Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Awstrija

Din il-paġna tagħti ħarsa ġenerali lejn il-professjonijiet legali fl-Awstrija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Professjonijiet legali – Introduzzjoni

Fil-preżent hemm 1 964 imħallef professjonali fil-mandat tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja Awstrijak (ċifra fl-1 ta’ Settembru 2019, li tirrappreżenta pożizzjonijiet ekwivalenti għal full-time attivi, inkluż fil-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Federali, iżda esklużi l-assenjazzjonijiet lill-Awtorità Ċentrali).

L-imħallfin jinħatru wkoll barra mill-mandat tal-Ministeru għall-Ġustizzja, pereżempju fil-Qorti Amministrattiva Suprema, fil-Qorti Fiskali Federali u fil-Qrati Amministrattivi Provinċjali.

Barra minn hekk, persuni lajċi huma assenjati għal kawżi speċifiċi u jaħdmu fuq bażi volontarja. Huma jaġixxu bħala mħallfin onorarji jew membri tal-ġurija f’kawżi kriminali u bħala mħallfin assoċjati b’kompetenza speċjali f’kawżi kummerċjali, tax-xogħol u tal-liġi soċjali, fost oħrajn.

Hemm 413-il prosekutur pubbliku (ċifra fl-1 ta’ Settembru 2019, li tirrappreżenta pożizzjonijiet ekwivalenti għal full-time attivi, inkluż fl-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali, imma eskluża l-Awtorità Ċentrali) u 4 848 uffiċjal u persunal bil-kuntratt (ċifra fl-1 ta’ Settembru 2019, li tirrappreżenta pożizzjonijiet ekwivalenti għal full-time attivi, inkluż fil-Qorti Suprema u l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali, imma eskluża l-Awtorità Ċentrali) li jappoġġaw il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku fil-ħidma tagħhom.

3 799 persuna huma impjegati fis-sistema tal-ħabs (cifra fl-1 ta’ Settembru 2019, li tirrappreżenta pożizzjonijiet ekwivalenti għal full-time attivi, inklużi membri tad-Direttorat tal-Ħabsijiet); din iċ-ċifra tinkludi total ta’ 3 214 gwardjan tal-ħabs (inklużi dawk fis-servizz ta’ taħriġ).

1. Imħallfin

Taħriġ u ħatra tal-imħallfin

Dawk li jixtiequ jsiru mħallfin fis-sistema tal-qorti ordinarja jridu jkunu lestew l-istudji tal-liġi tagħhom u traineeship fil-qorti u wara jlestu servizz ta’ preparazzjoni ġudizzjarja. Kull sena, jinħatru madwar 70-80 imħallef kandidat. Is-servizz ta’ preparazzjoni ġudizzjarja (inkluż it-traineeship fil-qorti) idum fil-prinċipju erba’ snin u jsir fil-qrati distrettwali, fil-qrati reġjonali, fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, fil-ħabsijiet, fiċ-ċentri għall-protezzjoni jew l-assistenza tal-vittmi, jew fl-uffiċċji ta’ avukat, ta’ nutar, jew tal-Finanzprokuratur. Parti minn dan it-taħriġ tista’ ssir ukoll fil-Qorti Reġjonali Superjuri, fil-Qorti Suprema, fil-Ministeru Federali għall-Ġustizzja, fid-Direttorat tal-Ħabsijiet, fiċ-ċentri tas-servizz ta’ probation, fl-assoċjazzjonijiet ta’ fiduċjarji legali jew fl-uffiċċji tal-welfare taż-żgħażagħ, fl-uffiċċju tal-kummissarju għall-protezzjoni legali, jew fis-settur finanzjarju (pereżempju, f’impriżi xierqa). Is-servizz ta’ preparazzjoni ġudizzjarja jispiċċa b’eżami tal-kariga ġudizzjarja.

Ladarba jkunu għaddew l-eżami tal-kariga ġudizzjarja, l-imħallfin kandidati jkunu jistgħu japplikaw għal pożizzjonijiet permanenti vakanti bħala mħallfin.

Fis-sistema tal-qorti amministrattiva, ma hemm l-ebda servizz ta’ preparazzjoni ġudizzjarja; madankollu, l-imħallfin amministrattivi jridu jipprovdu evidenza ta’ esperjenza professjonali rilevanti (pereżempju, servizz f’awtorità amministrattiva). Qabel il-ħatra tagħhom, l-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali u tal-Qorti Amministrattiva Federali jridu jkunu lestew l-istudji tal-liġi tagħhom u jkollhom ħames snin ta’ esperjenza legali professjonali. L-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema jrid jkollhom għaxar snin ta’ esperjenza legali professjonali.

L-imħallfin tal-qorti ordinarja jistgħu jaqilbu għall-qrati amministrattivi. L-imħallfin tal-qorti amministrattiva, ukoll, jistgħu jinħatru bħala mħallfin tal-qorti ordinarja wara ħames snin ta’ servizz fil-qrati amministrattivi.

L-imħallfin jinħatru fil-prinċipju mill-President Federali, li, fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-karigi ta’ mħallef, ikun iddelega dan il-kompitu lill-Ministru Federali għall-Ġustizzja. B’kuntrast, l-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali huma maħtura mill-gvern provinċjali rispettiv. Iċ-ċittadini Awstrijaċi biss jistgħu jinħatru bħala mħallfin.

Il-persuni lajċi fl-awla (Laienrichter*innen) iridu jiġu distinti mill-imħallfin professjonali. Dawn ma għandhom bżonn l-ebda taħriġ legali u jaħdmu fuq bażi volontarja. Dawn jinkludu mħallfin onorarji (Schöff*innen) u membri tal-ġurija fi proċedimenti kriminali, u mħallfin assoċjati (Beisitzer*innen) b’kompetenza speċjali f’kawżi tax-xogħol u tal-liġi soċjali.

Status tal-imħallfin

L-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji federali u fil-qrati amministrattivi huma impjegati taċ-ċivil federali. Minbarra l-Att Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz), is-sors legali ewlieni għat-taħriġ u l-istatus professjonali tal-imħallfin huwa l-Att dwar l-Imħallef u l-Prosekuzzjoni Pubblika (Richter- und Staatsanwaltschaftsdienstgesetz). L-att jirregola bosta dispożizzjonijiet (inklużi pereżempju l-liġi dixxiplinarja u d-deskrizzjonijiet tas-servizz) b’mod simili ħafna għall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi.

L-imħallfin maħtura fil-Qrati Amministrattivi Reġjonali (Landesverwaltungsgerichten) huma impjegati taċ-ċivil tal-provinċja rispettiva. L-istatus professjonali tagħhom huwa rregolat fl-Att Kostituzzjonali Federali u f’leġiżlazzjoni provinċjali speċifika.

L-imħallfin professjonali kollha huma maħtura għal perjodu ta’ żmien bla limitu u jirtiraw fl-aħħar tax-xahar li fih jagħlqu l-65 sena.

Skont l-Artikoli 87 u 88 tal-Att Kostituzzjonali Federali, l-imħallfin jaġixxu bħala aġenti indipendenti tal-Istat fl-interpretazzjoni tal-liġi u fl-aġġudikazzjoni tal-kawżi. Din l-indipendenza hija espressa fil-libertà tal-imħallfin mill-istruzzjoni (l-indipendenza materjali) u fil-fatt li ma jistgħux jitneħħew jew jiġu ttrasferiti għal pożizzjoni oħra (l-indipendenza personali). L-imħallfin huma marbuta biss bil-liġi u jiddeċiedu abbażi tal-fehmiet legali tagħhom stess. Bl-istess mod, dawn ma jkunux marbuta b’deċiżjonijiet preċedenti ta’ qrati oħra dwar kwistjonijiet legali simili (preċedenti).

Minbarra meta dawn jirtiraw b’mod permanenti wara li jilħqu l-limitu ta’ età statutorja, l-imħallfin jistgħu jitneħħew mill-kariga jew jiġu trasferiti għal pożizzjoni oħra jew jiġu rtirati kontra l-volontà tagħhom biss fiċ-ċirkostanzi u fil-manjiera provduta mil-liġi u fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja formali (l-Artikolu 88 tal-Att Kostituzzjonali Federali).

L-istatus speċjali tal-imħallfin skont il-kostituzzjoni japplika biss fl-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja tagħhom (fit-tmexxija tax-xogħol ġudizzjarju kollu allokat bil-liġi jew skont is-sistema ta’ allokazzjoni tax-xogħol). Teżisti eżenzjoni għall-kwistjonijiet ta' “amministrazzjoni ta' ġustizzja” (miżuri sabiex tinżamm l-operazzjoni tas-sistema ġudizzjarja). F’tali każijiet, l-imħallfin huma indipendenti biss jekk jittrattaw dawn il-kwistjonijiet fuq bordijiet jew f’kummissjonijiet (bħall-allokazzjoni ta’ xogħol ġudizzjarju jew proposti għal ħatriet għal karigi ġudizzjarji). Inkella, huma marbuta bi struzzjonijiet mis-superjuri tagħhom. L-allokazzjoni fissa ta’ xogħol ġudizzjarju tiżgura li jiġi mħares id-dritt legali għal imħallef, stabbilit mill-kostituzzjoni.

Rwol u dmirijiet

L-imħallfin huma responsabbli biex jiġġudikaw kawżi tad-dritt ċivili u kriminali. Fil-kwistjonijiet tad-dritt amministrattiv u kostituzzjonali, jaġixxu bħala kontroll fuq l-amministrazzjoni u bħala għassiesa tal-kostituzzjoni.

Responsabbiltà f’għajnejn il-liġi

Qorti Dixxiplinari: L-imħallfin li b’mod żleali jiksru l-obbligi professjonali u etiċi tagħhom iridu jwieġbu quddiem il-qorti dixxiplinarja. Għall-imħallfin tal-qorti ordinarja, il-qorti dixxiplinarja hija stabbilita fil-Qorti Reġjonali Superjuri jew fil-Qorti Suprema u tikkonsisti biss minn imħallfin. Il-qorti dixxiplinarja hija wkoll kompetenti fi kwistjonijiet ta’ mġiba ħażina minn prosekuturi pubbliċi. L-istess regolamenti dixxiplinari, bi ftit eċċezzjonijiet, japplikaw għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi federali. B’kuntrast, ir-regoli dixxiplinarji għall-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni provinċjali rilevanti.

Qorti Kriminali: L-imħallfin (u l-prosekuturi pubbliċi) li, b’mod żleali jiksru l-obbligi professjonali tagħhom, iwettqu wkoll reat kriminali u jridu jwieġbu quddiem il-qorti kriminali (pereżempju, fil-każ ta’ abbuż ta’ poter uffiċjali).

Qorti Ċivili: Il-partijiet li jkunu ġarrbu telf bħala riżultat ta’ kondotta illegali u kolpevoli minn imħallef (jew prosekutur pubbliku) jistgħu jasserixxu dan it-telf biss kontra l-Istat. L-Istat jista’ jirrikorri kontra l-imħallef (jew il-prosekutur pubbliku) f’każijiet ta’ atti intenzjonali jew negliġenza serja.

2. Prosekuturi pubbliċi

Organizzazzjoni

B’mod ġenerali, l-organizzazzjoni ġerarkika tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tikkorrispondi għall-organizzazzjoni tal-qrati.

Hemm uffiċċju tal-prosekutur pubbliku f’kull waħda mis-16-il qorti tal-prim’istanza b’ġuriżdizzjoni fuq kawżi kriminali. Barra minn hekk, hemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Ekonomika u l-Korruzzjoni (Wirtschafts- und Korruptionsstaatsanwaltschaft) b’kompetenza madwar l-Awstrija kollha. Hemm uffiċċju tal-prosekutur pubbliku anzjan f’kull qorti reġjonali superjuri, u Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali fil-Qorti Suprema. L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku anzjan u l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali huma direttament subordinati għall-Ministru Federali għall-Ġustizzja.

Taħriġ u ħatra ta’ prosekuturi pubbliċi

It-taħriġ ta’ prosekutur pubbliku jikkorrispondi għal dak tal-imħallfin professjonali tal-qorti ordinarja.

Jistgħu jinħatru bħala prosekutur pubbliku biss dawk il-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ħatra fil-kariga ta’ mħallef.

Pożizzjonijiet permanenti vakanti għal prosekuturi pubbliċi, bħal pożizzjonijiet permanenti għall-imħallfin, għandhom jixxandru pubblikament biex jimtlew. Il-President Federali għandu d-dritt li jaħtar prosekuturi pubbliċi iżda, bħal fil-każ tal-imħallfin, il-President ikun iddelega d-dritt tal-ħatra lill-Ministru Federali għall-Ġustizzja għall-biċċa l-kbira tal-karigi permanenti ta’ prosekutur pubbliku.

Status tal-prosekuturi pubbliċi

L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku huma awtoritajiet ġudizzjarji separati, iżda mhux indipendenti. Għandhom struttura ġerarkika u huma marbuta bl-istruzzjonijiet tal-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku anzjan u fl-aħħar mill-aħħar mill-Ministru Federali għall-Ġustizzja.

Hemm regoli statutorji preċiżi li jirregolaw id-dritt li jinħarġu l-istruzzjonijiet. Struzzjonijiet mingħand uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku anzjan jew mingħand il-Ministru Federali għall-Ġustizzja jistgħu jinħarġu biss fil-forma miktuba u jridu jkunu akkumpanjati minn stqarrija ta’ raġunijiet. Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet irċevuti għandhom jiġu rreġistrati fl-atti tal-kawża kriminali. Qabel ma joħroġ struzzjoni, il-Ministru Federali jrid jikkonsulta lill-Weisungsrat (il-kunsill konsultattiv dwar l-istruzzjonijiet). Il-Ministru Federali għall-Ġustizzja għandu responsabbiltà ministerjali u għalhekk huwa responsabbli u obbligat li jipprovdi informazzjoni lill-Parlament.

Il-membri tal-persunal tal-uffiċċji individwali tal-prosekutur pubbliku jridu jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija mid-direttur tal-uffiċċju. Madankollu, jekk jikkunsidraw li struzzjoni tmur kontra l-liġi, jistgħu jitolbu struzzjoni bil-miktub u jistgħu saħansitra jirranġaw biex jiġu meħlusa milli jittrattaw il-kawża kriminali inkwistjoni.

Rwol u dmirijiet

L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku huma korpi speċjali separati mill-qrati. Ir-rwol tagħhom huwa li jħarsu l-interess pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali. Dan jinkludi li jkunu inkarigati minn proċedimenti ta’ investigazzjoni kriminali. Huma wkoll responsabbli biex għall-infilzar u l-preżentata tal-att ta’ akkuża fi proċedimenti kriminali. Huma għalhekk jissejħu wkoll aġenziji tal-prosekuzzjoni.

Il-prosekuturi pubbliċi huma responsabbli biex jinfilzaw u jippreżentaw l-atti ta’ akkużi, kemm quddiem il-Qorti Reġjonali kif ukoll quddiem il-qrati distrettwali tad-distrett rispettiv tal-Qorti Reġjonali. Bħala regola, il-prosekuturi distrettwali jippreżentaw l-att ta’ akkuża quddiem il-qrati distrettwali. Dawn huma uffiċjali b’kompetenza speċjali, iżda mhumiex meħtieġa li jkollhom grad akkademiku.

Pożizzjoni speċjali hija okkupata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Ekonomika u l-Korruzzjoni, li l-ġuriżdizzjoni tiegħu mal-pajjiż kollu testendi primarjament għall-oqsma tal-infrazzjonijiet minn impjegati taċ-ċivil u għar-reati ekonomiċi li jinvolvu ammonti li jaqbżu l-EUR 5 000 000. Il-kompetenzi tiegħu jinkludu wkoll reati finanzjarji li jinvolvu ammonti ta’ aktar minn EUR 5 000 000, każijiet aggravati ta’ frodi soċjali, reati ta’ falliment aggravat (kridaträchtiges Verhalten), u reati skont il-Liġi dwar il-Kumpaniji Pubbliċi Limitati jew il-Liġi dwar il-Kumpaniji Privati Limitati mwettqa f’impriżi kbar korrispondenti (b’kapital azzjonarju ta’ mill-inqas EUR 5 000 000 jew aktar minn 2 000 impjegat).

L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku anzjan huma ġerarkikament superjuri għall-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u huma stabbiliti fil-Qrati Reġjonali Superjuri fi Vjenna, Graz, Linz u Innsbruck. Minbarra li jippreżentaw l-att tal-akkuża quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri, huma wkoll responsabbli biex jissorveljaw l-uffiċċji kollha tal-prosekutur pubbliku fid-distrett tagħhom u huma direttament subordinati għall-Ministru Federali għall-Ġustizzja.

L-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali, stabbilit fil-Qorti Suprema, imbagħad jokkupa pożizzjoni speċjali. Huwa jirrapporta direttament lill-Ministru Federali għall-Ġustizzja u hu stess ma għandux id-dritt li joħroġ struzzjonijiet lill-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u lill-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku anzjan. Lanqas ma jippreżenta atti ta’ akkuża. Minflok, huwa inkarigat li jappoġġa lill-Qorti Suprema. Huwa speċjalment awtorizzat li jressaq appelli għan-nullità biex jiġi żgurat li l-liġi tiġi rispettata fi kwistjonijiet kriminali li fihom il-partijiet ma għandhom l-ebda possibbiltà (ulterjuri) ta’ appell. L-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali b’hekk jaqdi funzjoni importanti billi jippreserva l-unità tad-dritt u jiżgura ċ-ċertezza legali fi kwistjonijiet tad-dritt kriminali.

Responsabbiltà f’għajnejn il-liġi

Ir-responsabbiltà dixxiplinarja, kriminali u ċivili tal-prosekuturi pubbliċi hija rregolata bl-istess mod bħal dik tal-imħallfin tal-qrati ordinarji.

3. Reġistraturi

Organizzazzjoni

Fl-Awstrija, ir-reġistraturi (Diplomrechtspfleger*innen) huma pilastru essenzjali tas-sistema ġudizzjarja. Illum, aktar minn 80 % tad-deċiżjonijiet kollha tal-qrati tal-prim’istanza f’kawżi ċivili jittieħdu mis-760 reġistratur.

Taħriġ għar-reġistraturi

Jiġu ammessi biex isegwu t-taħriġ għar-reġistraturi biss dawk il-membri tal-persunal ġudizzjarju li jkunu għamlu l-Matura (eżami għat-tluq mill-iskola sekondarja) jew il-Berufsreifeprüfung (eżami għat-tluq mill-iskola vokazzjonali), lestew it-taħriġ prattiku fl-uffiċċju tal-qorti u għaddew mill-eżamijiet tal-uffiċċju tal-qorti u tas-servizz speċjali. It-taħriġ jieħu tliet snin oħra u jinkludi xogħol tal-qorti inklużi l-preparazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol rilevanti, parteċipazzjoni f’kors ta’ taħriġ ġenerali u ta’ taħriġ speċifiku għall-qasam tax-xogħol, u li wieħed jgħaddi mill-eżamijiet rilevanti. Wara li jgħaddi mill-eżami tar-reġistratur, sakemm ir-rekwiżiti l-oħra elenkati fit-Taqsima 3 tal-Att dwar ir-Reġistraturi (Rechtspflegergesetz) ikunu ġew sodisfatti, ir-reġistratur kandidat jirċievi diploma mill-Ministru Federali għall-Ġustizzja. Id-diploma trid tispeċifika l-qasam tax-xogħol. Malli jirċievi din id-diploma, ir-reġistratur kandidat ikun awtorizzat li jwettaq xogħol ġudizzjarju fil-qasam tax-xogħol tiegħu fit-territorju federali, u għalhekk jista’ jaħdem bħala reġistratur.

L-imħallef li jippresjedi l-Qorti Reġjonali Superjuri jrid jiddetermina sussegwentement il-qorti li fiha l-uffiċjal tal-qorti rilevanti għandu jiġi impjegat bħala reġistratur u, jekk applikabbli, għal liema perjodu. Fil-qorti determinata mill-imħallef li jippresjedi, ir-reġistratur huwa allokat mill-maniġment (president jew kap tal-qorti) lil dipartiment tal-qorti ġestit minn imħallef jew, jekk applikabbli, lil għadd ta’ dipartimenti tal-qorti.

Status tar-reġistraturi

Ir-reġistraturi huma uffiċjali tal-qorti mħarrġa apposta li lilhom ikun ġie ttrasferit it-trattament ta’ xogħol speċifikament ċirkoskritt fi kwistjonijiet ċivili fil-prim’istanza abbażi tal-Att Kostituzzjonali Federali Awstrijak (l-Artikolu 87 (a)) u l-Att dwar ir-Reġistraturi. Huma marbuta biss bl-istruzzjonijiet tal-imħallef responsabbli għall-kawża skont l-allokazzjoni tax-xogħol tal-qorti. L-imħallfin jistgħu fi kwalunkwe ħin jirriżervaw it-trattament tal-kawża għalihom infushom jew jieħdu konjizzjoni tagħha huma stess. Ir-reġistraturi jistgħu jieħdu deċiżjonijiet biss. Id-deċiżjonijiet meħuda mir-reġistraturi jistgħu jiġu kkontestati, bħad-deċiżjonijiet tal-imħallfin. Jekk, minħabba l-ammont inkwistjoni, deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata, jew tista’ tiġi kkontestata biss sa ċertu punt skont ir-regoli ġenerali, huwa possibbli wkoll li l-imħallef responsabbli għall-kawża jiġi mitlub biex jieħu konjizzjoni tagħha hu stess.

Fil-prattika, ir-reġistraturi jaħdmu l-aktar b’mod indipendenti. Struzzjonijiet mingħand l-imħallef mhumiex normali u jinħarġu estremament rari.

Rwol u dmirijiet

Ir-reġistraturi jinħatru fl-oqsma ta’ ħidma li ġejjin:

  • Proċedura ċivili, eżekuzzjoni u kwistjonijiet ta’ insolvenza (“proċedimenti ta’ saldu ta’ dejn”)
  • Kwistjonijiet mhux kontenzjużi
  • Kwistjonijiet dwar ir-reġistru tal-artijiet u dwar ir-reġistru tal-bastimenti
  • Kwistjonijiet dwar ir-reġistru tal-kumpaniji.

Kull wieħed minn dawn l-oqsma ta’ ħidma jeħtieġ taħriġ speċjali u ħatra speċjali bħala reġistratur fir-rigward tal-qasam ta’ ħidma rilevanti.

Diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-imħallfin u r-reġistraturi

L-isfera tal-attività ta' reġistratur ma tinkludix il-ħidma u d-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw fl-oqsma ta’ ħidma msemmija hawn fuq. Ix-xogħol li jaqa’ fl-isfera tal-attività tar-reġistratur huwa stabbilit speċifikament fl-Att dwar ir-Reġistraturi, u l-firxa tal-isfera tal-attività tvarja minn qasam ta’ ħidma għal ieħor.

L-Att dwar ir-Reġistraturi jistabbilixxi sferi tal-attività għall-oqsma ta’ ħidma individwali. Dawn l-isferi ta’ attività jassenjaw responsabbiltajiet speċifiċi lir-reġistraturi (pereżempju, l-isfera tal-attività f’kawżi ta’ insolvenza tinkludi kawżi ta’ falliment quddiem il-qrati distrettwali). Naturalment, ċerti responsabbiltajiet huma riżervati għall-imħallfin.
Barra minn hekk, kull sfera tal-attività tinkludi, fost affarijiet oħra, it-twettiq ta’ proċeduri ta’ “ordni ta’ ħlas”, il-konferma tal-effett legali u l-eżegwibilità tas-sentenzi tal-qrati fil-qasam ta’ ħidma partikolari, id-deċiżjonijiet dwar rikorsi għall-għajnuna legali fil-proċedimenti tar-reġistratur, u t-twettiq ta’ funzjonijiet uffiċjali abbażi ta’ talba għall-assistenza ġudizzjarja minn qorti domestika jew awtorità domestika.

4. Avukati

Ġenerali

L-avukati huma kkwalifikati u awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-partijiet fil-proċeduri kollha tal-qorti u barra mill-qorti fil-kwistjonijiet pubbliċi u privati kollha quddiem il-qrati u l-awtoritajiet pubbliċi kollha tar-Repubblika tal-Awstrija.

L-ebda ħatra uffiċjali ma hija meħtieġa għal dawk li jixtiequ jipprattikaw bħala avukat fl-Awstrija; madankollu, il-prattika professjonali hija kundizzjonali fuq ir-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt.

Il-bażijiet legali fundamentali jinsabu fl-Att Awstrijak dwar l-Avukati (Rechtsanwaltsordnung, il-Gazzetta tal-Liġi Imperjali Nru 96/1896), l-Istatut Dixxiplinari għall-Avukati u l-Avukati Kandidati (Disziplinarstatut für Rechtsanwälte und Rechtsanwaltsanwärter, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 474/1990), l-Att dwar it-Tariffi tal-Avukati Federali (Bundesgesetz über den Rechtsanwaltstarif, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 189/1969) u l-Att dwar l-Eżami tal-Avukati (Rechtsanwaltsprüfungsgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 556/1985).

Rekwiżiti għal prattika professjonali

Dawk li jixtiequ jipprattikaw il-professjoni ta’ avukat l-ewwel iridu jkunu studjaw il-liġi Awstrijaka u mbagħad jagħtu prova li qattgħu total ta’ mill-inqas ħames snin involuti f’ħidma legali professjonali, li minnhom mill-inqas seba’ xhur iridu jkunu ħidma f’qorti jew f’xi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u tliet snin fl-uffiċċju ta’ avukat Awstrijak bħala avukat kandidat.

L-eżami tal-avukati, li l-kandidati jridu jgħaddu minnu biex ikunu jistgħu jipprattikaw, jista’ jsir wara impjieg prattiku ta’ tliet snin, li minnhom mill-inqas seba’ xhur iridu jkunu ħidma f’qorti u mill-inqas sentejn fl-uffiċċju ta’ avukat. Sabiex jagħmlu l-eżami, il-kandidati jridu jieħdu sehem ukoll fil-korsijiet ta’ taħriġ obbligatorji preskritti għall-avukati kandidati mill-Kamra tal-Avukati.

Dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti ddikjarati jistgħu jiddaħħlu fil-lista tal-avukati tal-Kamra tal-Avukati tad-distrett ġudizzjarju fejn tkun se tinsab il-prattika tagħhom.

B’ċerti ċirkostanzi, l-avukati barranin li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew l-Iżvizzera, jistgħu wkoll

  • iwettqu attivitajiet bħala avukati fuq bażi temporanja fl-Awstrija,
  • japplikaw biex jiddaħħlu fil-lista tal-avukati tal-Kamra tal-Avukati responsabbli (wara li jkunu għamlu eżami tal-aptitudni) jew
  • jiftħu uffiċċju fl-Awstrija immedjatament mingħajr l-ebda eżami tal-aptitudni minn qabel taħt it-titlu professjonali użat fil-pajjiż ta’ oriġini u jsiru kompletament integrati fil-professjoni legali Awstrijaka wara prattika professjonali effettiva u regolari ta’ tliet snin fl-Awstrija.

B’ċerti ċirkostanzi, membru ta’ Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru tal-GATS jista’ wkoll iwettaq ċerti attivitajiet ta’ avukat delimitati b’mod preċiż fuq bażi temporanja fir-Repubblika tal-Awstrija.

Responsabbiltà f’għajnejn il-liġi

L-avukati li jiksru l-obbligi professjonali jew jiskreditaw il-professjoni jridu jwieġbu quddiem kunsill dixxiplinari magħżul mill-Kamra tal-Avukati lokali. Il-pieni li jistgħu jiġu imposti mill-kunsill tad-dixxiplina jinkludu t-tneħħija tal-persuna kkonċernata mil-lista tal-avukati. Id-deċiżjonijiet fit-tieni istanza jittieħdu mill-Qorti Suprema f’diviżjonijiet ta’ erba’ persuni li jikkonsistu f’żewġ imħallfin mill-Qorti Suprema u żewġ avukati.

Barra minn hekk, l-avukati huma ovvjament soġġetti għar-responsabbiltà kriminali u ċivili.

Kamra tal-Avukati, Kamra tal-Avukati Nazzjonali Awstrijaka

L-avukati kollha fi provinċja partikolari li jkunu mniżżla fil-lista ta’ dik il-provinċja jiffurmaw Kamra tal-Avukati (Rechtsanwaltskammer). Il-Kmamar tal-Avukati huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku u korpi awtonomi li jirregolaw lilhom infushom.

Fuq livell federali, l-interessi tal-avukati Awstrijaċi b’mod ġenerali huma rrappreżentati mill-Kamra tal-Avukati Nazzjonali Awstrijaka (Österreichischer Rechtsanwaltskammertag). Il-Kamra tal-Avukati Nazzjonali Awstrijaka hija magħmula mill-Kmamar tal-Avukati tal-Awstrija, u l-Laqgħa tar-Rappreżentanti tagħha hija magħmula minn delegati mill-Kmamar tal-Avukati.

5. Nutara

Ġenerali

In-nutara, bħala istituzzjoni indipendenti u imparzjali tal-ġustizzja preventiva, huma disponibbli għall-pubbliku li jfittex il-liġi għall-finijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet legali privati tagħhom.

L-impenn prinċipali tagħhom huwa li jipparteċipaw fil-proċessi legali u li jipprovdu għajnuna legali lill-pubbliku. In-nutara jabbozzaw atti pubbliċi, iżommu proprjetà ta’ terzi fuq bażi fiduċjarja, jabbozzaw skritturi privati u jirrappreżentaw lill-partijiet, speċjalment fil-qasam mhux kontenzjuż. In-nutara huma wkoll responsabbli għal ħidma bħala aġenti tal-qorti fi proċeduri mhux kontenzjużi. B’mod partikolari, huma kkonsultati bħala “kummissarji tal-qorti” biex imexxu proċeduri ta’ suċċessjoni.

In-nutara jiżguraw li l-assi tad-deċedut jkunu garantiti u mgħoddija lill-persuni li huma intitolati għalihom. Dan ix-xogħol jeħtieġ għarfien speċjali tal-liġi tas-suċċessjoni u tal-proċedimenti mhux kontenzjużi, li jfisser ukoll li n-nutara huma kontinwament ikkonsultati mill-pubbliku biex jassistu fl-abbozzar ta’ testmenti u b’mod ġenerali biex jagħtu pariri u jipprovdu rappreżentanza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.

In-nutara għandhom kariga pubblika, iżda mhumiex impjegati taċ-ċivil. Iġorru r-riskju kummerċjali li jmexxu l-uffiċċju taI-prattika, iżda ma jmexxux negozju. Huma simili għal persuni li jipprattikaw professjoni liberali, iżda bħala kummissarji tal-qorti huma uffiċjali ġudizzjarji. Ix-xogħol ta’ nutar huwa professjoni ewlenija u ma jistax jiġi kkombinat max-xogħol ta’ avukat.

It-tibdil fin-numru tal-pożizzjonijiet notarili u fil-postijiet tal-uffiċċji tagħhom isir permezz tar-regolamentazzjoni mill-Ministru Federali għall-Ġustizzja. F’Ottubru 2019, kien hemm 519-il kariga notarili fl-Awstrija.

Il-bażijiet legali fundamentali għal din l-attività jinsabu fil-Kodiċi tan-Nutara (Notariatsordnung, il-Gazzetta tal-Liġi Imperjali Nru 75/1871), l-Att dwar l-Atti Notarili (Notariatsaktsgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Imperjali Nru 76/1871), l-Att dwar it-Tariffi tan-Nutara (Notariatstarifgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 576/1973), l-Att dwar l-Eżami Notarili (Notariatsprüfungsgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 522/1987), l-Att dwar il-Kummissarji tal-Qorti (Gerichtskommissärsgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 343/1970), u l-Att dwar it-Tariffi tal-Kummissarju tal-Qorti (Gerichtskommissionstarifgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Nru 108/1971).

Taħriġ

Dawk li lestew l-istudji tal-liġi tagħhom (fil-liġi Awstrijaka) u li huma interessati fil-professjoni ta’ nutar iridu jfittxu nutar li jaċċettahom bħala impjegat u li jniżżilhom isimhom fil-lista ta’ nutara kandidati.

It-tniżżil fil-lista ta’ nutara kandidati miżmuma mill-Kamra tan-Nutara responsabbli huwa permissibbli biss jekk il-persuna rilevanti kellha seba’ xhur prattika fil-qorti bħala prattikant legali f’qorti jew f’uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u tkun għadha ma għalqitx il-35 sena meta tkun tniżżlet għall-ewwel darba fil-lista tal-kandidati.

Sabiex jiġi ammess għall-eżami notarili, in-nutar kandidat irid jattendi l-avvenimenti obbligatorji ta’ taħriġ preskritti mill-Kamra tan-Nutara.

L-eżami notarili huwa magħmul minn żewġ partijiet.

  • In-nutar kandidat jista’ jagħmel l-ewwel parti tal-eżami wara kandidatura ta’ 18-il xahar, iżda mhux aktar tard minn tmiem il-ħames sena tal-kandidatura; inkella, isimhom għandu jitneħħa mil-lista tan-nutara kandidati.
  • It-tieni parti tal-eżami tista’ ssir wara prattika ulterjuri tal-impjieg ta’ mill-inqas sena bħala nutar kandidat. Il-kandidat irid jgħaddi mit-tieni parti tal-eżami notarili l-aktar tard qabel it-tmiem ta’ għaxar snin tal-kandidatura; inkella, isem il-kandidat jitneħħa mil-lista.

Ħatra

Pożizzjonijiet notarili li jkunu ġew vakanti jew li jkunu għadhom kif inħolqu mill-ġdid għandhom ikunu reklamati pubblikament qabel ma jimtlew. Il-liġi (l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tan-Nutara) teħtieġ, fost affarijiet oħrajn, li l-applikanti għal pożizzjoni notarili:

  • ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE jew taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera,
  • ikunu lestew b’suċċess l-istudji fil-liġi Awstrijaka,
  • ikunu għaddew l-eżami notarili u
  • ikunu kapaċi jġibu prova ta’ seba’ snin ta’ impjieg fil-professjoni legali, inklużi mill-inqas tliet snin bħala nutara kandidati wara li jagħmlu l-eżami notarili.

Dawn ir-rekwiżiti bażiċi ma jagħtux, madankollu, id-dritt li wieħed jinħatar bħala nutar. Fil-proċedura ta’ reklutaġġ, l-applikanti jiġu vvalutati u kklassifikati mill-Kamra tan-Nutara b’ġuriżdizzjoni territorjali, u sussegwentement mill-bordijiet tal-persunal tal-qorti reġjonali responsabbli u tal-Qorti Reġjonali Superjuri, u t-tul tal-impjieg prattiku jkun ta’ importanza deċiżiva. Kull Kamra tan-Nutara u kull wieħed miż-żewġ bordijiet tal-persunal jissottomettu lista qasira ta’ tliet applikanti lill-Ministru Federali għall-Ġustizzja. Għalkemm mhux marbut bil-listi qasira, fil-prattika l-Ministru jaħtar biss l-applikanti fuq il-lista l-qasira.

Nutar jista’ jipprattika sal-31 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara li jagħlaq 70 sena. Trasferiment uffiċjali ta’ nutar għal pożizzjoni notarili differenti mhuwiex permess.

Superviżjoni tan-nutara; responsabbiltà f’għajnejn il-liġi

Minħabba d-dmirijiet tagħhom fit-tfassil tal-atti pubbliċi u bħala kummissarji tal-qorti, in-nutara huma soġġetti għal superviżjoni partikolari. Is-superviżjoni tan-nutara hija r-responsabbiltà tal-Ministru Federali għall-Ġustizzja, l-amministrazzjoni ġudizzjarja u, direttament, il-kmamar tan-nutara.

In-nutara huma suġġetti għal liġi dixxiplinarja speċjali. Ir-reati dixxiplinari jiġu kkastigati fil-prim’istanza mill-Qorti Reġjonali Superjuri bħala l-qorti dixxiplinarja għan-nutara, u fit-tieni istanza mill-Qorti Suprema bħala l-qorti dixxiplinarja għan-nutara. Kull diviżjoni li tisma’ l-kawżi jrid ikollha membri li jkunu nutara. Il-lista ta’ pieni li jistgħu jiġu imposti mill-qorti dixxiplinari testendi għat-tneħħija mill-kariga. Il-pieni għal reati amministrattivi huma imposti mill-Kamra tan-Nutara.

Minbarra r-responsabbiltà dixxiplinarja tagħhom, in-nutara huma ovvjament ukoll responsabbli taħt id-dritt kriminali u ċivili.

Fejn in-nutara jaġixxu bħala kummissarji tal-qorti, huma meqjusa bħala impjegati taċ-ċivil għall-finijiet tad-dritt kriminali u għalhekk huma responsabbli għal prattika ħażina, li tinkludi b’mod partikolari l-abbuż tal-poter uffiċjali. Ir-responsabbiltà tagħhom skont id-dritt ċivili hija rregolata b’mod differenti. Meta n-nutara jaġixxu bħala kummissarji tal-qorti, huma soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà bħall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi. Għalhekk, ma jistgħux jitressqu talbiet direttament kontrihom mill-partijiet, li minflok iridu jidderieġu t-talbiet tagħhom għal kumpens lill-Istat. L-Istat jista’ jfittex rimedju f’każ ta’ atti intenzjonali jew negliġenza serja. Minbarra l-attività tagħhom bħala kummissarji tal-qorti, in-nutara huma direttament responsabbli fil-konfront tal-partijiet skont id-dritt ċivili.

Bordijiet tan-nutara, Kamra tan-Nutara Nazzjonali Awstrijaka

In-nutara li għandhom il-prattika tagħhom fi provinċja federali jew li huma mniżżla bħala nutara kandidati fil-lista tan-nutara kandidati ta’ dik il-provinċja federali jikkostitwixxu bord ta’ nutara. Il-provinċji federali ta’ Vjenna, l-Awstrija t’Isfel u l-Burgenland għandhom bord konġunt, bħalma għandhom il-provinċji federali ta’ Tirol u Vorarlberg.

Il-bord huwa responsabbli biex jippreserva l-unur u d-dinjità tal-professjoni u biex jirrappreżenta l-interessi tagħha.

Kull bord tan-nutara għandu jeleġġi Kamra tan-Nutara minn fost il-membri tiegħu. Kamra tan-Nutara hija magħmula minn nutar wieħed bħala president, u sitt nutara (tnax fi Vjenna) u tliet nutara kandidati (sitta fi Vjenna) bħala membri.

Il-Kamra tan-Nutara Nazzjonali Awstrijaka hija magħmula mill-kmamar provinċjali tan-nutara. Il-Kamra tan-Nutara Nazzjonali Awstrijaka hija kkwalifikata biex tirrappreżenta lin-nutara u tiddefendi d-drittijiet u t-tħassib tagħhom fi kwistjonijiet li jikkonċernaw in-nutara Awstrijaċi kollha kemm huma jew fi kwistjonijiet li l-ambitu tagħhom imur lil hinn minn dak ta’ Kamra tan-Nutara individwali.

Links relatati

Professjonijiet legali – l-Awstrija

L-aħħar aġġornament: 07/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.