Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Grieg ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Professjonijiet legali – Introduzzjoni

Professjoni ta’ avukat – Introduzzjoni

Il-professjoni ta’ avukat fir-Repubblika ta’ Ċipru (Κυπριακή Δημοκρατία) hija rregolata mid-diversi dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar l-Avukati (Ο περί Δικηγόρων Νόμος) kif tiġi emendata minn żmien għal żmien.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Avukati, kwalunkwe persuna li tixtieq tipprattika bħala avukat:

  • irid ikollha lawrja jew diploma fil-liġi rikonoxxuta mill-Kunsill Legali (Νομικό Συμβούλιο);
  • trid tkun temmet perjodu ta’ taħriġ ta’ sena ma’ ditta ta’ avukati fejn mill-inqas avukat wieħed ilu jipprattika għal mill-inqas ħames snin fiż-żmien materjali;
  • trid tkun għaddiet mill-eżamijiet li saru minn jew taħt is-superviżjoni tal-Kunsill Legali.

Professjonijiet relatati oħrajn

F’Ċipru, m’hemm l-ebda professjoni relatata, bħal, ngħidu aħna, il-professjoni ta’ nutar publiku. Dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ atti legali huwa materjal legali u huma biss il-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru (Παγκύπριος Δικηγορικός Σύλλογος) li jitħallew jipprattikaw taħt il-liġijiet rilevanti. L-avukati rtirati jistgħu jkomplu jaħdmu bħala konsulenti legali interni kemm f’ditti tal-avukati eżistenti kif ukoll f’organizzazzjonijiet oħrajn.

Professjoni li jista’ jingħad li hija professjoni relatata hija dik tal-paralegali (δικηγορικοί υπάλληλοι), li fir-rigward tagħha hemm leġiżlazzjoni separata. Il-persuni li jixtiequ jsiru paralegali jridu jkunu temmew edukazzjoni fuq il-livell sekondarju, iridu jkunu ħadmu għal mill-inqas sitt xhur konsekuttivi f’ditta tal-avukati, irid ikollhom karattru impekkabbli u jridu jippreżentaw applikazzjoni quddiem ir-Reġistratur tal-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha tinsab id-ditta tal-avukati fejn jaħdem il-kandidat.

Il-prosekuturi (Δημόσιοι Κατήγοροι)

Organizzazzjoni

Ġenerali

Minbarra l-kapaċità tiegħu bħala konsulent legali għall-Istat, l-Avukat Ġenerali (Γενικός Εισαγγελέας) tar-Repubblika jmexxi anki l-Uffiċċju Legali (Νομική Υπηρεσία) u jagħmillha ta’ Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (Υπευθύνου της Υπηρεσίας Διαχείρισης Ποινικών Υποθέσεων).

Fl-Uffiċċju Legali, li huwa mmexxi mill-Avukat Ġenerali, jaħdmu avukati, li wħud minnhom ikunu speċjalizzati fil-liġi kriminali u jieħdu ħsieb il-kawżi li jinstemgħu quddiem il-Qrati tal-Assiżi. Fil-każijiet kollha, l-Avukat Ġenerali jiġu informat u joħroġ il-linji gwida rilevanti.

Minbarra l-membri tal-Uffiċċju Legali, il-membri tal-Forza tal-Pulizija ta’ Ċipru (Αστυνομική Δύναμη Κύπρου) li jkollhom lawrja fil-liġi u l-kwalifiki biex jipprattikaw bħala avukati jagħmluha wkoll ta’ prosekuturi pubbliċi. Għalkemm ikunu uffiċjali tal-pulizija, waqt li jkunu qed jagħmluha ta’ prosekuturi pubbliċi dawn il-persuni jirrapportaw u jagħtu rendikont ta’ għemilhom lill-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali għandu l-istess poteri b’relazzjoni għax-xogħol imwettaq minn dawn il-persuni kif għandu għax-xogħol imwettaq mill-uffiċjali tal-Uffiċċju Legali.

F’każijiet eċċezzjonali, l-Avukat Ġenerali għandu l-awtorità biex jagħtu struzzjonijiet lil avukati prattikanti eminenti ħalli jieħdu ħsieb kawżi speċifiċi.

Rwol u dmirijiet tal-prosekuturi pubbliċi

Is-servizz tal-prosekuzzjoni (Κατηγορούσα Αρχή) quddiem il-qrati kriminali distrettwali huwa dirett mill-avukati li jaħdmu fid-dipartimenti tal-prosekuzzjoni tal-pulizija, għalkemm dan naturalment ma jipprekludix il-possibbiltà f’każijiet speċifiċi li membru tal-Uffiċċju Legali jingħata struzzjonijiet biex iwettaq dan ix-xogħol. Is-servizz tal-prosekuzzjoni ta’ quddiem il-Qrati tal-Assiżi huwa dirett mill-avukati fl-Uffiċċju Legali. Irrispettivament minn min jidderieġi l-awtorità ta’ prosekuzzjoni, huma lkoll jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Avukat Ġenerali, li jista’ jintervjeni fi kwalunkwe mument u okkażjonalment jista’ jwaqqaf il-proċeduri kriminali.

L-Uffiċċju Legali huwa mmexxi mill-Avukat Ġenerali, assistit mid-Deputat Avukat Ġenerali (Βοηθός Γενικός Εισαγγελέας), segwit mill-Avukati tar-Repubblika (Εισαγγελείς της Δημοκρατίας), mill-Prosekuturi Anzjani tar-Repubblika (Ανώτεροι Δικηγόροι της Δημοκρατίας) u mill-Prosekuturi tar-Repubblika (Δικηγόροι της Δημοκρατίας). Wieħed mill-Avukati tar-Repubblika jmexxi s-Sezzjoni tal-Liġi Kriminali (Τμήμα Ποινικού Δικαίου), u anki dan jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Avukat Ġenerali.

Is-smigħ jieħu l-forma ta’ argument orali. Is-servizz tal-prosekuzzjoni jippreżenta l-evidenza tiegħu u x-xhieda li jissejħu mis-servizz tal-prosekuzzjoni jiġu eżaminati, kontroeżaminati u eżaminati mill-ġdid. Ladarba s-servizz tal-prosekuzzjoni jsejjaħ lix-xhieda kollha, il-qorti tkun meħtieġa tiddeċiedi jekk is-servizz tal-prosekuzzjoni għandux każ prima facie. Jekk iva, mela l-akkużat jintalab jiddikjara jekk hux ħati jew mhux ħati u l-qorti tinformah li jista’ jsejjaħ ix-xhieda tiegħu u jixhed taħt ġurament, f’liema każ kemm ix-xhieda tal-akkużat kif ukoll l-akkużat jiġu kontroeżaminati mis-servizz tal-prosekuzzjoni. Inkella, huwa jista’ jagħmel dikjarazzjoni mhux ġuramentata mill-iżbarra, f’liema każ ma jkunx hemm kontroeżami.

Il-qorti tagħti s-sentenza fl-aħħar tas-smigħ. F’każ li l-akkużat ma jinstabx ħati, l-akkużat jiġi ddikjarat li mhux ħati u jinħeles. Fil-każ li jinstab ħati, id-difiża tingħata l-opportunità li titlob sentenza ridotta u, ladarba l-proċeduri jintemmu, il-qorti tagħti sentenza xierqa.

L-imħallfin

Organizzzzjoni

L-istruttura tal-qrati f’Ċipru hija ferm sempliċi.

Qorti Suprema (Ανώτατο Δικαστήριο)

Il-Qorti Suprema nħolqot fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1964 (O περί Απονομής της Δικαιοσύνης (Ποικίλαι Διατάξεις) Νόμος του 1964) [Liġi 33/1964] wara li l-Presidenti kemm tal-Qorti Suprema kif ukoll tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema (Ανώτατο Συνταγματικό Δικαστήριο) kienu rreżenjaw, biex b’hekk bażikament xoljew iż-żewġt iqrati inkwistjoni, peress li r-rappreżentanti tal-Komunità Torka fid-diversi entitajiet tal-Istat naqsu milli jattendu u jagħtu l-kunsens tagħhom għad-deċiżjonijiet meħtieġa.

Il-membri tal-Qorti Suprema jinħatru mill-President tar-Repubblika ta’ Ċipru. Bħalissa hemm 13-il membru, b’wieħed minnhom jinħatar bħala President. Bħala membri tal-Qorti Suprema jistgħu jinħatru persuni b’karattru impekkabbli u b’mill-inqas 12-il sena ta’ servizz eċċellenti bħala membri tal-professjoni legali.

Qrati tal-Assiżi (Κακουργιοδικεία)

Il-Qorti tal-Assiżi hija l-qorti kriminali suprema tal-ewwel istanza fir-Repubblika u tinkludi tlitt imħallfin (il-President, Imħallef tal-Qorti Distrettwali Suprema u Mħallef tal-Qorti Distrettwali). Il-membri tal-Qorti tal-Assiżi jinħatru mill-Qorti Suprema għal mandat ta’ sentejn mill-Presidenti tal-Qrati Distrettwali, mill-Imħallfin tal-Qorti Distrettwali Suprema u mill-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali rispettivament).

Qrati Distrettwali (Επαρχιακά Δικαστήρια)

Hemm Qorti Distrettwali f’kull provinċja tar-Repubblika ta’ Ċipru b’ġurisdizzjoni bla limiti, ħlief naturalment fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Suprema u tal-qrati speċjalizzati li jissemmew iktar ’l isfel. L-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali huma maqsuma fi Presidenti tal-Qrati Distrettwali, fi Mħallfin tal-Qorti Distrettwali Suprema u fi Mħallfin tal-Qrati Distrettwali. L-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali jinħatru, jiġu ttrasferiti u jiġu promossi mill-Qorti Suprema.

Qrati tal-Familja (Οικογενειακά Δικαστήρια)

Il-Qrati tal-Familja, li kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-Qrati tal-Familja (Ο περί Οικογενειακών Δικαστηρίων Νόμος) (Liġi 23/90), huma komposti minn tliet membri (president u żewġ membri popolari), li lkoll ikollhom għarfien legali u jkunu pprattikaw b’suċċess il-liġi qabel ma nħatru.

Tribunal tal-Kontroll tal-Kera (Δικαστήριο Ελέγχου Ενοικιάσεων)

Din il-qorti speċjalizzata hija komposta minn tliet membri: president u żewġ membri popolari. Il-president tal-qorti jrid ikun avukat li jkun ipprattika b’suċċess il-liġi għal mill-inqas l-istess numru ta’ snin li jkunu meħtieġa biex kandidat jinħatar imħallef tal-Qorti Distrettwali.

Tribunal tat-Tilwim Industrijali (Δικαστήριο Εργατικών Διαφορών)

L-istess bħat-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera, it-Tribunal tat-Tilwim Industrijali huwa kompost minn tliet membri: president u żewġ membri popolari. Il-president jrid ikun avukat li pprattika għal ħames snin qabel ma nħatar imħallef tal-qorti.

Qorti Militari (Στρατιωτικό Ποινικό Δικαστήριο)

L-aħħar qorti speċjalizzata hija l-Qorti Militari, li hija ppresjeduta minn avukat b’reputazzjoni tajba u bi kwalifiki fi żmien il-ħatra li jkunu meħtieġa biex jinħatar imħallef tal-Qorti Distrettwali. Il-president tal-Qorti Militari jrid ikun fizjal tal-armata bi grad mill-inqas ta’ kulunell. Il-membri popolari tal-Qorti Militari jridu jkunu membri tal-persunal militari professjonali.

Direttorju (Ευρετήριο)

Hemm direttorju fis-sit elettroniku tal-Qorti Suprema li jinkludi xi informazzjoni ġenerali dwar il-qrati f’Ċipru.

Rwol u dmirijiet

Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema tagħmilha ta’ qorti tal-appell mis-sentenzi mogħtija mill-qrati inferjuri kollha fir-Repubblika ta’ Ċipru u bħala qorti tal-ewwel istanza rigward diversi kwistjonijiet bħal-liġi amministrattiva u kwistjonijiet li jinvolvu lill-ammiraljat. Hija toħroġ ukoll certiorari, mandamus u ordnijiet oħrajn u tissorvelja lill-qrati inferjuri kollha fir-Repubblka ta’ Ċipru sabiex tiżgura li lkoll joperaw mingħajr problemi u teżerċita kontroll dixxiplinari fuq il-membri tal-ġudikatura.

Qrati tal-Assiżi

Ħlief għal ċerti reati ferm serji, kull Qorti tal-Assiżi għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ fl-ewwel istanza r-reati kollha li jġorru piena taħt il-Kodiċi Penali (Ποινικός Κώδικας) jew taħt kwalunkwe liġi oħra li twettqu fil-konfini tar-Repubblika jew fil-partijiet Ċiprijotti tal-Bażijiet Sovrani u li jinvolvu lil Ċiprijotti jew bħala dawk li wettqu r-reat jew bħala vittmi, jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor waqt li l-akkużat kien qed jaħdem għar-Repubblika, jew fuq bastiment jew ajruplan fir-Repubblika, jew fi kwalunkwe post ieħor ta’ din ix-xorta u f’kull ċirkustanza ta’ din ix-xorta kif jista’ jkun ipprovdut bil-liġi.

Qrati Distrettwali

Il-Qrati Distrettwali komposti minn president għandhom il-ġurisdizzjoni li jisimgħu u li jagħtu deċiżjoni fl-ewwel istanza rigward kwalunkwe rikors li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni lokali tagħhom.

Kull Imħallef Distrettwali Suprem jew kull Imħallef Distrettwali għandu ġurisdizzjoni (bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet) sabiex jagħti deċiżjoni dwar kwalunkwe rikors fejn is-somma kkontestata jew il-valur tad-differenza inkwistjoni ma taqbiżx l-€500,000.00 għal Imħallef Distrettwali Suprem u l-€100,000.00 għal Imħallef Distrettwali.

Il-ġurisdizzjoni kriminali tal-Qrati Distrettwali tkopri r-reati kollha mwettqa fil-limiti tad-distrett tal-qorti u li jġorru piena pprovduta bil-liġi li ma taqbiżx il-ħames snin ħabs jew multa ta’ €50,000.00 u/jew it-tnejn u fejn il-qorti tista’ tordna li l-vittma tingħata kumpens sa €6,000.00.

Is-sentenzi kollha mogħtija mill-Qrati Distrettwali, kemm f’kawżi kriminali kif ukoll f’kawżi ċivili, jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Suprema mingħajr restrizzjoni.

Qrati speċjalizzati

Il-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Familja tkopri kważi t-tilwim bejn il-konjuġi kollu. Il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera hija limitata għat-tilwim li jinvolvi bini suġġetti għall-kontroll tal-kera. Il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tat-Tilwim Industrijali tkopri biss ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-impjegat, speċjalment f’każijiet ta’ tkeċċija allegatament inġusta. Il-Qorti Militari għandha ġurisdizzjoni li tisma’ kawżi kriminali li jinvolvu lill-membri tal-Gwardja Nazzjonali (Εθνική Φρουρά) jew fejn ikunu nkisru r-regolamenti dwar il-Gwardja Nazzjonali.

Is-sentenzi kollha mogħtija mill-qrati li ssemmew iktar ’il fuq jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Suprema.

Organizzazzjoni tal-professjonijiet legali: L-avukati (Δικηγόροι)

Hemm sistema standard biex jingħataw is-servizzi legali fir-Repubblika ta’ Ċipru u kull min ikun involut fl-offerta ta’ tali servizzi jissejjaħ avukat, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikun studja u mil-lawrja universitarja li jkun kiseb matul l-istudji legali tiegħu.

Fuq l-Internet hemm direttorju tal-avukati li għalih għandhom aċċess mingħajr ħlas l-avukati u l-imħallfin u li l-pubbliku jista’ jkollu aċċess għalih bi ħlas.

Bażijiet tad-dejta legali

Is-sit elettroniku Portal Legali Ċiprijott jinkludi leġiżlazzjoni, ġurisprudenza u regolamenti u huwa mingħajr ħlas għall-avukati, għall-imħallfin u għad-dipartimenti tal-gvern. Kwalunkwe persuna oħra li tixtieq ikollha aċċess għal dan is-sit elettroniku trid tħallas. Is-sit elettroniku Sors ta' Informazzjoni Legali Ċiprijotta jinkludi s-sentenzi tal-qrati u huwa mingħajr ħlas għal kull min jixtieq ikollu aċċess għalih.

Avukati/Konsulenti legali (Νομικοί Σύμβουλοι)

Hemm sistema standard li fiha jipprattikaw l-avukati/il-konsulenti legali.

Nutara pubbliċi (Συμβολαιογράφοι)

Il-professjoni tan-nutar pubbliku ma teżistix f’Ċipru. Ix-xogħol li f’pajjiżi oħrajn ġeneralment isir minn nutar pubbliku f’Ċipru jitwettaq minn avukat.

Professjonijiet legali oħra

Fir-Repubblika ta’ Ċipru, il-professjonijiet li ġejjin huma relatati mal-professjoni legali.

Reġistraturi (Πρωτοκολλητές)

Ir-reġistraturi jinħatru mill-Qorti Suprema u huma uffiċjali tal-qrati li ġeneralment ikunu avukati u jkollhom għarfien legali. Ir-reġistraturi għandhom dmirijiet speċifiċi, kif inhu pprovdut fil-liġi rilevanti. L-iktar reġistratur anzjan huwa r-reġistratur maħtur mill-Qorti Suprema fuq il-persunal tal-qrati u huwa responsabbli mis-sorveljanza ġenerali tagħhom.

Bailiffs

Hemm żewġ tipi ta’ bailiffs: bailiffs tas-settur privat li l-awtorità tagħhom hija limitata għall-konsenja ta’ diversi dokumenti tal-qrati u l-bailiffs imħallsa mill-qrati li jkunu impjegati prinċipalment biex jinfurzaw is-sentenzi tal-qrati.

Paralegali (Δικηγορικοί Υπάλληλοι)

It-titolu ta’ paralegali jinkiseb malli jintemmew sitt xhur xogħol f’ditta tal-avukati u trid tiġi ppreżentata applikazzjoni quddiem ir-reġistratur tal-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha tinsab id-ditta tal-avukati fejn jaħdem il-kandidat.

Links relatati

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Qorti Suprema

L-aħħar aġġornament: 11/04/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.