Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-prosekuturi
Organizzazzjoni
Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Daniż (den danske anklagemyndighed) huwa taħt l-awtorità tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni huwa magħmul mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (rigsadvokaten), il-Prosekuturi Pubbliċi (statsadvokaterne) u l-Kummissarji tal-Pulizija (politidirektørerne).
Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi jmexxi proċedimenti kriminali quddiem il-Qorti Suprema u jipparteċipa wkoll f’seduti ta’ smigħ fil-Qorti Speċjali għall-Akkużi u r-Reviżjonijiet (Den Særlige Klageret).
Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi huwa s-superjur ġerarkiku tal-prosekuturi l-oħra u jissorvelja l-ħidma tagħhom. Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi jittratta wkoll appelli kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Prosekuturi Pubbliċi fl-ewwel istanza.
Rwol u responsabbiltajiet
Il-funzjonijiet u l-organizzazzjoni tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni huma stabbiliti fil-Kapitolu 10 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejeloven) (l-Artikoli 95-107).
Il-kompitu tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni, f’kooperazzjoni mal-pulizija, huwa li jmexxi l-prosekuzzjoni tad-delitti f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. L-Artikolu 96(2) jiddikjara li s-Servizz tal-Prosekuzzjoni għandu jmexxi l-proċedimenti kollha bil-ħeffa ddettata min-natura tal-każ. Filwaqt li jkun qed jagħmel hekk, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni jrid jiżgura li dawk li jista’ jkun ħaqqhom piena jiġu mħarrka u fl-istess ħin li dawk li huma innoċenti ma jiġux imħarrka (“il-prinċipju tal-oġġettività”).
Sitt prosekuturi pubbliċi reġjonali jmexxu il-proċedimenti kriminali – l-appelli u l-ġurijiet – quddiem il-Qrati Superjuri u jissorveljaw it-trattament tal-kawżi kriminali mill-Kummissarji tal-Pulizija. Il-Prosekuturi Pubbliċi reġjonali jittrattaw ukoll l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-Kummissarji tal-Pulizija dwar prosekuzzjonijiet kriminali. Fl-aħħar nett, il-Prosekuturi Pubbliċi jittrattaw każijiet ta’ kumpens b’rabta ma’ prosekuzzjonijiet kriminali u lmenti kontra l-pulizija.
Il-Prosekutur Pubbliku għar-Reati Ekonomiċi Gravi (Statsadvokaten for Særlig Økonomisk Kriminalitet) imexxi l-prosekuzzjoni ta’ delitti ekonomiċi maġġuri fil-livell nazzjonali.
Il-Prosekutur Pubbliku għall-Materji Kriminali Internazzjonali Speċjali (Statsadvokaten for Særlige Internationale Straffesager) imexxi l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali mwettqa barra l-pajjiż, fosthom il-ġenoċidji, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra.
Il-Kummissarji tal-Pulizija jaġixxu bħala prosekuturi quddiem il-Qrati Distrettwali (l-ewwel istanza) u għaldaqstant, barra li jmexxu l-pulizija, huma responsabbli għall-investigazzjonijiet li jkunu twettqu mill-pulizija tad-distrett u għall-attivitajiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni lokali.
L-Imħallfin
Organizzazzjoni
Il-Kunsill għall-Ħatriet Ġudizzjarji (Dommerudnævnelsesrådet) huwa responsabbli biex jippreżenta proposti lill-Ministru għall-Ġustizzja għall-ħatriet ġudizzjarji, bl-eċċezzjoni tal-ħatra tal-President tal-Qorti Suprema. Fil-prattika, il-Ministru għall-Ġustizzja dejjem isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.
Kwistjonijiet dixxiplinarji li jikkonċernaw lill-imħallfin jew lill-persunal ġudizzjarju tal-qrati Daniżi jiġu ttrattati mill-Qorti Speċjali għall-Akkużi u r-Reviżjonijiet (Den Særlige Klageret).
L-Amministrazzjoni tal-Qorti Daniża (Domstolsstyrelsen) għandha r-responsabbiltà ġenerali għat-taħriġ tal-persunal ġudizzjarju tal-qrati.
Rwol u responsabbiltajiet
B’mod ġenerali, l-imħallfin professjonali fid-Danimarka ma jispeċjalizzawx f’qasam partikolari. L-imħallfin jistgħu jinħatru għal kariga permanenti jew temporanja (aġent). L-assistenti mħallfin (retsassessorer) u l-imħallfin supplenti (dommerfuldmægtige) normalment jittrattaw kawżi minuri (eż. uffiċjali ġudizzjarji).
Bi ftit eċċezzjonijiet importanti, l-imħallfin onorarji (lægdommere) jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali kollha li jinstemgħu mill-qrati tal-ewwel istanza u tat-tieni istanza. F’kawżi ċivili, jistgħu jintużaw assessuri esperti (sagkyndige domsmænd) fl-ewwel istanza u fit-tieni istanza. L-imħallfin onorarji u l-assessuri esperti jinħatru għal terminu ta’ erba’ snin.
Bażijiet tad-data ġuridiċi
Għal iktar informazzjoni, ara:
Is-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Daniżi (Den Danske Dommerforening)
Il-paġna ewlenija tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Supplenti (Dommerfuldmægtigforeningen)
Informazzjoni dwar il-persunal klerikali tal-qorti (361 Kb)
L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: avukati (advokater)
L-avukati
Avukati bi prattika privata
L-avukati Daniżi kollha huma membri tal-Kamra tal-Avukati Daniża (Advokatsamfundet), li twaqqfet fl-1919.
Avukati impjegati u avukati apprendisti (advokatfuldmægtige)
L-avukati u l-avukati apprendisti huma organizzati fl-Għaqda tal-Avukati u l-Avukati Apprendisti (Foreningen af Advokater og Advokatfuldmægtige – FAAF), li hija parti mill-Għaqda tal-Ġuristi u l-Ekonomisti Daniża (Danmark Jurist- og Økonomforbund – Djøf). Id-Djøf hija l-ikbar trade union u organizzazzjoni ta’ promozzjoni fid-Danimarka kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegati kollha fil-qasam tal-liġi, l-amministrazzjoni, il-governanza, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-komunikazzjoni, l-ekonomija, u x-xjenzi politiċi. It-trade union għandha madwar 50 000 membru li jaħdmu f’dawn l-oqsma. Minn madwar 1 500 membru tal-FAAF, madwar 900 huma avukati bi prattika privata.
Avukati tal-kumpaniji
L-avukati tal-kumpaniji huma organizzati fil-Kamra tal-Avukati Daniża, iżda jistgħu jagħżlu wkoll li jingħaqdu mal-Għaqda tal-Avukati tal-Kumpaniji Daniżi (Danske Virksomhedsjurister – DVJ). Bħalissa, madwar żewġ terzi tal-membri tad-DVJ huma avukati b’liċenzja biex jipprattikaw Daniża. B’mod ġenerali, id-DVJ tirrappreżenta l-interessi professjonali tal-avukati tal-kumpaniji. L-għaqda għandha wkoll l-għan li tippromwovi r-rikonoxximent u l-fehim tal-ħidma tal-avukati tal-kumpaniji u l-importanza dejjem tikber tagħha għan-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u s-soċjetà b’mod ġenerali. Id-DVJ hija membru tal-Għaqda Ewropea tal-Avukati tal-Kumpaniji (ECLA).
Id-differenza bejn l-avukati bi prattika privata u l-avukati tal-kumpaniji
Fid-Danimarka, l-avukati tal-kumpaniji b’liċenzja biex jipprattikaw Daniża huma soġġetti eżattament għall-istess regoli bħall-avukati bi prattika privata. L-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ma jiddistingwix bejn it-tnejn, u ż-żewġ gruppi huma organizzati fil-Kamra tal-Avukati Daniża.
Dan ifisser, essenzjalment, li l-avukati tal-kumpaniji għandhom l-istess status legali bħall-avukati l-oħrajn fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta professjonali (advokatetiske regler), is-segretezza professjonali, il-kunfidenzjalità bejn il-klijent u l-avukat, eċċ. Madankollu, il-kodiċi ta’ kondotta professjonali ġie emendat biex jinkludi l-avukati tal-kumpaniji, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi li joperaw fihom.
Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità bejn il-klijent u l-avukat kif japplika għall-avukati tal-kumpanniji għalhekk jirriżulta mill-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-avukati bi prattika privata. Għadu ma ġiex eżaminat mill-qrati jekk l-istandard għall-avukati tal-kumpaniji huwiex l-istess bħal fil-każ ta’ avukati oħrajn jew huwiex iktar baxx.
L-unika eċċezzjoni għar-regola li l-avukati tal-kumpaniji għandhom l-istess status legali bħall-avukati l-oħrajn tikkonċerna lil min jista’ jirrappreżenta bħala avukat l-avukat tal-kumpaniji. Il-possibbiltà skont il-liġi li taġixxi bħala avukat tal-kumpaniji hija meqjusa bħala eċċezzjoni impliċita għall-Artikolu 124 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar it-tip ta’ kumpanija li avukat jista’ jaħdem għaliha.
Għaldaqstant, sakemm ma jkollhomx ukoll uffiċċju legali privat, l-avukati tal-kumpaniji jistgħu jużaw biss it-titlu ta’ “avukat” meta jirrappreżentaw il-kumpanija jew l-organizzazzjoni li jkunu impjegati magħha. Dan ifisser li jekk l-impjegatur jitlob lill-avukat tal-kumpanija biex jipprovdi konsulenza legali lil klijent jew membru, l-avukat tal-kumpanija ma jistax jaġixxi bħala avukat sakemm ma jkollux ukoll uffiċċju legali privat u jipprovdi l-konsulenza lill-klijent jew lill-membru permezz ta’ dan l-uffiċċju.
Jekk l-avukat tal-kumpanija ma jkollux ukoll uffiċċju legali privat u jipprovdi konsulenza legali lil klijent jew membru li jkun konsumatur, u jekk il-konsulenza tingħata għal skopijiet kummerċjali, għandu japplika l-Att dwar il-Konsulenza Legali (lov om juridisk rådgivning) għall-avukat tal-kumpanija, b’eċċezzjoni waħda: l-Att ma japplikax għal konsulenza legali pprovduta minn trade unions u organizzazzjonijiet nongovernattivi. Ir-raġuni għal din l-eċċezzjoni hija li konsulenza ta’ dan it-tip ma tingħatax għal skopijiet kummerċjali u ġeneralment titqies bħala servizz li jmur lil hinn mis-servizz ġenerali li tipprovdi t-trade union lill-membri tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tagħha.
Il-konsulenza legali pprovduta lil konsumatur minn impjegat ta’ trade union li għandu liċenzja biex jipprattika huwa għalhekk irregolat biss mir-regoli ġenerali dwar kważi kuntratti, delitti jew kważi delitti u huwa rregolat indirettament biss mill-kodiċi ta’ kondotta professjonali. Skont dan tal-aħħar, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 126(4) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, avukat ma jistax (f’kapaċità mhux professjonali) iġib ruħu b’mod li ma jkunx xieraq għal avukat meta jaġixxi fi kwistjonijiet kummerċjali jew finanzjarji.
L-Att dwar il-Konsulenza Legali
Minn Lulju 2006 ’l hawn, il-konsulenza legali mogħtija lil konsumaturi għal skopijiet kummerċjali saret soġġetta għal Att separat, li japplika irrispettivament mill-isfond edukattiv tal-persuna li tkun qed tipprovdi l-konsulenza. L-Att jiddikjara espressament li ma japplikax għal konsulenza legali pprovduta minn avukat fl-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat indipendenti. Dan lanqas ma japplika għal konsulenza legali pprovduta minn trade unions jew organizzazzjonijiet nongovernattivi, peress li konsulenza ta’ dan it-tip ma tiġix ikkunsidrata li tkun ġiet ipprovduta għal skopijiet kummerċjali (ara aktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-Att ma jkoprix konsulenza legali pprovduta minn impriżi finanzjarji koperti mill-Att dwar in-Negozju Finanzjarju, sakemm il-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Kummerċjali jkun ħareġ regoli dwar prattika tajba fil-qasam ikkonċernat.
Madankollu, kif issemma qabel, dan ma jfissirx li konsulenza legali pprovduta minn persuna b’liċenzja biex tipprattika mhijiex irregolata bil-liġi. Jekk avukat ta’ kumpanija b’liċenzja biex jipprattika jipprovdi konsulenza legali lil konsumatur (jiġifieri xi ħadd ieħor għajr min jimpjegah) u l-avukat tal-kumpanija ma jkollux ukoll uffiċċju legali privat, dan is-servizz ikun kopert mill-Att dwar il-Konsulenza Legali, jekk jitqies li l-konsulenza tkun ingħatat għal skopijiet kummerċjali.
Il-karatteristiċi ewlenin tal-Att dwar il-Konsulenza Legali huma dawn li ġejjin:
- Konsulent legali jrid iġib ruħu b’mod konformi mal-prattika tajba għall-konsulenzi legali. Dan jimplika li l-konsulent irid iwettaq dmirijietu b’mod komplut, kuxjenzjuż u konformi mar-rekwiżiti leġittimi tal-aħjar interessi tal-klijent. Il-konsulenza għandha tingħata bil-ħeffa meħtieġa. .
- Il-ftehimiet biex tiġi pprovduta konsulenza legali jridu jkunu bil-miktub.
- Konsulent legali mhuwiex obbligat li jagħmel assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili, iżda l-kuntratt konkluż irid ikun fih informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.
- Konsulent legali jrid jinforma lill-klijent bil-prezz tal-konsulenza legali.
- Konsulent legali ma għandux jirċievi fondi miżmuma f’trust.
- Konsulent legali ma jridx iwettaq kompiti li jkollu interess personali jew finanzjarju fihom.
- Konsulent legali għandu jikkonforma mar-regoli ta’ prattika tajba għall-konsulenzi legali maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja. L-Ombudsman tal-Konsumatur jissorvelja l-konformità tal-konsulenti mal-liġi u mar-regoli ta’ prattika tajba.
Bażijiet tad-data ġuridiċi
Din l-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit tal-Kamra tal-Avukati Daniża.
Is-sit fih informazzjoni dwar il-professjoni ta’ avukat fid-Danimarka u lista ta’ avukati prattikanti.
Professjonijiet legali oħrajn
Organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna legali
L-istituzzjonijiet li jipprovdu l-għajnuna legali huma disponibbli madwar id-Danimarka kollha. Kull min jixtieq jirċievi għajnuna legali jista’ jikkuntattja lid-Dipartiment tal-Affarijiet Ċivili (Civilstyrelsen) biex jinfurmah bl-eqreb istituzzjoni. L-indirizz huwa:
Civilstyrelsen
Toldboden 2, 2. sal.
8800 Viborg.
Tel.: +45 33 92 33 34
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.