Tipi ta’ professjonijiet legali

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Persunal f’korpi ġudizzjarji

Il-persunal tal-korpi ġudizzjarji huma uffiċjali ġudizzjarji, impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari.

Imħallfin (suci; sing.sudac).

L-imħallfin huma uffiċjali ġudizzjarji f’karigi permanenti. Persuna li tkun ċittadin Kroat tista’ tiġi maħtura mħallef.

Persuna li tkun iggradwat minn Skola tal-Istat għal Uffiċjali Ġudizzjarji (Državna škola za pravosudne dužnosnike) jew li diġà tkun qed twettaq dmirijiet ġudizzjarji tista’ tinħatar imħallef ta’ qorti muniċipali (općinski sud), ta’ qorti kummerċjali (trgovački sud) jew ta’ qorti amministrattiva (upravni sud).

Persuna li ħadmet bħala uffiċjal ġudizzjarju għal mill-inqas 10 snin tista’ tinħatar imħallef ta’ qorti tal-Kontea (županijski sud).

Persuna li tkun ħadmet bħala uffiċjal ġudizzjarju għal mill-inqas 12-il sena tista’ tiġi maħtura mħallef tal-Qorti Għolja għal Reati Minuri tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske), tal-Qorti Kummerċjali Għolja tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki trgovački sud Republike Hrvatske) u tal-Qorti Amministrattiva Għolja tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki upravni sud Republike Hrvatske).

Sabiex tiġi maħtura mħallef tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja (Vrhovni sud Republike Hrvatskepersuna trid tkun ħadmet għal mill-inqas 15-il sena bħala uffiċjal ġudizzjarju, avukat, nutar jew professur tal-liġi f’università (fl-aħħar każ, l-esperjenza ta’ xogħol rilevanti hija dik ta’ wara l-eżami tal-avukati), jew tkun avukat magħruf li jkun għadda mill-eżami nazzjonali tal-avukati, ikollu mill-inqas 20 sena esperjenza ta’ xogħol u jkun wera l-kapaċità tiegħu permezz tax-xogħol tiegħu f’qasam partikolari tal-liġi u permezz tax-xogħlijiet professjonali u akkademiċi tiegħu.

L-Att dwar il-Qrati (Zakon o sudovima)
L-Att dwar il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat (Zakon o Državnom sudbenom vijeću)
L-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin u l-Uffiċjali Ġudizzjarji Oħra (Zakon o plaćama sudaca i drugih pravosudnih dužnosnika)

Persunal tal-qorti

L-għadd ta’ impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qasam ġudizzjarju meħtieġ għat-twettiq ta’ kompiti professjonali, klerikali u tekniċi jiġi deċiż mill-Ministru għall-Ġustizzja.

L-impjieg ta’ impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qrati, it-traineeships, il-proċedura, il-metodu u l-programm għall-eżami speċjalizzat tal-istat, ir-remunerazzjoni u drittijiet oħra marbuta max-xogħol, l-obbligi u r-responsabbiltajiet, u r-responsabbiltà għal imġiba ħażina professjonali huma rregolati mir-regolamenti dwar l-impjegati taċ-ċivil u l-persunal anċillari u r-regolamenti ġenerali dwar l-impjieg.

Il-postijiet vakanti tal-qorti jistgħu jimtlew biss bl-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Meta impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qasam ġudizzjarju jkunu reklutati ma’ qorti, irid jittieħed kont tar-rappreżentazzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali.

Ir-regolamenti dwar ir-rekwiżiti edukattivi għal impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qasam ġudizzjarju huma adottati mill-Ministru għall-Ġustizzja.

Konsulenti tal-qorti (sudski savjetnici; sing. sudski savjetnik), konsulenti tal-qorti anzjani (viši sudski savjetnici; sing. viši sudski savjetnik) u konsulenti tal-qorti anzjani speċjalizzati (viši sudski savjetnici - specijalisti; sing. viši sudski savjetnik - specijalist)

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi u li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati tista’ taħdem bħala konsulent tal-qorti.

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi, li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati u ħadmet għal mill-inqas sentejn bħala konsulent tal-qorti jew konsulent ta’ prosekutur pubbliku, jew bħala uffiċjal ġudizzjarju, avukat jew nutar, jew li tkun ħadmet għal mill-inqas ħames snin fuq affarijiet legali oħra wara li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati tista’ tinħatar f’kariga ta’ konsulent tal-qorti anzjan jew f’kariga ta’ konsulent tal-qorti fil-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi, li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati u ħadmet għal mill-inqas erba’ snin bħala konsulent tal-qorti jew konsulent ta’ prosekutur pubbliku, jew bħala uffiċjal ġudizzjarju, avukat jew nutar, jew li tkun ħadmet għal mill-inqas tmien snin fuq affarijiet legali oħra wara li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati tista’ tinħatar bħala konsulent tal-qorti anzjan speċjalizzat.

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi, li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati, ħadmet għal mill-inqas erba’ snin bħala konsulent tal-qorti jew konsulent ta’ prosekutur pubbliku, jew bħala uffiċjal ġudizzjarju, avukat jew nutar, jew li tkun ħadmet għal mill-inqas tmien snin fuq affarijiet legali oħra wara li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati tista’ tinħatar f’kariga ta’ konsulent tal-qorti anzjan fil-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi, li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati u ħadmet għal mill-inqas sitt snin bħala konsulent tal-qorti jew konsulent ta’ prosekutur pubbliku, jew bħala uffiċjal ġudizzjarju, avukat jew nutar, jew li tkun ħadmet għal mill-inqas għaxar snin fuq affarijiet legali oħra wara li tkun għaddiet mill-eżami nazzjonali tal-avukati tista’ tinħatar f’kariga ta’ konsulent tal-qorti anzjan speċjalizzat fil-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Setgħat tal-konsulenti tal-qorti u konsulenti tal-qorti anzjani

Il-konsulenti tal-qorti, il-konsulenti tal-qorti anzjani u l-konsulenti tal-qorti anzjani speċjalizzati jieħdu sehem fil-proċessi u huma awtorizzati jmexxu ċerti proċedimenti tal-qorti b’mod indipendenti, jivvalutaw l-evidenza u jistabbilixxu l-fatti. Wara li jkunu saru l-proċedimenti, huma jissottomettu abbozz lill-imħallef, li jifforma l-bażi għad-deċiżjoni tiegħu u jippubblikaw id-deċiżjoni adottata bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef.

Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Att dwar il-Qrati, il-konsulenti tal-qorti, il-konsulenti tal-qorti anzjani u l-konsulenti tal-qorti anzjani speċjalizzati huma awtorizzati jwettqu l-proċedimenti u jipproponu abbozzi ta’ deċiżjonijiet, kif ġej:

  1. fi proċedimenti ċivili f’tilwim rigward il-ħlas ta’ talba monetarja jew kumpens fejn l-ammont inkwistjoni ma jaqbiżx il-HRK 100,000.00 u f’tilwim kummerċjali fejn l-ammont inkwistjoni ma jaqbiżx il-HRK 500,000.00,
  2. f’tilwim industrijali li jirriżulta minn ftehimiet kollettivi,
  3. f’tilwim amministrattiv li jikkonċerna azzjoni legali relatata ma’ kwistjonijiet li dwarhom qed tiġi adottata deċiżjoni abbażi ta’ sentenza finali f’mudell ta’ tilwima, jew azzjoni legali kontra att jew omissjoni mwettqa minn korp regolat mid-dritt pubbliku, u f’tilwim amministrattiv fejn l-ammont inkwistjoni ma jaqbiżx il-HRK 100,000.00,
  4. fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni,
  5. fi proċedimenti ta’ suċċessjoni,
  6. fi proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet,
  7. fi proċedimenti dwar reati minuri,
  8. fi proċedimenti mhux kontenzjużi, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti rigward iċ-ċaħda tal-kapaċità operattiva, ix-xoljiment ta’ assoċjazzjoni ta’ sjieda konġunta, soluzzjoni ta’ konfini u proċedimenti skont l-Att dwar il-Familja (Obiteljski zakon),
  9. fi proċedimenti tar-reġistrazzjoni,
  10. fi proċedimenti ta’ insolvenza mqassra,
  11. fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti.

Il-konsulenti tal-qorti, il-konsulenti tal-qorti anzjani u l-konsulenti tal-qorti anzjani speċjalizzati huma awtorizzati jaġixxu u jieħdu deċiżjonijiet fi proċedimenti partikolari meta dan ikun previst minn leġiżlazzjoni speċifika.

Fi proċedimenti tat-tieni istanza u proċedimenti taħt rimedji legali straordinarji l-konsulenti tal-qorti, il-konsulenti tal-qorti anzjani u l-konsulenti tal-qorti anzjani speċjalizzati jirrapportaw dwar il-progress tal-kawża u jfasslu abbozz ta’ deċiżjoni.

Imħallfin apprendisti (sudački vježbenici; sing.sudački vježbenik)

Kull sena, il-Ministeru għall-Ġustizzja jiddeċiedi l-għadd ta’ postijiet ta’ apprendisti fil-qrati skont il-finanzjament disponibbli allokati fil-baġit nazzjonali.

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-reklutaġġ ta’ mħallfin apprendisti fil-qrati, il-mod li bih dan isir u t-tul tat-traineeships, u l-arranġamenti għalihom huma regolati b’liġi separata.

Soċji esperti (stručni suradnici; sing.stručni suradnik)

Il-qrati jistgħu wkoll ikollhom persunal li jkunu għamlu studji vokazzjonali rilevanti jew programm ta’ studju universitarju undergraduate jew graduate u li għandhom l-esperjenza ta’ xogħol meħtieġa fid-difettoloġija, is-soċjoloġija, l-edukazzjoni, l-ekonomija, il-kontabilità u l-finanzi jew f’qasam ieħor rilevanti.

Soċji esperti u assistenti esperti (stručni pomoćnici; sing.stručni pomoćnik) jassistu lill-imħallfin fix-xogħol f’kawżi li jeħtieġu għarfien espert.

Imħallfin onorarji (suci porotnici; sing.sudac porotnik)

L-imħallfin onorarji huma ċittadini Kroati li jieħdu sehem fi proċessi fi proċedimenti partikolari u li ma jwettqux il-funzjoni ta’ mħallef bħala l-okkupazzjoni regolari tagħhom. Pjuttost, bħala membri tal-kamra tal-qorti, huma ugwali għall-imħallfin meta jiġu biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li dwarhom trid tiġi adottata deċiżjoni fi proċedimenti kriminali.

Sabiex tiġi maħtura mħallef onorarju, persuna trid tkun ċittadin adult Kroat li jkun kapaċi jokkupa tali kariga.

L-imħallfin onorarji jinħatru għal mandat ta’ erba’ snin u jistgħu jinħatru mill-ġdid fi tmiem dak il-mandat.

L-imħallfin onorarji tal-qrati muniċipali u tal-kontea jinħatru mill-assemblea tal-kontea (županijska skupština) jew, fil-każ ta’ Zagreb, l-Assemblea tal-Belt ta’ Zagreb (Gradska skupština Grada Zagreba) wara l-preżentazzjoni tal-proposti mressqa mill-kunsill muniċipali jew tal-belt, it-trade unions, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-Kamra tal-Ekonomija.

Qabel ma jinħatru l-imħallfin onorarji, jeħtieġ li tinkiseb l-opinjoni tal-president tal-qorti kkonċernata dwar il-kandidati proposti.

Direttur tal-amministrazzjoni tal-qorti (ravnatelj sudske uprave)

Qorti li jkollha aktar minn 15-il imħallef ikollha direttur tal-amministrazzjoni tal-qorti.

Id-direttur tal-amministrazzjoni tal-qorti jassisti lill-president tal-qorti bil-kompiti tal-amministrazzjoni tal-qorti, b’mod partikolari billi:

  • iwettaq kompiti speċjalizzati relatati mal-ippjanar u l-immaniġġjar tar-riżorsi umani tal-qorti,
  • jorganizza x-xogħol tal-impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qasam ġudizzjarju u jissorvelja l-prestazzjoni tagħhom,
  • jimmonitorja u jippjana t-taħriġ tal-impjegati taċ-ċivil u persunal anċillari fil-qasam ġudizzjarju,
  • jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-binja tal-qorti, il-bini u t-tagħmir tax-xogħol, u l-investiment,
  • jorganizza u jikkoordina l-abbozzar tal-pjan annwali għall-akkwisti f’konformità mal-liġi u l-ħtiġijiet tal-qorti,
  • jorganizza proċeduri ta’ akkwist pubbliku,
  • jimmonitorja l-attivitajiet finanzjarji u operattivi tal-qorti u t-twettiq ta’ kompiti tekniċi klerikali u anċillari,
  • jieħu ħsieb u jimmonitorja l-użu tal-baġit tal-qorti u r-riżorsi proprji,
  • jieħu sehem fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-amministrazzjoni tal-qorti u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom,
  • jiżgura li l-istatistika dwar ix-xogħol tal-qorti tkun prodotta b’mod tajjeb u fil-ħin,
  • jikkoopera mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar ix-xiri ta’ tagħmir u l-forniment ta’ riżorsi għal attivitajiet speċifiċi tal-qorti,
  • iwettaq kompiti oħra li huma assenjati lilu mill-president tal-qorti.

Il-president tal-qorti huwa responsabbli għax-xogħol tad-direttur tal-amministrazzjoni tal-qorti.

Persuna li għandha lawrja universitarja fil-liġi jew lawrja universitarja integrata undergraduate/graduate fil-liġi jew lawrja universitarja jew lawrja vokazzjonali speċjalizzata fl-ekonomija u li għandha mill-inqas ħames snin esperjenza f’xogħol relatat tista’ tinħatar direttur tal-amministrazzjoni tal-qorti.

Kelliem għall-Qorti (glasnogovornik suda)

Qorti jkollha kelliem.
Il-kelliem tal-qorti huwa mħallef, konsulent tal-qorti jew persuna maħtura mill-president tal-qorti, fil-programm ta’ ħidma annwali.

Il-president ta’ qorti tal-kontea jista’ jaħtar imħallef wieħed minn dik il-qorti biex ikun kelliem għal dik il-qorti u għall-qrati muniċipali fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Jista’ jiġi maħtur ukoll deputat kelliem.

Il-kelliem għall-qorti jipprovdi informazzjoni dwar il-ħidma tal-qorti f’konformità mal-Att dwar il-Qrati, ir-Regoli tal-Qorti tal-Proċedura (Sudski poslovnik) u l-Att dwar il-Libertà ta’ Informazzjoni (Zakon o pravu na pristup informacijama).

Prosekuturi pubbliċi (državni odvjetnici; sing.državni odvjetnik)

Persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi biex tinħatar bħala viċi Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja (zamjenik Glavnog državnog odvjetnika Republike Hrvatske) tista’ tinħatar bħala Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja (Glavni državni odvjetnik Republike Hrvatske).

Il-prosekuturi pubbliċi tal-kontea (županijski državni odvjetnici) huma maħtura mill-gradi ta’ prosekuturi pubbliċi, viċi Kap prosekuturi pubbliċi, deputati f’uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku speċjalizzat u viċi prosekuturi pubbliċi tal-Kontea li jkunu wettqu d-dmirijiet ta’ viċi prosekutur pubbliku tal-kontea għal mill-inqas sentejn.

Il-prosekuturi pubbliċi tal-Kontea huma maħtura mill-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Državnoodvjetničko vijeće) għal mandat ta’ erba’ snin, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja u wara li l-Korp Kolleġġjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja (Kolegij Državnog odvjetništva Republike Hrvatske) ikun ħareġ opinjoni.

Il-prosekuturi pubbliċi muniċipali (općinski državni odvjetnici) huma maħtura mill-gradi ta’ prosekuturi pubbliċi u viċi prosekuturi pubbliċi.

Il-prosekuturi pubbliċi muniċipali huma maħtura mill-Kunsill għal mandat ta’ erba’ snin, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja u wara li l-korp kolleġġjali tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-kontea u l-prosekutur pubbliku tal-kontea jkunu ħarġu opinjoni.

Viċi prosekuturi pubbliċi (zamjenici državnog odvjetnika)

Il-viċi prosekuturi pubbliċi jinħatru b’mod, taħt il-kundizzjonijiet u permezz ta’ proċedura mfassla biex tiżgura l-għarfien espert, l-indipendenza u l-valur tagħhom biex iwettqu d-dmirijiet ta’ prosekutur pubbliku.

Ċittadin Kroat li jkun għadda mill-eżami nazzjonali tal-avukati u li jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Att dwar il-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Zakon o državnoodvjetničkom vijeću) jista’ jinħatar viċi prosekutur pubbliku.

Persuna li tkun iggradwat mill-Iskola tal-Istat għal Uffiċjali Ġudizzjarji tista’ tinħatar viċi prosekutur muniċipali.

Persuna li ilha f’pożizzjoni ġudizzjarja għal mill-inqas 10 snin tista’ tinħatar viċi prosekutur tal-kontea.

Sabiex tinħatar viċi Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja, persuna trid tkun okkupat kariga ġudizzjarja f’korp ġudizzjarju għal mill-inqas 15-il sena jew tkun ħadmet matul dak il-perjodu bħala avukat, nutar jew professur tal-liġi f’università li jkun għadda mill-eżami nazzjonali tal-avukati (fl-aħħar każ, l-esperjenza tax-xogħol rilevanti hija dik ta’ wara l-eżami tal-avukati), jew tkun avukat magħruf li jkun għadda mill-eżami nazzjonali tal-avukati, ikollu mill-inqas 20 sena esperjenza ta’ xogħol u jkun wera l-kapaċità tiegħu permezz tax-xogħol tiegħu f’qasam partikolari tal-liġi u permezz tax-xogħlijiet professjonali u akkademiċi tiegħu.

Sabiex tinħatar fil-kariga ta’ viċi prosekutur pubbliku f’uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku ogħla, kif ukoll biex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att, fl-aktar valutazzjoni reċenti tagħha l-persuna kkonċernata trid tkun ġiet ikkunsidrata li mill-inqas qed »twettaq id-dmirijiet tagħha b’suċċess«.

Viċi prosekutur pubbliku wieħed jew aktar huma maħtura fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u jwettqu dmirijiethom fuq bażi permanenti.

Il-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi jridu iġibu ruħhom b’tali mod li jevitaw li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom stess, li jiskreditaw l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew li joħolqu xi dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jew l-awtonomija u l-indipendenza tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

Meta l-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi jwettqu dmirijiet ta’ rappreżentanza, u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ korpi statali u entitajiet legali, huma obbligati jirrispettaw il-prinċipji ta’ legalità, professjonaliżmu u imparzjalità, filwaqt li jżommu mat-termini għal proċedimenti partikolari u jsegwu r-regoli dwar il-prijorità fit-trattament tal-kawżi.

Meta l-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi jidhru fi proċedimenti quddiem qorti jew korp amministrattiv, huma jridu jirrispettaw u jippreżervaw id-dinjità tal-qorti jew il-korp ikkonċernat, id-dinjità personali tagħhom stess u d-dinjità tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

Il-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi jridu jżommu privati kwalunkwe data u għarfien ieħor li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja privata u tal-familja tal-partijiet u persuni oħra li huma jiksbu waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom u li mhumiex ikklassifikati fil-leġiżlazzjoni bħala sigrieti uffiċjali, jekk dan ma jikkostitwixxix reat kriminali, u għandhom iżommu sigrieta d-data kollha li ma tinsabx fid-dominju pubbliku.

Il-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi ma jridux jappartjenu għal xi partit politiku jew ikunu involuti fil-politika.

Il-Kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja, il-viċi kap prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja, il-prosekuturi pubbliċi u l-viċi prosekuturi pubbliċi ma jistgħux jinżammu responsabbli għal kwalunkwe opinjoni legali espressa f’każ li jkun ġie assenjat lilhom, sakemm ma tkunx inkisret il-liġi u twettaq reat kriminali.

Konsulenti ta’ prosekutur pubbliku (Državnoodvjetnički savjetnici)

Il-konsulenti ta’ prosekutur pubbliku, il-konsulenti superjuri ta’ prosekutur pubbliku (viši državnoodvjetnički savjetnici) u l-konsulenti superjuri speċjalizzati ta’ prosekutur pubbliku (viši državnoodvjetnički savjetnici – specijalisti) jassistu lill-prosekutur pubbliku u lill-viċi tiegħu fil-ħidma tagħhom, ifasslu abbozzi ta’ deċiżjonijiet, jirreġistraw rapporti, sottomissjonijiet u dikjarazzjonijiet minn individwi, iwettqu kompiti speċjalizzati oħra stabbiliti mil-liġi u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni, b’mod indipendenti jew taħt superviżjoni, u f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-prosekutur pubbliku u tal-viċi tiegħu.

Fid-dipartimenti tal-kriminalità tal-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku huma jistgħu jippreżentaw akkużi fi proċedimenti għal reati kriminali li huma punibbli b’multa jew bi priġunerija sa ħames snin.

Fid-dipartimenti ċivili u amministrattivi tal-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku huma jistgħu jidhru quddiem il-qrati u l-korpi amministrattivi u korpi oħra abbażi ta’ prokura speċifika maħruġa mill-prosekutur pubbliku kompetenti, kif ġej:

  • fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku muniċipali, f’tilwim fejn is-somma involuta ma taqbiżx il-HRK 100 000.00,
  • fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku tal-kontea, f’tilwim fejn is-somma involuta ma taqbiżx il-HRK 500 000.00.

Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta) – USKOK

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata huwa uffiċċju tal-prosekutur pubbliku speċjali, li jkopri l-Kroazja kollha, li jittratta reati relatati mal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata
Gajeva 30a
10 000 Zagreb

tel.: +385 4591 874
fax: + 385 1 4591 878

email: tajnistvo@uskok.dorh.hr
L-Att dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (Zakon o Uredu za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta)

Direttur tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (USKOK)

Il-ħidma tal-USKOK hija mmexxija mid-Direttur, li jinħatar mill-Kap prosekutur pubbliku wara li l-ministru responsabbli għall-ġustizzja u l-Korp Kolleġġjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Kroazja jkunu ħarġu opinjoni kull wieħed. Id-Direttur jinħatar għal mandat ta’ erba’ snin u jista’ jerġa’ jinħatar għal din il-kariga.

Professjoni legali - servizz awtonomu u indipendenti

Il-professjoni legali hija servizz indipendenti u awtonomu li jipprovdi għajnuna legali lil persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet u l-interessi legali tagħhom.

Avukati (odvjetnici; sing.odvjetnik)

L-avukati jistgħu joffru kull tip ta’ għajnuna legali.

B’mod partikolari, jistgħu jipprovdu konsulenza legali, abbozzi ta’ dokumenti (kuntratti, testmenti, dikjarazzjonijiet, eċċ.) u jfasslu azzjonijiet, ilmenti, mozzjonijiet, talbiet, applikazzjonijiet, rimedji legali straordinarji u sottomissjonijiet oħra, u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom.

Huma jistgħu jwettqu l-prattika legali tagħhom b’mod awtonomu jew f’uffiċċju konġunt jew f’ditta legali, u jridu joqogħdu lura milli jwettqu attivitajiet li huma inkompatibbli mar-reputazzjoni u l-indipendenza ta’ avukat.

L-avukati għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-klijenti tagħhom u l-għarfien kollu li jiksbu b’mod ieħor billi jirrappreżentawhom. Din il-kunfidenzjalità trid tiġi ppreservata wkoll mill-persuni l-oħra kollha li jaħdmu, jew ħadmu, fid-ditta legali.

Avukat huwa intitolat għal tariffa għas-servizzi legali u għar-rimborż ta’ kwalunkwe spiża mġarrba b’rabta max-xogħol, skont it-tariffa stabbilita mill-Kamra tal-Avukati Kroata (Hrvatska odvjetnička komora) u approvata mill-Ministru għall-Ġustizzja.

Meta avukat jipprovdi difiża ex officio, il-livell tat-tariffa għal xogħol bħal dan huwa stabbilit mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Avukat biss jista’ jirrappreżenta intimat quddiem qorti tal-kontea (županijski sud), li jfisser li avukat biss b’mill-inqas tmien snin esperjenza bħala avukat jew uffiċjal f’korp ġudizzjarju jista’ jipprovdi difiża ex officio jew difiża li hija mħallsa mill-istat fi proċedimenti kriminali għal reat kriminali li huwa punibbli b’sentenza ta’ ħabs fit-tul.

L-avukati jridu joħorġu fattura lill-klijenti tagħhom malli jagħtu servizz. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew revoka tal-prokura, l-avukat joħroġ fattura fi żmien 30 jum mill-ġurnata li fiha l-prokura ġiet ikkanċellata jew revokata.

L-avukati jridu jingħaqdu mal-Kamra tal-Avukati Kroata, li hija organizzazzjoni awtonoma u indipendenti b’karatteristiċi ta’ persuna ġuridika. Il-Kamra tal-Avukati Kroata tirrappreżenta l-professjoni legali tar-Repubblika tal-Kroazja kollha kemm hi.

Persuna takkwista d-dritt li taħdem bħala avukat fir-Repubblika tal-Kroazja billi titniżżel fil-lista tal-avukati.

Il-Kamra tal-Avukati Kroata
Koturaška 53/II
10 000 Zagreb

tel.: +385 1 6165 200
fax: +385 1 6170 686

hok-cba@hok-cba.hr
http://www.hok-cba.hr/
L-Att dwar il-Professjoni Legali

Servizz notarili

Nutara (javni bilježnici; sing. javni bilježnik)

In-nutara huma persuni b’fiduċja pubblika, maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja wara kompetizzjoni mmexxija mill-Kamra tan-Nutara Kroata (Hrvatska javnobilježnička komora).

Huma avukati kwalifikati li għaddew mill-eżami nazzjonali tal-avukati u mill-eżami tal-istat għall-professjoni notarili, għandhom l-esperjenza meħtieġa u huma fornituri awtonomi u indipendenti ta’ servizz pubbliku u esperti imparzjali kkummissjonati mill-klijenti.

Huma awtorizzati:

  • jabbozzaw u joħorġu atti notarili, li huma dokumenti pubbliċi dwar tranżazzjonijiet legali u dikjarazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-drittijiet tal-partijiet,
  • jabbozzaw u joħorġu rekords notarili dwar l-azzjonijiet legali li wettqu jew li fihom kienu preżenti,
  • jabbozzaw u joħorġu ċertifikati notarili dwar fatti li huma raw,
  • jaċċettaw dokumenti, flus, titoli u oġġetti ta’ valur biex jinżammu sikuri, bil-ħsieb li jingħataw lil persuni oħra jew korpi kompetenti (depożitu notarili),
  • jivvalidaw (jivverifikaw) dokumenti privati,
  • iwettqu azzjonijiet u jadottaw deċiżjonijiet bħala fiduċjarji maħtura mill-qorti fi proċedimenti ta’ suċċessjoni,
  • iwettqu proċedimenti ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ strument awtentiku,
  • jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati u korpi pubbliċi oħra, iżda biss jekk il-kwistjonijiet ikkonċernati huma relatati direttament ma’ wieħed mid-dokumenti tagħhom.

Il-fatt li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu l-ġuriżdizzjoni tal-qorti fi proċedimenti ta’ suċċessjoni jfisser li ma jistgħux jagħżlu nutar bħala fiduċjarju maħtur mill-qorti.

Kull meta nutar jirrappreżenta parti quddiem qorti jew korp pubbliku ieħor, huwa għandu d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ avukat.

In-nutara ma jridux jirrifjutaw li jwettqu dmirijiet uffiċjali sakemm ma jkollhomx raġuni valida, u għandhom iżommu sigriet l-għarfien li jiksbu permezz tat-twettiq ta’ xogħolhom.

In-nutara huma intitolati għal tariffi notarili u għar-rimborż ta’ spejjeż għat-twettiq ta’ atti uffiċjali fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom, f’konformità mar-Regoli dwar it-tariffa temporanja tan-nutara (Pravilnik o privremenoj javnobilježničkoj tarifi), ir-Regoli dwar ir-remunerazzjoni u r-rimborz tal-ispejjeż ta’ nutara li jaġixxu bħala fiduċjarji maħtura mill-qorti fi proċedimenti ta’ suċċessjoni (Pravilnik o visini nagrade i naknade troškova javnog bilježnika kao povjerenika suda u ostavinskom postupku) u r-Regoli dwar ir-remunerazzjoni u r-rimborz tal-ispejjeż tan-nutara fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o nagradama i naknadi troškova javnih bilježnika u ovršnom postupku).

Fir-Repubblika tal-Kroazja n-nutara jridu jingħaqdu mal-Kamra tan-Nutara Kroata.

Ix-xogħol tan-nutara huwa sorveljat mill-Kamra tan-Nutara Kroata u l-Ministeru għall-Ġustizzja, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

Ix-xogħol ta’ nutar bħala fiduċjarju maħtur mill-qorti fi proċedimenti ta’ suċċessjoni huwa sorveljat mill-qorti li tkun ħatritu.

Il-Kamra tan-Nutara Kroata
Koturaška 34/II
10 000 Zagreb

tel.: +385 1 4556 566
fax: +385 1 4551 544

email: hjk@hjk.hr
http://www.hjk.hr/Uredi
L-Att dwar in-Nutara (Zakon o javnom bilježništvu)
L-Att dwar it-Tariffi tan-Nutara (Zakon o javnobilježničkim pristojbama)

Akkademja Ġudizzjarja

L-Akkademja Ġudizzjarja hija istituzzjoni pubblika indipendenti li tipprovdi edukazzjoni inizjali u taħriġ lill-kandidati dwar kif iwettqu d-dmirijiet ġudizzjarji b’mod awtonomu, responsabbli u indipendenti; l-edukazzjoni vokazzjonali għall-apprendisti, konsulenti f’korpi ġudizzjarji u persunal ġudizzjarju ieħor; u t-titjib tal-ħiliet għall-uffiċjali ġudizzjarji. L-Akkademja hija mmexxija minn Direttur u ġestita minn Kunsill ta’ Tmexxija magħmul minn disa’ membri. L-għalliema tal-Akkademja huma nies ikkwalifikati meħuda mill-gradi ta’ mħallfin, prosekuturi pubbliċi u viċi prosekuturi pubbliċi, lecturers ta’ edukazzjoni għolja, u fejn meħtieġ professjonijiet oħra wkoll.

L-Akkademja tippromwovi b’mod attiv il-kooperazzjoni internazzjonali u tieħu sehem fi proġetti tal-Unjoni Ewropea bħala benefiċjarju jew parteċipant. Dawn il-proġetti huma mfassla biex isaħħu l-Akkademja bħala istituzzjoni u biex jiżguraw l-iżvilupp professjonali tal-gruppi fil-mira tagħha.

L-Att dwar l-Akkademja Ġudizzjarja (Zakon o Pravosudnoj akademiji)

Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali (Državno sudbeno vijeće)

Il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali huwa korp awtonomu u indipendenti li jiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Repubblika tal-Kroazja. Huwa jiddeċiedi b’mod awtonomu, f’konformità mal-Kostituzzjoni u l-liġi, il-ħatra, il-promozzjoni, it-trasferiment, it-tkeċċija u r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallfin u presidenti tal-qrati, ħlief il-President tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja. Il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali għandu 11-il membru, li minnhom sebgħa huma mħallfin, tnejn huma professuri tal-liġi f’università u tnejn huma membri Parlamentari, li wieħed minnhom għandu jkun mill-oppożizzjoni.

Zakon o državnom sudbenom vijeću)" target="_blank">State Judicial Council Act (Zakon o državnom sudbenom vijeću)

Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi (Državnoodvjetničko vijeće)

Il-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi huwa korp awtonomu u indipendenti li jiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tal-prosekuturi pubbliċi fir-Repubblika tal-Kroazja.

Huwa responsabbli għall-ħatra u t-tkeċċija ta’ viċi prosekuturi pubbliċi u prosekuturi pubbliċi tal-kontea u muniċipali, it-tmexxija ta’ proċedimenti u deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà dixxiplinarja ta’ viċi prosekuturi pubbliċi, it-trasferiment ta’ viċi prosekuturi pubbliċi, l-immaniġġjar u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi ta’ prosekuturi pubbliċi u viċi prosekuturi pubbliċi u t-twettiq ta’ kompiti oħra f’konformità mal-liġi.

Għandu 11-il membru, li minnhom sebgħa huma viċi prosekuturi pubbliċi, tnejn huma professuri tal-liġi f’università u tnejn huma membri Parlamentari, li wieħed minnhom għandu jkun mill-oppożizzjoni.

Il-membri tal-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi huma eletti għal perjodu ta’ erba’ snin, u l-ebda persuna ma tista’ taqdi żewġ mandati suċċessivi.

L-Att dwar il-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi (Zakon o Državnoodvjetničkom vijeću)

Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni sud Republike Hrvatske)

Il-ħolqien, l-organizzazzjoni u l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali huma stabbiliti fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustava Republike Hrvatske) u l-Att Kostituzzjonali dwar il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni zakon o Ustavnom sudu Republike Hrvatske). 
Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja tinkludi 13-il imħallef, li huma eletti mill-Parlament Kroat, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-għadd totali ta’ membri parlamentari, minn fost esperti legali eminenti, speċjalment imħallfin, prosekuturi pubbliċi, avukati u professuri tal-liġi f’università, bil-mod u bil-proċedura stabbilita fl-Att Kostituzzjonali. Il-mandat ta’ mħallef tal-Qorti Kostituzzjonali jdum tmien snin u jiġi estiż sa sitt xhur f’każijiet eċċezzjonali jekk dan jiskadi qabel ma jkun inħatar imħallef ġdid jew qabel ma dan tal-aħħar ikun beda jaqdi dmirijietu. Il-proċedura ta’ tiftix ta’ applikazzjonijiet minn imħallfin prospettivi tal-Qorti Kostituzzjonali u l-proponiment ta’ kandidati għall-elezzjoni mill-Parlament Kroat titmexxa mill-kumitat parlamentari responsabbli għal kwistjonijiet kostituzzjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja teleġġi president tal-Qorti għal mandat ta’ erba’ snin. 
L-Att Kostituzzjonali dwar il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-elezzjoni ta’ mħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali u t-tmiem tal-mandat tagħhom, il-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ żmien biex jinbdew proċedimenti biex tiġi rieżaminata l-kompatibilità ta’ liġi mal-Kostituzzjoni u l-kompatibilità ta’ regolamenti oħra mal-Kostituzzjoni u l-liġi, il-proċedura u l-effetti legali tad-deċiżjonijiet tagħha, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali garantiti mill-Kostituzzjoni, u kwistjonijiet oħra ta’ importanza għat-twettiq tad-dmirijiet u l-ħidma tal-Qorti Kostituzzjonali. 
Il-Qorti Kostituzzjonali tiżgura li l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja tiġi rispettata u applikata, u tibbaża l-azzjoni tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u l-Att Kostituzzjonali dwar il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja. 
Il-Qorti Kostituzzjonali hija indipendenti mill-awtoritajiet statali kollha u tiddeċiedi b’mod awtonomu kif tuża l-finanzjament allokat lilha fil-baġit nazzjonali, f’konformità mal-baġit annwali tagħha u l-liġi, sabiex tiżgura l-funzjonament tagħha. L-organizzazzjoni interna tal-Qorti Kostituzzjonali hija rregolata mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja. Il-ħidma tal-Qorti Kostituzzjonali hija pubblika, u l-imħallfin tagħha jgawdu l-immunità, bħal membri tal-Parlament Kroat.

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja
Trg Svetoga Marka 4
10000 Zagreb

tel.: +385 1 640 02 50
Fax: +385 1 455 10 55

email: Ustavni_sud@usud.hr
https://www.usud.hr/

L-aħħar aġġornament: 11/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.