Tipi ta’ professjonijiet legali

Belġju

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn id-diversi professjonijiet legali fil-Belġju.

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Professjonijiet legali — introduzzjoni

Din it-taqsima tippreżenta xi informazzjoni relatata ma’ professjonijiet legali bħal:

  • l-uffiċċju tal-avukat ġenerali,
  • imħallfin,
  • avukati,
  • nutara, u
  • bailiffs.

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali

Organizzazzjoni

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali, jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (ministère public/openbaar ministerie, magħruf ukoll bħala parquet/parket), li essenzjalment iressaq prosekuzzjonijiet (ara hawn taħt), jikkonsisti minn uffiċjali tal-liġi li huma maġistrati kkwalifikati (magistrats/magistraten), u li jwettqu d-dmirijiet tagħhom fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti partikolari li fiha huma bbażati.

Fi kwalunkwe distrett ġudizzjarju (arrondissement judiciare/gerechtelijk arrondissement) l-uffiċjali li jirrappreżentaw l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali quddiem il-qorti tal-prim’istanza (tribunal de première instance/rechtbank van eerste aanleg), u bl-istess mod quddiem il-qorti tal-minorenni (tribunal de la jeunesse/jeugdrechtbank), li hija diviżjoni tal-qorti tal-prim’istanza, huma l-avukat ġenerali (procureur du Roi/procureur des Konings), id-deputat avukat ġenerali għoli (premiers substituts/eerste substituten) u d-deputat avukat ġenerali (substituts/subsituten). Huma jaġixxu wkoll quddiem il-qorti jew il-qrati tal-pulizija (tribunal de police/politierechtbank) u l-qorti kummerċjali (tribunal de commerce/handelsrechtbank) taż-żona tal-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Quddiem it-tribunali tax-xogħol (tribunaux de travail/arbeidsrechtbanken) din il-funzjoni hija eżerċitata minn uffiċjal magħruf bħala l-awditur tax-xogħol (auditeur du travail/arbeidsauditeur), li bl-istess mod huwa assistit minn deputati u possibbilment minn deputati għolja. F’kawżi kriminali fl-isfera ta’ kompetenza tagħhom dawn l-uffiċjali jaġixxu wkoll quddiem il-qorti kriminali (tribunal correctionnel/correctionele rechtbank), li hija diviżjoni tal-qorti tal-prim’istanza, jew il-qorti jew qrati tal-pulizija.

F’kull qorti tal-appell (cour d’appel/hof van beroep) u qorti tax-xogħol (cour du travail/arbeidshof), dan ir-rwol hu tal-avukat ġenerali prinċipali (procureur-général/procureur-generaal), li jidderieġi u jissorvelja l-uffiċjali tal-liġi tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali prinċipali fil-qorti tal-appell (parquet général/parket-generaaal) u l-korp korrispondenti fil-qorti tax-xogħol (auditorat général/arbeidsauditoraat-generaal). F’qorti tal-appell l-avukat ġenerali prinċipali huwa assistit minn avukat ġenerali għoli (premier avocat-général/eerste advocaat-generaal), avukati ġenerali (avocats-généraux/advocaten-generaal), u deputat avukat ġenerali prinċipali (substituts généraux/substituten-generaal). F’qorti tax-xogħol l-avukat ġenerali prinċipali huwa bl-istess mod assistit minn avukat ġenerali għoli, avukati ġenerali, u deputat avukat ġenerali prinċipali.

Fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/Hof van cassatie) il-funzjoni tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali titwettaq mill-Avukat Ġenerali Prinċipali fil-Qorti tal-Kassazzjoni, assistit minn avukat ġenerali għoli u avukati ġenerali. Għalkemm tintuża l-istess terminoloġija, il-funzjoni tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali hawnhekk hija pjuttost differenti. Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma tiddeċidix fuq is-suġġett prinċipali tal-kawża, iżda tivverifika l-legalità u r-regolarità tal-proċedimenti.

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali huwa indipendenti fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’kawżi individwali, suġġett biss għad-dritt tal-ministru responsabbli li jordna li tinbeda prosekuzzjoni u li joħorġu linji gwida vinkolanti dwar il-politika kriminali, inklużi linji gwida dwar l-investigazzjoni u l-politika ta’ prosekuzzjoni.

Rwol u dmirijiet

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali jwettaq għadd ta’ kompiti u dmirijiet. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti f’kawżi u segwitu kemm f’kawżi kriminali kif ukoll f’kawżi ċivili.

  • Fi kwistjonijiet kriminali l-uffiċjali tal-liġi tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali jaġixxu fl-interess pubbliku, u jfittxu li jiżguraw it-tmexxija u r-riżoluzzjoni xierqa tal-proċedimenti kriminali. Huma jagħmlu dan kemm fil-proċedimenti ewlenin tal-qorti huma stess kif ukoll fil-proċedimenti ta’ qabel tal-inkjesta u l-investigazzjoni (li huma sorveljati minn waħda minn żewġ qrati: id-diviżjoni ta’ qabel il-proċess (chambre du conseil/raadkamer) jew id-diviżjoni tal-akkuża (chambre des mises en accusation/kamer van inbeschuldigingstelling)). Fis-seduta huma jitolbu lill-qorti biex tapplika d-dritt kriminali; huma jfittxu wkoll li jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni xierqa tas-sentenzi mogħtija. Quddiem l-assize court (cour d’assises/hof van assisen) ir-rwol tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali huwa eżerċitat mill-avukat ġenerali prinċipali fil-qorti tal-appell, li jista’, madankollu, jiddelega wkoll lil uffiċjal ieħor.
  • Fi kwistjonijiet ċivili l-uffiċċju tal-avukat ġenerali jintervjeni fuq l-inizjattiva tiegħu stess f’ċirkostanzi previsti mil-liġi u kull meta l-politika pubblika teħtieġ hekk. F’kawżi bħal dawn jissottometti parir, bil-miktub jew orali. Għandu jintalab il-parir tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali f’kawżi relatati ma’ kwistjonijiet speċifiċi elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 764 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire/Gerechtelijk Wetboek). Jista’ wkoll jitlob li jkun infurmat b’kawżi oħra, bil-ħsieb li jagħti parir, fejn jiġġudika li dan ikun xieraq, u qorti tista’ tressaq kawża għall-attenzjoni tiegħu ex ufficio (l-Artikolu 764 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, it-tieni paragrafu) .

Flimkien mal-kompiti ewlenin li għadhom kemm ġew deskritti, l-uffiċċju tal-avukat ġenerali jiżgura wkoll li d-deċiżjonijiet u l-linji gwida relatati mal-politika kriminali jiġu mmonitorjati u applikati kif suppost fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni tiegħu.

Jinħarġu linji gwida tal-politika kriminali mill-Ministru għall-Ġustizzja, wara konsultazzjoni ma’ kulleġġ li jikkonsisti mill-avukat ġenerali prinċipali fil-ħames qrati tal-appell (collège des procureurs généraux/college van procureurs-generaal).

Dan il-kulleġġ jaqa’ taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja u jieħu deċiżjonijiet bil-għan li, b’mod ġenerali, ikun hemm konsistenza massima fl-abbozzar u l-koordinazzjoni tal-politika u l-funzjonament xieraq tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali.

Il-ġuriżdizzjoni tal-kulleġġ testendi mal-pajjiż kollu u d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-avukat ġenerali prinċipali fil-qrati tal-appell u lill-membri kollha tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali taħt l-awtorità u d-direzzjoni tagħhom.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fis-sit web tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali.

Imħallfin

Organizzazzjoni

L-istat Belġjan huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, jiġifieri, is-separazzjoni tal-fergħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-gvern. Il-ġudikatura hija indipendenti.
Issir distinzjoni bejn “maġistrati sedenti” (la magistrature assise/de zittende magistratuur), li jiddeċiedu fil-kawżi li jiġu quddiemhom, u “maġistrati permanenti” (la magistrature debout/de staande magistratuur), l-uffiċjali tal-liġi li jservu fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali (ara hawn fuq).
Il-ġudikatura hija magħmula minn qrati u tribunali li jagħtu deċiżjonijiet dwar kawżi legali. Tirrieżamina wkoll il-legalità tal-atti tal-eżekuttiv.
Ġeneralment, l-imħallfin ġudikanti jissejħu «juges/rechters» fil-qrati inferjuri u «conseillers/raadsheren» fil-qrati tal-appell.
Ir-rwol tal-imħallfin ġudikanti huwa li japplikaw il-liġi għal sitwazzjoni jew tilwima mressqa quddiemhom fi kwistjoni ċivili, jew għal persuni li jkunu wettqu reat.
F’xi qrati inferjuri l-imħallfin professjonali jippresjedu s-seduta flimkien ma’ mħallfin onorarji. Hemm imħallfin onorarji fil-qrati li ġejjin:

  • Il-qorti kummerċjali: imħallfin professjonali u imħallfin onorarji (imsejħa juges consulaires/consulaire rechters).
  • It-tribunal tax-xogħol: imħallfin professjonali u mħallfin onorarji (imsejħa juges sociaux/sociale rechters).
  • Il-qorti għall-implimentazzjoni tas-sentenza (tribunal de l'application des peines/strafuitvoeringsrechtbank): imħallfin professjonali u mħallfin onorarji (assesseurs en application des peines/assessoren in strauitvoeringszaken).

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali jwettaq missjoni soċjali speċifika fil-ġudikatura li tinkludi kompiti ta’ natura ċivili fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol, taż-żgħażagħ u kummerċjali, minbarra konformità man-normi tad-dritt kriminali.

Ġestjoni u appoġġ

Kulleġġ tal-qrati u t-tribunali

Il-qrati u t-tribunali huma parti mill-ġudikatura. Fi stat demokratiku rregolat mill-istat tad-dritt, huma jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni jew il-prevenzjoni ta’ kunflitti b'mod indipendenti, imparzjali u professjonali, skont il-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlatura. Huma jikkonformaw mar-regoli legali u jużaw ir-riżorsi disponibbli biex jiżguraw l-ogħla standards ta’ kwalità.
Il-kulleġġ tal-qrati u t-tribunali (Collège des cours et tribunaux/College van de hoven en rechtbanken) jassisti lill-qrati u lit-tribunali fit-twettiq tal-kompitu ewlieni tagħhom billi:

  • jitlob ir-riżorsi meħtieġa b’mod trasparenti, professjonali u ġustifikat u jiżgura l-aħjar użu tagħhom;
  • jaġixxi bħala kelliem għall-ġestjoni tal-qrati u t-tribunali fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati esterni;
  • jassisti fil-ġestjoni tal-qrati u t-tribunali.

Kulleġġ tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali

Minbarra l-ħames avukati ġenerali prinċipali, il-kulleġġ tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali (Collège du ministère public/College van het openbaar ministerie) huwa magħmul mill-prosekutur federali (procureur fédéral/federale procureur), tliet konsulenti tal-avukat ġenerali (Conseil des procureurs du Roi/Raad van procureurs des Konings) u konsulent għall-awdituri tax-xogħol (Conseil des auditeurs du travail/Raad van arbeidsauditeurs). Flimkien, huma jikkunsidraw kwistjonijiet relatati mal-governanza tajba tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali.
Il-president tal-kulleġġ tal-avukat ġenerali prinċipali huwa wkoll il-president tal-kulleġġ tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali.
L-ewwel, il-kulleġġ tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali jgħin fil-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-politika kriminali kif stabbilit mill-kulleġġ tal-avukat ġenerali prinċipali. It-tieni, jirsisti għal komunikazzjoni tal-ogħla kwalità, ġestjoni tal-għarfien, komputerizzazzjoni, kejl tat-tagħbija ta’ xogħol, proċessi tax-xogħol, statistika u standards strateġiċi tal-immaniġġjar tar-riżorsi umani fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali. Fl-aħħar, jipprovdi appoġġ maniġerjali lill-korpi ġudizzjarji, jiġifieri, l-avukat ġenerali prinċipali, l-uffiċċju tal-avukat ġenerali prinċipali fil-qorti tax-xogħol (auditorats généraux du travail/arbeidsauditoraten), id-dipartiment tal-avukat ġenerali (parquets du procureur du Roi/parketten van de procureur des Konings), l-uffiċċju tal-avukat ġenerali fil-qorti tax-xogħol (auditorats du travail/arbeidsauditoraten), u l-uffiċċju tal-prosekutur federali (parquet fédéral/federaal parket).
Biex iwettaq dawn il-kompiti, il-kulleġġ tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali jieħu kwalunkwe miżura meħtieġa u jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet u direttivi vinkolanti.
Jiltaqa’ darba fil-ġimgħa. Jikkonsulta regolarment mal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Opinjoni

Kunsill Konsultattiv tal-Ġudikatura

Il-Kunsill Konsultattiv tal-Ġudikatura (Conseil consultatif de la magistrature/Adviesraad van de magistratuur) jirrappreżenta l-ġudikatura quddiem l-awtoritajiet fir-rigward tal-istatus, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-imħallfin.

Korpi awtonomi u federali tas-sistema ġudizzjarja

Kunsill Għoli tal-Ġustizzja
Reviżjoni u opinjoni

Il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja (Conseil supérieur de la Justice/Hoge Raad voor Justitie) għandu jgħin lis-sistema ġudizzjarja Belġjana taħdem b'mod aktar effettiv billi jkollu rwol ewlieni fl-għażla u l-ħatra tal-imħallfin, billi jwettaq stħarriġ estern ta’ kif tiffunzjona, b’mod partikolari permezz ta’ verifiki, inkjesti individwali, l-ipproċessar ta’ lmenti u l-ħruġ ta’ opinjonijiet.
Il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja huwa indipendenti mill-parlament, il-gvern u l-ġudikatura.

Istitut għat-Taħriġ Ġudizzjarju

Taħriġ

L-Istitut għat-Taħriġ Ġudizzjarju (Institut de formation judiciaire/Instituut voor Gerechtelijke Opleiding) huwa korp federali indipendenti responsabbli għall-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ żvilupp komprensiv u ta’ taħriġ għall-imħallfin u l-persunal tal-ġudikatura, u jikkontribwixxi għal standards għoljin ta’ kwalità.

Avukati

Rwol u dmirijiet

L-avukati (avocats/advocaten) huma professjonisti tal-liġi u tal-ġustizzja. Huma suġġetti għal regoli ta’ kondotta li jiggarantixxu l-indipendenza totali tagħhom. Huma marbuta wkoll bis-segretezza professjonali.

L-avukati huma mħarrġa biex jaġixxu f’diversi oqsma tal-liġi li spiss jikkoinċidu (il-liġi tal-kumpaniji, il-liġi amministrattiva, il-liġi dwar l-ippjanar urban, il-liġi fiskali, il-liġi tal-familja, eċċ.). Matul il-karriera tagħhom, l-avukati jistgħu jispeċjalizzaw f'qasam wieħed jew aktar fejn ikunu kisbu kompetenza speċifika.

L-avukati jistgħu jgħinuk mhux biss quddiem il-qrati iżda fi kwalunkwe sitwazzjoni fejn jista’ jkollok bżonn assistenza legali, rappreżentant, persuna li tabbozza jew saħansitra appoġġ morali.

Għalhekk, il-missjoni tagħhom hija maqsuma fi tlieta:

  • L-avukati jagħtu pariri
  • L-avukati jirrikonċiljaw
  • L-avukati jiddefendu.

Kwalunkwe avukat jista’ jagħmel sottomissjonijiet u jirrappreżenta lill-klijent tiegħu fi kwalunkwe qorti fil-pajjiż - il-qorti tal-pulizija, il-qorti tal-maġistrat ċivili (justice de paix/vredegerecht), il-qorti tal-prim’istanza, il-qorti kummerċjali, it-tribunal tax-xogħol, il-qorti tal-appell, il-qorti tax-xogħol, l-assize court, jew il-Kunsill tal-Istat (Conseil d'État/Raad van State) – kif ukoll f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

L-avukati jipprovdu wkoll assistenza fi proċeduri ta’ arbitraġġ jew medjazzjoni, b’soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, jew għal kwalunkwe laqgħa.

Huma ma jaġixxux biss f’każ ta’ tilwima. Permezz tal-pariri li jipprovdu, jew il-kuntratti li jabbozzaw jew jadattaw, ħafna drabi jevitaw il-ħtieġa li wieħed jirrikorri l-qorti.

Jistgħu jgħinu wkoll jekk ikollok bżonn tikri jew tixtri proprjetà immobbli, jekk trid twaqqaf kumpanija, jekk qed tissielet mad-dejn, jekk trid tikkonkludi kuntratt ma’ impjegatur ġdid, jekk kont vittma ta’ inċident jew attakk, jekk tissejjaħ il-qorti jew jekk qed tissepara mis-sieħeb tiegħek.

Avukati għal kulħadd:

Għal nies bi dħul baxx, il-liġi tipprovdi servizz ta’ għajnuna legali (aide juridique/juridische bijstand, li qabel kien magħruf bħala “pro deo”) u assistenza fl-ispejjeż tal-qorti (assistance judiciaire/rechtsbijstand):

Permezz tal-għajnuna legali, is-servizzi ta’ avukat isiru disponibbli kompletament jew parzjalment mingħajr ħlas. Din hija sistema b’żewġ livelli:

  • Għajnuna legali tal-ewwel linja (aide juridique de première ligne/eerstelijnsbijstand) hija disponibbli għal kulħadd, u mhijiex marbuta mad-dħul. L-avukati huma disponibbli fuq “standby” (permanence/permanentie) għal konsultazzjonijiet qosra: parir inizjali, talba għal informazzjoni, eċċ.
    Il-korpi responsabbli għall-għoti tal-għajnuna legali tal-ewwel linja huma magħrufa bħala “kummissjonijiet tal-għajnuna legali” (Commissions d’Aide Juridique/Commissies voor Juridische Bijstand).
  • Għajnuna legali tat-tieni linja (aide juridique de deuxième ligne/tweedelijnsbijstand) hija disponibbli għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet finanzjarji jew li jinsabu f’ċerti sitwazzjonijiet. Din l-għajnuna - li tingħata kompletament jew parzjalment mingħajr ħlas skont iċ-ċirkostanzi individwali - tfisser li jinħatar avukat biex jgħinek fi proċedimenti legali jew amministrattivi, biex jagħtik pariri aktar dettaljati, jew saħansitra bħala parti mill-medjazzjoni.
    Il-korpi responsabbli biex jipprovdu għajnuna legali tat-tieni linja huma magħrufa bħala “uffiċċji tal-għajnuna legali” (Bureaux d’Aide Juridique/Bureaus voor Juridische Bijstand).

Assistenza bl-ispejjeż tal-qorti tfisser li t-tariffi mġarrba matul il-proċedimenti - l-ispejjeż tar-reġistru (droit de greffe/griffierechten jew droits d’enregistrement/registratierechten), it-tariffi pagabbli lill-bailiffs (huissiers de justice/rechtsdeurwaarders), lin-nutara (notaires/notarissen) jew għar-rapporti tal-esperti - ma jiġux imposti, jew jiġu imposti biss parzjalment. Biex jiksbu għajnuna bl-ispejjeż tal-qorti, il-klijenti għandhom jikkuntattjaw lill-uffiċċju tal-għajnuna legali huma stess jew permezz tal-avukat tagħhom.

Awtoritajiet responsabbli

L-avukati kollha huma membri ta’ kamra tal-avukati (barreau/balie). Fil-preżent hemm 25 kamra tal-avukati fil-Belġju.

Kamra tal-Avukati li jitkellmu bil-Franċiż u l-Ġermaniż (Ordre des barreaux francophones et germanophone/Kammer der französischsprachigen und deutschsprachigen Rechtsanwaltschaften (AVOCATS.BE)) tiġbor flimkien il-kmamar tal-avukati tal-komunitajiet li jitkellmu bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fil-pajjiż (11-il kamra tal-avukati li jitkellmu bil-Franċiż u waħda ta’ dawk li jitkellmu bil-Ġermaniż).

Il-Kamra tal-Avukati Fjammingi (Orde van Vlaamse Balies (OVB)) tiġbor flimkien il-kmamar tal-avukati tal-komunità li titkellem l-Olandiż tal-pajjiż (13-il kamra tal-avukati).

Informazzjoni dwar il-professjoni ta’ avukat tista’ tinkiseb billi tikkonsulta s-siti web li ġejjin:

L-aċċess għal dawn il-bażijiet tad-data huwa mingħajr ħlas.

Nutara

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi, maħtura mir-Re, li r-rwol partikolari tagħhom huwa li jawtentikaw strumenti legali eżegwiti quddiemhom. Skont il-liġi, xi strumenti jeħtieġu l-involviment ta’ nutar biex jirreġistra ftehim milħuq bejn il-partijiet (“strumenti awtentiċi”, actes authentiques/authentieke akten). Għalhekk, pereżempju, l-involviment ta’ nutar huwa meħtieġ meta tinbiegħ proprjetà. Minbarra li jfassal atti awtentiċi, nutar jista’ jintalab ukoll biex jillikwida proprjetà, biex jagħmel abbozz ta’ ftehim privat, biex jagħti parir, eċċ.

L-isfera ta’ responsabbiltà tan-nutara tkopri tliet oqsma ewlenin:

  • Il-liġi dwar il-proprjetà (bejgħ ta’ proprjetà, self, eċċ.),
  • Il-liġi tal-familja (kuntratti ta’ żwieġ, wirt, divorzju, eċċ.) u
  • Il-liġi tan-negozju (reġistrazzjoni ta’ kumpaniji, eċċ.).

Hemm Kamra Nazzjonali tan-Nutara (Chambre nationale des notaires/Nationale Kamer van Notarissen). L-objettivi ewlenin tagħha huma:

  • li tirrappreżenta lin-nutara tal-Belġju fin-negozjati mal-awtoritajiet fl-ambitu tal-kompetenza tagħha,
  • li tistabbilixxi regoli ta’ kondotta professjonali,
  • li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-kmamar tan-nutara biex jgħinu fiż-żamma tad-dixxiplina professjonali.

Il-kmamar provinċjali huma l-korpi dixxiplinarji tal-professjoni: il-kompiti ewlenin tagħhom huma li jiżguraw li r-regoli ta’ kondotta professjonali jiġu osservati u li jsolvu tilwim professjonali (fost affarijiet oħra, huma jittrattaw ilmenti). Fir-rigward tal-ilmenti, ġie stabbilit ukoll servizz ta’ medjazzjoni nazzjonali għan-nutara (www.ombudsnotaire.be).

Hemm ukoll il-Federazzjoni Rjali tan-Nutara Belġjani (Fédération Royale du Notariat Belge (Fednot)/Koninklijke Federatie van het Belgisch Notariaat (Fednot)). Fednot hija assoċjazzjoni professjonali li tassisti lin-nutara billi tipprovdi opinjonijiet legali, pariri u rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ uffiċċji tan-nutara, soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika, taħriġ u komunikazzjoni mal-pubbliku. Hemm 1 150 uffiċċju tan-nutara fin-network Fednot, li jinkludi 1 550 nutar u 8 000 assoċjat.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fis-sit web tal-Federazzjoni Rjali tan-Nutara Belġjani.

Professjonijiet legali oħra

Bailiffs

Il-bailiffs huma uffiċjali legali pubbliċi li joperaw bħala prattikanti ta’ professjoni għal rashom. Fi kliem ieħor, għandhom identità professjonali doppja: minn naħa, huma uffiċjali pubbliċi; min-naħa l-oħra, jipprattikaw il-professjoni tagħhom b’mod indipendenti.

Huma uffiċjali legali pubbliċi minħabba li l-Istat iddelega lilhom sehem mill-awtorità uffiċjali. Għal dik ir-raġuni, ma jistgħux jirrifjutaw li jwieġbu għal talba biex jaġixxu, sakemm il-kodiċi ta’ kondotta professjonali tagħhom jew il-liġi ma jippermettux, pereżempju jekk ikun hemm kunflitt ta' interess jew jekk it-talba tkun illegali. Huma qatt ma jaġixxu fuq l-inizjattiva tagħhom stess, iżda dejjem fuq talba ta’ xi ħadd li jkun tahom struzzjonijiet formali. F’kull wieħed mill-kompiti li jwettqu għandhom jaderixxu ma’ diversi rekwiżiti legali. Huma jistgħu jitolbu ħlas għall-atti li jwettqu, biex ikopru parti mill-ispejjeż tagħhom jew l-ispejjeż kollha.

Bħala professjonisti li jaħdmu għal rashom, il-bailiffs jaġixxu b’mod indipendenti u imparzjali. L-esperjenza professjonali tagħhom hija disponibbli għal kulħadd. Ma jirċievu l-ebda salarju, kumpens jew emolument ieħor mill-awtoritajiet. Iridu jħallsu għal kollox huma stess.

Il-passi li jista’ jkollu jieħu bailiff jaqgħu f’żewġ kategoriji wesgħin: miżuri “barra mill-qorti” (interventions extrajudiciaires/buitengerechtelijke tussenkomsten, bħall-irkupru barra mill-qorti ta’ djun jew sejbiet uffiċjali ta’ fatti) u miżuri “tal-qorti” (interventions judiciaires/gerechtelijke tussenkomsten, jiġifieri n-notifika jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni). Meta l-bailiff ikun qed jieħu pass minn dawn, ta’ spiss ikollu d-dmir li jagħtik informazzjoni dwar kif tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, u li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar ir-rwol tal-bailiff, irrispettivament minn jekk tlabtx lill-bailiff biex jaġixxi, jew jekk il-pass meħud mill-bailiff huwiex indirizzat lilek.

F’kull distrett ġudizzjarju hemm assoċjazzjoni (chambre/kamer) tal-bailiffs kollha fid-distrett. Il-kompiti ewlenin tagħha huma li tiżgura li l-bailiffs fid-distrett josservaw ir-regoli tad-dixxiplina professjonali u l-liġijiet u r-regolamenti li jikkonċernawhom, u li ssolvi t-tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom.

Hemm ukoll Assoċjazzjoni Nazzjonali Belġjana tal-Bailiffs (Chambre nationale des huissiers de justice de Belgique/Nationale Kamer van Gerechtsdeurwaarders van België), li l-objettivi ewlenin tagħha huma:

  • li tiżgura l-uniformità tad-dixxiplina u r-regoli ta’ kondotta professjonali fost il-bailiffs,
  • li tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, u
  • li tirrappreżentahom.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fis-sit web tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali Belġjana tal-Bailiffs.

Oħrajn

L-imħallfin u l-uffiċjali tal-liġi tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali huma assistiti minn firxa ta’ professjonisti amministrattivi u legali, bħal: reġistraturi, segretarji legali, avukati, segretarji u persunal amministrattiv.

F’kull seduta l-imħallef huwa assistit minn reġistratur (greffier/griffier). Ir-reġistratur iwitti t-triq għax-xogħol tal-imħallef, pereżempju billi jħejji l-fajls meħtieġa għas-smigħ. Waqt is-smigħ ir-reġistratur jirrekordja l-proċedimenti u jiżgura li d-dokumenti kollha meħtieġa jitħejjew sewwa. Ir-reġistratur iwettaq u jikkoordina l-kompiti tar-reġistru tal-qorti (greffe/griffie). Kull qorti għandha reġistru, immexxi minn kap skrivan jew reġistratur (greffier en chef/hoofdgriffier). Hemm reġistratur wieħed jew aktar f’reġistru, skont id-daqs tal-qorti. Min-naħa tagħhom, ir-reġistraturi tal-qorti jistgħu jkunu assistiti minn persunal amministrattiv.

Is-segretarji legali (référendaires/referendarissen) huma avukati li jgħinu lill-imħallfin fit-tfassil tas-sentenzi tagħhom. Huma jgħinu fit-trattament tal-kawżi, fuq l-istruzzjonijiet u taħt ir-responsabbiltà ta’ imħallef wieħed jew aktar. Huma jistudjaw il-fajl, jeżaminaw il-mistoqsijiet legali mqajma, u jfasslu s-sentenzi.

L-uffiċjali tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali jistgħu wkoll jimpjegaw avukati biex iħejju l-aspetti legali tal-kawżi tagħhom. Dawn l-avukati huma magħrufa bħala juristes du parquet/parketjuristen. Huma jwettqu riċerka legali, jimmaniġġjaw investigazzjonijiet, jew iħejju l-aspetti legali ta’ taħrikiet u sottomissjonijiet, fuq l-istruzzjonijiet u taħt ir-responsabbiltà ta’ uffiċjal tal-liġi wieħed jew aktar tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali.

Kull uffiċċju tal-avukat ġenerali għandu segretarjat immexxi minn kap segretarju. Dawn is-segretarji jgħinu lill-uffiċjali tal-liġi fix-xogħol ta’ riċerka u dokumentazzjoni u fil-kumpilazzjoni ta’ fajls. Huma jżommu d-dokumenti u r-reġistri tal-uffiċċju aġġornati, iżommu r-rekords, eċċ. L-għadd ta’ segretarji jiddependi mid-daqs tal-uffiċċju. Is-segretarji jistgħu jkunu assistiti wkoll minn persunal amministrattiv.

Ir-reġistri tal-qorti u l-uffiċċji tal-avukati ġenerali jimpjegaw għadd kbir ta’ persunal amministrattiv. Il-persunal amministrattiv jiġġestixxi l-fajls dwar il-kawżi li qed jiġu ttrattati u d-data mdaħħla fil-bażijiet tad-data. Persunal amministrattiv ieħor jieħu ħsieb il-posta u l-iffajljar, u jirċievi viżitaturi fl-uffiċċju.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-professjonijiet tinsab f’dan id-dokument  PDF (378 Kb) fr.

Organizzazzjonijiet li jipprovdu konsulenza ġuridika mingħajr ħlas

Iċ-ċittadini kollha jistgħu jiksbu konsulenza ġuridika inizjali mingħajr ħlas, mogħti minn professjonisti tal-liġi. Dan huwa magħruf bħala għajnuna legali tal-ewwel linja (ara hawn fuq):

  • tagħrif prattiku,
  • informazzjoni legali,
  • opinjoni legali inizjali, jew
  • referenza lil organizzazzjoni speċjalizzata.

Hawnhekk il-kwistjoni ma tiġix solvuta immedjatament, iżda tingħata gwida inizjali. Aggregazzjonijiet ta’ avukati huma disponibbli fuq “standby” fil-qrati, fiċ-ċentri tal-liġi tal-komunità (maisons de justice/justitiehuizen), f’xi uffiċċji muniċipali (administrations communales/gemeentelijke diensten), fil-biċċa l-kbira taċ-ċentri pubbliċi tal-għajnuna soċjali (centres publiques d'action sociale/openbare centra voor maatschappelijk welzijn), u f’diversi assoċjazzjonijiet li jipprovdu servizz legali.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-fuljett online: Għajnuna legali: Aċċess aħjar għall-Ġustizzja.

Bażijiet tad-data legali

Informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja (Ministeru għall-Ġustizzja).

L-aħħar aġġornament: 10/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.