Sib informazzjoni għal kull reġjun
Professjonijiet legali – Introduzzjoni
Il-fergħa ġudizzjarja tal-Istat hija eżerċitata mill-ġudikatura skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u ċertu leġiżlazzjoni: primarjament l-Att tal-1961 dwar il-Qrati (twaqqif u kostituzzjoni) u l-Att dwar il-Qrati (Dispożizzjonijiet Supplimentari) tal-1961, kif emendat. L-imħallfin huma maħtura minn fost l-applikanti mill-professjonijiet legali. Huma kompletament indipendenti fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Din l-indipendenza hija mħarsa fil-Kostituzzjoni. Il-professjoni legali hija maqsuma bejn is-solicitors (li jikkonċentraw fuq xogħol dirett mal-klijent) u l-barristers (li jispeċjalizzaw fl-avukatura u fil-litigazzjoni).
1. Imħallfin
Il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji jidentifika l-adegwatezza ta’ persuni biex jinħatru għal kariga ġudizzjarja u jinforma lill-Gvern dwar dan. Il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji (Judicial Appointments Advisory Board, JAAB) ġie stabbilit skont l-Att tal-1995 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati. Il-Bord jikkonsisti mill-Prim Imħallef, il-Presidenti tal-Qorti tal-Appell, tal-Qorti Għolja, tas-Circuit Court u tal-Qorti Distrettwali, l-Avukat Ġenerali, rappreżentanti maħtura tal-Kamra tal-Avukati u tal-Law Society u tliet persuni maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja u għar-Riforma tal-Liġi. L-imħallfin huma appuntati mill-President fuq il-parir tal-Gvern. Il-ġudikatura hija indipendenti u hija soġġetta biss għall-Kostituzzjoni u għal-liġi. F'konformità mal-Kostituzzjoni, l-għadd ta' mħallfin huwa stabbilit minn żmien għal żmien permezz tal-leġiżlazzjoni.
Il-Qorti Suprema tikkonsisti mill-Prim Imħallef, li jippresjedi fuq il-Qorti, u minn seba’ mħallfin ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja magħrufa bħala l-"Imħallfin tal-Qorti Suprema". Il-President tal-Qorti Għolja huwa wkoll membru ex officio tal-Qorti Suprema. Il-Qorti Għolja tikkonsisti mill-President tal-Qorti Għolja li hu responsabbli għall-organizzazzjoni ġenerali tax-xogħol tal-Qorti Għolja u mill-imħallfin ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja magħrufa bħala l-“Imħallfin tal-Qorti Għolja”. Il-Prim Imħallef u l-President tas-Circuit Court huma membri ex officio tal-Qorti Għolja. Il-Qorti Għolja hija magħmula minn President u 35 imħallef. Is-Circuit Court tikkonsisti mill-President tas-Circuit Court u 37 imħallef ordinarju magħrufa bħala l-“Imħallfin tas-Circuit Court”. Il-President tal-Qorti Distrettwali huwa wkoll membru ex officio tas-Circuit Court. Il-Qorti Distrettwali tikkonsisti mill-President tal-Qorti Distrettwali u 63 imħallef ieħor magħrufa bħala l-“Imħallef tal-Qorti Distrettwali”. Is-salarji tal-imħallfin huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni li tiġi ppromulgata minn żmien għal żmien.
L-imħallfin jinħatru minn fost il-professjonijiet legali ta’ solictors jew ta’ barristers kkwalifikati li jkollhom ċertu snin ta’ esperjenza ta’ prattika (mhux ta’ riċerka). Fir-rigward tal-Qorti Distrettwali, l-Artikolu 29(2) tal-Att tal-1961 dwar il-Qrati (Dispożizzjonijiet Supplimentari) jistipula li persuna li tkun ilha tipprattika l-professjoni tagħha bħala barrister jew solicitor għal mhux inqas minn għaxar snin hija kkwalifikata biex tinħatar bħala mħallef tal-Qorti Distrettwali. L-Artikolu 30 tal-Att tal-1995 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati jistipula li solicitor jew barrister b’esperjenza ta’ għaxar snin huwa kkwalifikat biex jinħatar bħala mħallef tas-Circuit Court. L-Att tal-2002 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati jistipula li persuna li tkun ilha tipprattika l-professjoni tagħha bħala barrister jew solicitor għal mhux inqas minn 12-il sena hija kkwalifikata biex tinħatar bħala mħallef tal-Qorti Għolja, tal-Qorti tal-Appell u tal-Qorti Suprema. Kif ingħad qabel, il-membri tal-ġudikatura huma indipendenti fis-sens li huma soġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-liġi u meta jieħdu l-kariga tagħhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni segwenti skont l-Artikolu 34.5.1 tal-Kostituzzjoni:
“Fil-preżenza ta’ Alla li jista’ kollox, solennement inwiegħed u niddikjara li se naqdi fedelment il-kariga ta’ Prim Imħallef (jew skont xi jkun il-każ), bl-aħjar ħila tiegħi u skont is-setgħa li tingħatali, mingħajr biża’ jew favur, affezzjoni jew ħsara fil-konfront ta' kwalunkwe persuna, u li se nirrispetta l-Kostituzzjoni u l-liġijiet. Hekk Alla jgħinni.”
Skont il-Kostituzzjoni, l-Imħallfin tal-Qorti Għolja u tal-Qorti Suprema jistgħu jitneħħew biss mill-kariga għal mġiba ħażina ddikjarata jew għal inkapaċità wara li r-riżoluzzjonijiet ikunu għaddew miż-żewġ kmamar tal-Oireachtas (il-Parlament bl-Irlandiż). L-Att tal-1924 dwar il-Qrati tal-Ġustizzja u l-Att tal-1946 dwar il-Qrati tal-Ġustizzja (Qorti Distrettwali) jistipulaw dispożizzjonijiet statutorji simili għall-imħallfin tas-Circuit Court u għal dawk tal-Qrati Distrettwali.
2. L-Avukat Ġenerali u d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi
L-Avukat Ġenerali huwa “il-konsulent tal-Gvern fi kwistjonijiet ta’ opinjoni legali u ta’ liġi”, kif stipulat fl-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni. L-Avukat Ġenerali jiġi maħtur mill-President fuq in-nomina tat-Taoiseach (il-Prim Ministru bl-Irlandiż) u huwa obbligat li jirtira mill-kariga tiegħu meta jagħmel dan it-Taoiseach. L-Avukat Ġenerali ġeneralment huwa barrister prattikanti u konsulent anzjan. Ma hemm l-ebda regola li timponi fuq l-Avukat Ġenerali biex ma jkomplix bil-prattika privata tiegħu iżda hekk kien qed jiġri f’dawn l-aħħar snin.
Bħala l-konsulent legali tal-gvern, l-Avukat Ġenerali jeżamina bir-reqqa l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni kollha li l-Gvern ikun beħsiebu jressaq quddiem iż-żewġ Oireachtas (il-kmamar tal-Parlament) sabiex jgħaddi bħala liġi. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali jagħti pariri lill-gvern dwar kwistjonijiet internazzjonali bħalma huma r-ratifikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Funzjoni oħra tal-Avukat Ġenerali hija li jirrappreżenta lill-pubbliku fl-affermazzjoni tad-drittijiet pubbliċi. Dan isir billi jingħata bidu għall-proċeduri legali jew billi jiġu kkuntrarjati. Għalkemm maħtur mit-Taoiseach, l-Avukat Ġenerali huwa indipendenti mill-Gvern. F’dak li jirrigwarda l-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali jkun dejjem il-konvenut ewlieni f'każ li l-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata.
Qabel l-1976, ir-reati kriminali serji kollha tressqu l-qorti f'isem l-Avukat Ġenerali. Il-Kostituzzjoni tistipula li din il-funzjoni tista’ titwettaq minn persuna oħra awtorizzata mil-liġi biex taġixxi għal dak l-iskop. Għaldaqstant, twaqqaf l-Uffiċċju tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-1974 dwar il-Prosekuzzjoni ta’ Reati li daħal fis-seħħ fl-1976 - bil-għan li jkun hemm uffiċjal wieħed, mingħajr l-ebda konnessjonijiet politiċi, biex iwettaq dawn il-funzjonijiet. Id-Direttur jinħatar mill-Gvern iżda huwa impjegat taċ-ċivil biex b’hekk id-Direttur ma jkollux għalfejn jirriżenja meta jaqa’ l-gvern, għall-kuntrarju tal-Avukat Ġenerali. Dan jiżgura li jkun hemm kontinwità fil-prosekuzzjoni ta’ reati. L-Att tal-1974 jistipula wkoll li d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu. Id-Direttur jista’ jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu min-naħa tal-Gvern, iżda dan jiġri biss wara li jkun sar rapport rigward saħħtu jew imġibtu minn kumitat li jkun jinkludi lill-Prim Imħallef, lil imħallef tal-Qorti Għolja u lill-Avukat Ġenerali.
Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) għalhekk jieħu d-deċiżjoni dwar jekk persuna għandhiex tiġi akkużata b’reat kriminali serju jew le u x’għandha tkun l-akkuża. Il-prosekuzzjonijiet kollha jitressqu f’isem id-DPP iżda l-prosekuzzjonijiet għall-biċċa l-kbira ta’ delitti inqas serji jistgħu jitressqu mill-Gardaí (il-forza tal-pulizija Irlandiża) mingħajr ma jintbagħat fajl lid-DPP. F’dawn il-każijiet, id-DPP għandu d-dritt li jagħti pariri lill-Gardaí dwar kif għandu jiġi indirizzat il-każ. Għalkemm id-DPP ħa f’idejh ir-rwol tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjoni tal-kawżi, l-Avukat Ġenerali jżomm ir-rwol f’dak li jirrigwarda kawżi ta’ natura internazzjonali bħalma hi l-estradizzjoni.
3. Impjegati tas-Servizz tal-Qrati
Ir-Reġistraturi tal-Qorti u s-Segretarji tal-Qorti huma impjegati mis-Servizz tal-Qrati
Is-Segretarji tal-Qorti huma responsabbli mill-amministrazzjoni ġenerali tal-qrati. Il-funzjoni ewlenija ta’ Reġistratur tal-Qorti hija li jassisti lill-imħallef matul l-andament tas-seduta u li jiżgura li l-amministrazzjoni meħtieġa għat-tmexxija tajba tal-qrati tkun ġestita b’mod effiċjenti.
Is-Servizz tal-Qrati huwa korp korporattiv indipendenti li nħoloq f’Novembru 1999 u li twaqqaf mill-Gvern skont l-Att tal-1998 dwar is-Servizz tal-Qrati. Is-Servizz tal-Qrati jirrapporta lill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u, permezz tal-Ministru, lill-Gvern.
Is-Servizz tal-Qrati għandu ħames mandati:
- Li jimmaniġġja l-Qrati
- Li jipprovdi servizzi ta’ sostenn lill-imħallfin
- Li jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar is-sistema tal-Qrati
- Li jipprovdi, jimmaniġġja u jieħu ħsieb il-binjiet tal-Qrati
- Li jipprovdi l-faċilitajiet għal dawk li jagħmlu użu mill-Qrati
4 Ix-Xeriff
Kull kontea fl-Irlanda għandha Xeriff li huwa impjegat pubbliku u parti mir-responsabbiltà tiegħu hija li jissekwestra u jbigħ oġġetti għas-saldu ta’ dejn wara li tkun inkisbet sentenza tal-Qorti. Ix-Xeriffs jinħatru skont l-Att tal-1945 dwar l-Uffiċjali tal-Qrati, u l-Artikolu 12(5) tal-Att jillimita l-ħatra f’din il-kariga għall-barristers jew s-solicitors li jkunu ilhom ħames snin jipprattikaw il-professjoni tagħhom, jew għal dawk li jkunu ħadmu bħala segretarji maniġerjali jew bħala assistenti ewlenin ta’ xeriff jew ta’ deputat xeriff għal mhux inqas minn ħames snin. L-Artikolu 12(6)(g) tal-Att jiddikjara li l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ kull Xeriff, soġġetti għall-artikoli tal-Att imsemmija hawn fuq, huma determinati minn żmien għal żmien mill-Ministru għall-Finanzi wara konsultazzjoni mal-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza.
5. Solicitors
Il-Law Society tal-Irlanda għandha kontroll fuq l-edukazzjoni tal-istudenti li jixtiequ jsiru solicitors, u għandha setgħat dixxiplinari fuq s-solicitors ikkwalifikati. Sabiex isiru solicitor, l-individwi jridu jlestu l-Eżamijiet Finali (FE-1s) li jsiru darbtejn fis-sena, normalment fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. L-eżami FE-1 jikkonsisti fi tmien karti: Il-Liġi tal-Kumpaniji, il-Liġi Kostituzzjonali, il-Liġi Kuntrattwali, il-Liġi Kriminali, l-Ekwità, il-Liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Liġi dwar il-Proprjetà Immobbli u l-Liġi tal-Obbligi. L-individwi mbagħad iridu jsibu solicitor xieraq (prattikanti) biex ikun is-solicitor li jagħmlu l-prattika miegħu sabiex jibdew il-Kors tal-Prattika Professjonali I (PPC I). Il-PPC I jibda minn Settembru sa Marzu u s-suġġetti li ġejjin jiġu koperti tul il-kors; Il-Liġi Applikata dwar l-Artijiet, is-Suċċessjoni u t-Taxxa, il-Liġi tan-Negozju, Kors ta’ Fondazzjoni, il-Litigazzjoni (Ċivili u Kriminali), il-Prattika Legali Irlandiża (LPI) u l-ħiliet inklużi (iċ-Ċivil u r-Rappreżentanza Legali, l-Intervistar u l-Konsulenza, ir-Riċerka Legali, il-Ħiliet ta’ Preżentazzjoni Legali, il-Kitba u l-Abbozzar Legali, in-Negozjar u l-Iżvilupp Professjonali). Il-kuntratt ta’ taħriġ tal-kandidati mbagħad jibda 14-il jum wara l-eżami finali dwar il-PPC I. Qabel ma tkun tista’ tiġi ammess fil-kors tal-PPC II, trid tkun ġejt iddikjarat mill-Kumitat tal-Edukazzjoni li għaddejt mill-PPC I. Fil-11-il xahar mill-perjodu ta’ 24 xahar ta’ taħriġ, it-trainee jirritorna fl-Iskola tal-Liġi biex jattendi l-PPC II. Is-suġġetti koperti fil-PPC II huma l-Prattika Professjonali, l-Imġiba u l-Ġestjoni (obbligatorju) u firxa ta’ għażliet tal-istudenti minn tliet intestaturi ewlenin tan-Negozju, il-Prattika u l-Proċedura, u l-Klijent Privat. Normalment jibda f’April ta’ kull sena u jdum 11-il ġimgħa, inklużi l-eżamijiet. Wara li jkunu lestew il-PPC II, l-individwi jridu jirritornaw fl-uffiċċju tas-solicitor li jkunu qed jagħmlu l-prattika miegħu u jlestu l-perjodu ta’ żmien pendenti – għaxar xhur jekk it-trainee ma jkunx kiseb kreditu għax-xogħol magħmul qabel il-PPC I, jew sitt xhur jekk ikun inkiseb il-kreditu.
It-trainees jistgħu japplikaw biex isimhom jiddaħħal fir-Reġistru tas-Solicitors meta:
- ikunu għaddew mill-eżamijiet kollha
- ikunu temmew b’suċċess il-perjodu tal-prattika, u
- is-solicitor li miegħu ssir il-prattika jkun ħalef li t-trainee ikun persuna kompetenti u xierqa biex issir solicitor.
Fl-aħħar nett, meta l-isem tal-persuna jkun iddaħħal fir-Reġistru tas-Solicitors, din tkun tista’ tapplika għaċ-ċertifikat tal-prattika.
Kull solicitor ikkwalifikat huwa soġġett għas-setgħat dixxiplinarji tal-Law Society. Skont l-Atti tal-1954 sal-1994 dwar is-Solicitors, it-Tribunal Dixxiplinari tal-Law Society għandu s-setgħa li jinvestiga allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina bħall-miżapproprjazzjoni ta’ flus. Fejn tinstab imġiba ħażina, it-Tribunal stess jista’ jimponi sanzjoni fuq is-solicitor (li tista’ tinkludi struzzjoni biex iħallas lura somma ta’ massimu ta’ EUR 15,000 lil kwalunkwe parti leża) jew it-Tribunal jista’ jirreferi s-sejba u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President tal-Qorti Għolja, li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedi dwar in-natura tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq is-solicitor. Il-President għandu s-setgħa li jissospendi solicitor mill-prattika tiegħu u li jirrevoka s-sospensjoni. It-Tribunal tad-Dixxiplina għandu s-setgħa li jeżiġi r-rimborż ta’ fondi lil klijenti jekk isib li solicitor ikun talabhom aktar flus milli jmissu.
L-Istrument Statutorju 732 tal-2003, ir-Regolamenti tal-2003 dwar il-Komunitajiet Ewropej (l-istabbiliment tal-Avukati), jistipula li avukati tal-Istati Membri li jixtiequ jiżvolġu l-attivitajiet professjonali tagħhom bħala barrister jew solicitor fl-Irlanda, għandhom japplikaw għal dan il-għan mal-Kamra tal-Avukati jew mal-Law Society biex jiġu rreġistrati sabiex jagħmlu hekk. L-applikazzjoni tiġi kkunsidrata u jekk tiġi aċċettata jinħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Appell għal ċaħda min-naħa tal-Kamra tal-Avukati jew tal-Law Society jaqa’ f’idejn il-Qorti Għolja.
6. Barristers
L-Honorable Society of King’s Inns tipprovdi taħriġ legali post gradwali, li jwassal għall-għoti tat-titolu ta’ barrister-at-law (hekk kif inhi magħrufa kollettivament il-professjoni) għal dawk li jkunu jixtiequ jipprattikaw f'qorti. Il-King’s Inns hija soċjetà volontarja taħt il-kontroll tal-Benchers of Honorable Society of King’s Inns, li huma membri tal-ġudikatura u barristers anzjani. Id-dħul għall-kors ta’ lawrja huwa permezz ta’ eżami tad-dħul għall-gradwati tad-Diploma fl-Istudji Legali ta’ King’s Inns jew għall-gradwati fil-liġi. It-tul tal-kors għad-Diploma fl-Istudji Legali huwa ta’ sentejn (part-time) u l-Kors għal Barrister-at Law huwa kors full-time ta’ sena jew kors modulari ta’ sentejn. Meta jtemmu b’suċċess il-kors ta’ lawrja, l-istudenti jiġu msejħa fil-Kamra fil-Qorti Suprema mill-Prim Imħallef u l-barristers imsejħa jiffirmaw ir-reġistru tal-membri tal-Kamra wara ċ-ċerimonja. Madankollu, hemm rekwiżiti oħra x'jiġu ssodisfati qabel ma jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’xogħol legali bi ħlas.
Il-barristers iridu jkunu membri tal-Law Library biex jipprattikaw. Il-Law Library tipprovdi post fejn taħdem u aċċess għal testi u materjali legali, bil-ħlas ta’ tariffa annwali. Qabel ma jsir membru tal-Law Library, konsulent legali jrid jagħżel master - barrister stabbilit li jkollu minn tal-inqas ħames snin esperjenza. Sakemm ikun għadu taћt il-gwida tal-master, perjodu li ġeneralment jieħu xi sena, il-barrister li għadu kif ikkwalifika jkun magħruf bħala devil. Il-master jintroduċi lid-devil għax-xogħol prattiku ta’ barrister u normalment jitlob lid-devil biex jassistih fl-abbozzar tat-trattazzjonijiet tal-qorti u fir-riċerka legali, u biex jattendi s-seduti tal-qorti f’ismu.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati tal-Irlanda, li huwa korp mhux statutorju, jissorvelja l-imġiba tal-barristers. Il-Kunsill jiġi elett kull sena mill-membri tal-Kamra tal-Avukati u joħroġ Kodiċi tal-Kondotta Professjonali, li jiġi emendat minn żmien għal żmien mill-membri tal-Kamra tal-Avukati. Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jistipula dak li huwa meħtieġ mill-barristers.
L-allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta jiġu investigati mill-Kumitat tal-Prattiki Professjonali tal-Kunsill tal-Avukati, li jinkludi lil dawk li mhumiex membri tal-Kamra tal-Avukati. Il-Kumitat għandu s-setgħa li joħroġ multi u pieni u li jissospendi jew jeskludi membru mil-Librerija tal-Liġi. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu appellati quddiem il-Bord tal-Appelli, li jinkludi mħallef tas-Circuit Court kif ukoll membru lajk.
Tradizzjonalment il-barristers kien ikollhom jirċievu l-istruzzjonijiet mingħand solicitor, u ma kienx permess l-aċċess dirett għalihom. Din il-prattika ġiet eżaminata mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Ġust, u fir-rapport tagħha tal-1990 irrakkomandat li l-projbizzjoni ġenerali fuq l-aċċess dirett kienet prattika restrittiva u rrakkomandat li titħassar minn fuq il-Kodiċi tal-Kondotta. Il-Kummissjoni ma aċċettatx il-fatt li f’ċerti każijiet l-involviment kontinwu ta’ solicitor kien mixtieq. Il-Kummissjoni rrakkomandat li ma għandu jkun hemm l-ebda regoli statutorji jew regoli oħra li jkunu jirrikjedu l-preżenza fiżika ta’ solicitor fil-qorti biex jagħti l-istruzzjonijiet lil konsulent legali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati b’mod sħiħ iżda saru diversi emendi fil-Kodiċi tal-Kondotta biex il-barristers jingħataw aċċess dirett minn ċerti Korpi Professjonali Approvati.
Il-barristers huma konsulenti subalterni jew konsulenti anzjani. Tradizzjonalment, il-membri tal-Kamra tal-Avukati jipprattikaw bħala konsulenti subalterni għal għadd ta’ snin qabel ma jiddeċiedu jekk iridux isiru konsulenti anzjani. Dan mhuwiex każ ta’ promozzjoni awtomatika, u ċerti konsulenti subalterni jagħżlu li ma japplikaw qatt. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-barristers jqisu jsirux konsulenti anzjani wara li jkunu ilhom 15-il sena jipprattikaw il-professjoni. Dawk li jkunu jixtiequ jsiru konsulenti anzjani japplikaw mal-Avukat Ġenerali għall-approvazzjoni, iżda fil-verità l-ħatra ssir min-naħa tal-Gvern fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali, li min-naħa tiegħu jikkoordina wkoll mal-Prim Imħallef, mal-President tal-Qorti Għolja u mal-President tal-Kamra tal-Avukati.
B’mod ġenerali, il-konsulenti subalterni jabbozzaw u jħejju t-trattazzjonijiet u jmexxu xi kawżi tal-qorti, ġeneralment fil-qrati inferjuri iżda mhux esklussivament hekk. Il-funzjonijiet ta’ konsulent anzjan jinkludu l-iskrutinju tal-abbozzi tat-trattazzjonijiet imħejjija minn konsulenti subalterni u t-tmexxija tal-kawżi l-aktar diffiċli fil-Qorti Għolja u Suprema.
7. Reġistraturi tal-Kontea
Ir-Reġistraturi tal-Kontea huma solicitors ikkwalifikati u huma maħtura mill-gvern. Huma jwettqu funzjonijiet kważi ġudizzjarji b’rabta mas-Circuit Court, u huma responsabbli mill-ġestjoni tal-uffiċċji tas-Circuit Court.
Huma jaġixxu wkoll bħala Xeriff tal-Kontea (minbarra f’Dublin u f'Cork).
8. Nutara
In-Nutara Pubbliċi jinħatru mill-Prim Imħallef f’seduta bil-miftuħ. Huma jwettqu l-funzjonijiet prinċipali li ġejjin:
- L-awtentikazzjoni ta’ dokumenti
- Il-konferma u l-verifika ta’ firem fuq dokumenti
- L-eżekuzzjoni ta’ oġġezzjonijiet notarili fir-rigward ta’ dokumenti kummerċjali bħalma huma l-kambjali u ċ-ċedoli, u ta’ kwistjonijiet marittimi
- It-teħid ta’ affermazzjonijiet, dikjarazzjonijiet u (ħlief fir-rigward ta’ proċedimenti quddiem il-qrati Irlandiżi) affidavits.
L-applikazzjonijiet isiru permezz ta’ petizzjoni li tkun tinkludi r-residenza u l-okkupazzjoni tal-petizzjonant, l-għadd ta' Nutara Pubbliċi fid-distrett, il-popolazzjoni tad-distrett u ċ-ċirkostanzi li jindikaw għalfejn hemm bżonn ta’ Nutar Pubbliku u/jew ir-raġuni għalfejn hemm post vakanti. Il-petizzjoni trid tiġi vverifikata permezz ta’ affidavit tal-petizzjonant li fih jintwera ċertifikat tal-idoneità. Dan iċ-ċertifikat ġeneralment jiġi ffirmat minn sitt solicitors lokali u minn sitt mexxejja tal-komunità tan-negozju lokali. Il-petizzjoni titressaq quddiem il-Prim Imħallef b’Avviż ta’ Mozzjoni li jiġi nnotifikat, permezz tal-Uffiċċju tal-Qorti Suprema, lir-Reġistru tal-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi fl-Irlanda, lis-Segretarju tal-Law Society u lin-Nutara Pubbliċi kollha li jipprattikaw fil-kontej tal-applikant u fil-kontej ġirien.
Il-prattika ġenerali hija li l-ħatra bħala Nutara Pubbliċi joħduha s-solicitors biss. Meta persuna, li ma tkunx solicitor, tapplika biex tilħaq Nutar Pubbliku, il-Law Society teżiġi li l-petizzjonant jaħlef quddiem il-Prim Imħallef li mhux se jkun involut fi trasferimenti ta' proprjetà jew f’xogħol ġuridiku li normalment jitwettaq minn solicitor. Sabiex petizzjonant jinħatar bħala Nutar Pubbliku, l-ewwel irid jgħaddi minn eżami stabbilit mill-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi fl-Irlanda.
Nota:
Mistoqsijiet dwar ir-remunerazzjoni attwali tal-Avukat Ġenerali, tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, tas-Segretarji tal-Qorti u tax-Xeriffs, jistgħu jintbagħtu
- bil-posta elettronika jew
- bil-posta f'dan l-indirizz:
Human Resources
Department of Finance
Merrion Street
Dublin 2
Il-barristers jaħdmu għal rashom u l-qligħ tagħhom ivarja ħafna.
Is-solicitors jistgħu jaħdmu għal rashom (billi jkollhom il-prattika privata tagħhom) jew inkella jkunu impjegati, u l-qligħ tagħhom ivarja ħafna wkoll.
In-nutara jitolbu ħlas għal kull dokument notarizzat. Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola l-ħlas mitlub, iżda ġeneralment in-nutara jitħallsu skont il-ħin li jkunu ħadu u l-ivvjaġġar li jkunu għamlu, u abbażi tal-ammont li jkun mistenni li jitħallas professjonist għal servizz li jkun ipprovda.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.