infurzar ta’ spiss huwa kwistjoni ta’ ġbir ta’ djun tas-sentenzi, u b’hekk huwa marbut mill-qrib mal-proċedimenti fil-qrati. Fil-proċedimenti, il-validità tat-talba ta’ kreditur tiġi investigata u r-responsabbiltà għall-ħlas tiġi imposta fuq id-debitur. Jekk is-sentenza ma tiġix irrispettata volontarjament, din titwettaq b’mod obbligatorju permezz tal-infurzar. Uħud mill-ammonti dovuti, bħat-taxxi u ċerti primjums tal-assigurazzjoni, jistgħu jiġu infurzati anki jekk ma jkunx hemm sentenza.
L-awtoritajiet tal-infurzar jipproteġu l-interessi kemm tal-kredituri kif ukoll tad-debituri. Huma għandhom l-għan li jirċievu ħlas volontarju wara li jibagħtu ittra ta’ ġbir. Jekk ma jasal l-ebda ħlas, il-pagi, is-salarji, il-pensjonijiet, id-dħul min-negozju jiġu ssekwestrati jew l-assi jinqabdu. L-assi maqbuda jistgħu jinbiegħu waqt irkant mill-marixxall.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.