Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Olanda

Din il-paġna tipprovdi deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fin-Netherlands.

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Prosekuturi

Organizzazzjoni

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika(Openbaar Ministerie, jew OM) huwa organizzazzjoni nazzjonali b’uffiċċji fir-reġjuni kollha tan-Netherlands. Jeżisti wkoll uffiċċju tal-prosekutur pubbliku nazzjonali li jiffoka fuq il-ġlieda (internazzjonali) kontra l-kriminalità organizzata, u uffiċċju tal-prosekutur pubbliku funzjonali biex jiġġieled il-kriminalità u l-frodi ambjentali u finanzjarji.

Hemm 10 uffiċċji tal-prosekuturi distrettwali, fejn il-prosekuturi pubbliċi, megħjuna minn esperti amministrattivi u legali, jittrattaw mijiet ta’ eluf ta’ kawżi kull sena. Jekk jitressaq appell, il-kawża tiġi riferuta lil wieħed mill-erba' uffiċċji tal-prosekuturi reġjonali. Ir-rappreżentant tal-OM f’dawn l-uffiċċji jissejjaħ l-avukat ġenerali (Advocaat-Generaal). Il-kapijiet prosekuturi pubbliċi u l-kapijiet avukati ġenerali jieħdu ħsieb dawn l-uffiċċji. Fil-livell nazzjonali l-OM huwa mmexxi mill-Bord tal-Prosekuturi Ġenerali (College van Procureurs-generaal) f’The Hague. Ir-responsabbiltà politika għall-OM hija fdata f’idejn il-Ministru għall-Ġustizzja. Flimkien mal-Bord tal-Prosekuturi Ġenerali, il-Ministru jiddeċiedi dwar il-prijoritajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

Rwol u dmirijiet

Kull persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali jkollha x’taqsam mal-OM. L-OM huwa l-uniku korp fin-Netherlands li jista’ jtella’ persuna ssuspettata l-qorti. Huwa jiżgura li r-reati kriminali jiġu investigati u li ssir il-prosekuzzjoni.

Għal dan l-għan, huwa jaħdem f’kollaborazzjoni mal-pulizija u ma’ servizzi oħra ta’ investigazzjoni. Il-prosekutur pubbliku huwa responsabbli mill-investigazzjonijiet. L-OM jissorvelja wkoll l-eżekuzzjoni xierqa tas-sentenzi tal-qorti: il-multi jridu jitħallsu, is-sentenzi ta’ priġunerija jridu jiġu skontati, u s-servizz komunitarju jrid jitwettaq. L-OM u l-imħallfin huma parti mill-ġudikatura. Għalkemm l-isem Netherlandiż tiegħu litteralment ifisser “ministeru pubbliku”, l-OM għalhekk ma huwiex ministeru fis-sens tas-soltu tat-terminu.

Mħallfin

Organizzazzjoni

Kull min jixtieq isir imħallef irid ikollu bosta snin ta’ esperjenza professjonali. Iktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti hija disponibbli hawnhekk. L-esperjenza professjonali tista’ tinkiseb permezz ta’ kors ta’ taħriġ intern mal-ġudikatura jew xi mkien ieħor fis-sistema ġudizzjarja. Il-ġudikatura tipprovdi t-taħriġ meħtieġ.

L-Imħallfin jinħatru mill-Kuruna, taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Ġustizzja u s-Sigurtà. Iċ-ċittadini Netherlandiżi biss jistgħu jinħatru fil-kariga ta’ mħallef. Il-kandidati jrid ikollhom lawrja fil-liġi minn università Netherlandiża.

L-individwi jistgħu jiġu nnominati għal ħatra fil-ġudikatura biss wara rakkomandazzjoni ta’ kumitat ta’ selezzjoni nazzjonali magħmul minn membri mid-diversi qrati, mis-Servizz tal-Prosekutur Pubbliku u minn individwi soċjalment attivi.

Imħallef jinħatar biex jamministra l-ġustizzja f’qorti speċifika. Tali ħatra tista’ sseħħ biss jekk il-qorti inkwistjoni tinnomina lill-imħallef prospettiv. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu s-sistema ta’ ħatriet kemm jista’ jkun oġġettiva.

L-imħallfin huma uffiċjali tal-gvern bi status speċjali. Wara li jinħatru, ma jistgħux jaċċettaw ħatra xi mkien ieħor. L-imħallfin jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jagħlqu 70 sena. Qabel dan, jistgħu jitneħħew mill-kariga kontra r-rieda tagħhom biss mill-ogħla qorti fin-Netherlands, il-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden), fuq talba tal-prosekutur ġenerali (procureur-general) ta’ din il-qorti.

Rwol u dmirijiet

Il-kompitu tal-imħallef huwa li jieħu deċiżjoni imparzjali fit-tilwim legali – inklużi l-kawżi li l-gvern ikun parti fihom. Biex tkun iggarantita l-imparzjalità fil-konfront tal-gvern, tintuża sistema speċjali ta’ selezzjoni u ta’ ħatra. Huwa għalhekk li l-istatus legali tal-imħallfin huwa differenti minn dak tal-uffiċjali l-oħra tal-gvern.

Il-Kostituzzjoni Netherlandiża teżiġi li l-imħallfin jieħdu deċiżjonijiet dwar it-tilwim, u tinkludi dispożizzjonjiet li jirregolaw l-istatus legali tal-membri tal-ġudikatura.

L-imħallfin jistgħu jisimgħu l-kawżi skont id-diskrezzjoni tagħhom, filwaqt li jkunu ggwidati mil-leġiżlazzjoni prevalenti. Huma jiddeterminaw ukoll, sa ċertu punt, il-progress prattiku tal-proċedimenti (pereżempju, it-tul ta’ ċerti partijiet tal-proċedimenti).

Hemm diversi dispożizzjonijiet statutorji li jirregolaw l-imġiba tal-imħallfin. L-iskop tagħhom huwa li jkun iggarantit li l-imħallfin jagħmlu xogħolhom b’mod imparzjali. Jekk parti fi proċediment ikollha xi dubji dwar l-imparzjalità tal-imħallef, il-liġi tipprovdi lil dik il-parti b’opportunità biex toġġezzjona li l-imħallef jisma’ l-kawża. Xi drabi, parti f’kawża ma tkunx sodisfatta b’ħidmet l-imħallef. Hawnhekk issir distinzjoni bejn id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti u l-imġiba tal-imħallef.

  1. Jekk in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ikun minħabba s-sentenza, il-parti li qed tilmenta ġeneralment ikollha l-possibbiltà li tressaq appell.
  2. L-ilmenti dwar l-imġiba ta’ mħallef jistgħu jitressqu quddiem il-bord tal-qorti fejn jipprattika l-imħallef inkwistjoni. Kull qorti għandha proċedura għall-ilmenti li tistipula r-regoli biex jiġu ttrattati l-ilmenti.

L-imħallfin iridu jiksbu għarfien espert f’mill-inqas żewġ oqsma. Normalment jisimgħu kawża f’ċertu qasam tal-liġi, imbagħad jaqilbu għal ieħor. Din is-sistema hija mfassla biex l-imħallfin ma jitħallewx jiffokaw għal wisq żmien u żżejjed fuq qasam wieħed ta’ għarfien espert.

L-imħallfin jaħdmu fi qrati distrettwali (rechtbanken). Dawn jinkludu mill-inqas erba’ setturi: wieħed għal-liġi ċivili, wieħed għal-liġi kriminali, wieħed għal-liġi amministrattiva u wieħed għal kwistjonijiet tal-qorti subdistrettwali. L-imħallfin li jaħdmu fis-settur tal-aħħar jissejħu kantonrechters, filwaqt li fis-setturi l-oħrajn jissejħu rechters. L-imħallfin li jaħdmu fil-qrati tal-appell (gerechtshoven) u fil-Qorti Suprema jissejħu raadsheren.

Il-kompożizzjoni tal-qrati meta jinstemgħu l-kawżi hija kif spjegat hawn taħt.

  • L-imħallfin fis-settur tal-qorti subdistrettwali jisimgħu l-każijiet weħidhom.
  • L-imħallfin tal-qrati distrettwali ġeneralment jisimgħu l-kawżi weħidhom, imma wħud mill-kawżi jridu jinstemgħu minn bord ta’ tliet imħallfin.
  • Bord ta’ tliet imħallfin jisma’ kawżi fil-qrati tal-appell, ħlief fejn każ bħal dan jista’ jinstema’ minn imħallef wieħed. Ir-regoli li jirregolaw dan huma stabbiliti fl-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġudikatura (Wet op de rechterlijke organisatie).
  • Ħames imħallfin jisimgħu kull kawża quddiem il-Qorti Suprema.

Il-Kunsill għall-Ġudikatura (Raad voor de rechtspraak) huwa responsabbli għar-regolazzjoni tal-professjoni.

Bażi ta’ data ġuridika

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web ġenerali dwar il-ġudikatura Netherlandiża, li huwa aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

Organizzazzjoni tal-professjonijiet legali

Avukati

Il-Kamra tal-Avukati tan-Netherlands (Nederlandse Orde van Advocaten) hija l-korp professjonali tad-dritt pubbliku għall-avukati kollha fin-Netherlands. L-attività ċentrali taI-Kamra tal-Avukati tan-Netherlands, li hija rregolata b’mod statutorju, hija s-sorveljanza tal-kwalità tas-servizzi li jagħtu l-avukati. Fost affarijiet oħra, il-kwalità tas-servizzi tal-avukati hija żgurata minn:

  • programm ta’ taħriġ komprensiv għall-avukati;
  • il-produzzjoni ta’ regolamenti u regoli oħra vinkolanti għall-avukati;
  • proċedimenti dixxiplinari;
  • informazzjoni u servizzi għall-membri; u
  • pariri lill-gvern Netherlandiż dwar il-pjanijiet ta’ politika u abbozzi ta’ leġiżlazzjoni.

Skont l-Att dwar l-Avukati (Advocatenwet) l-avukati kollha jridu jsiru membri taI-Kamra tal-Avukati tan-Netherlands. Bħalissa hemm aktar minn 18 000 avukat irreġistrat.

Il-konsulenti legali

Ma hemm l-ebda entità ċentralizzata li tirregola din il-professjoni.

In-nutara

Organizzazzjoni

L-Assoċjazzjoni Rjali Netherlandiża tan-Nutara tal-Liġi Ċivili (Koninklijke Notariële Beroepsorganisatie) tiddefendi l-interessi tan-nutara fin-Netherlands u tiżgura li jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom kif suppost.

Rwol u dmirijiet

Il-liġi teħtieġ strument notarili għal għadd ta’ ftehimiet u ta’ tranżazzjonijiet legali. L-aktar importanti fosthom huma:

  1. iċ-ċessjoni tal-proprjetà immobbli fin-Netherlands;
  2. il-ħolqien jew il-kanċellazzjoni tal-ipoteki;
  3. l-inkorporazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi jew privati b’responsabbiltà limitata (NVs u BVs) jew l-emendi tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom;
  4. it-twaqqif ta’ fondazzjonijiet jew ta’ assoċjazzjonijiet (inklużi l-kooperattivi) jew l-emendi fil-kostituzzjoni tagħhom;
  5. it-tfassil, l-emendi għat-testmenti u l-eżekuzzjoni tagħhom;
  6. it-tfassil jew l-emendi għall-kuntratti taż-żwieġ u għall-ftehimiet ta’ sħubija domestika rreġistrata;
  7. it-trasferiment ta’ ishma rreġistrati; u
  8. l-provvista ta’ rigali u ta’ donazzjonijiet f’att notarili.

Għal raġunijiet prattiċi, nutar ta’ spiss iwettaq anki tipi oħrajn ta’ tranżazzjonijiet legali u jista’ jabbozza tipi oħrajn ta’ ftehimiet. Dawn jinkludu, pereżempju, ftehimiet ta’ sħubija (sħubijiet kummerċjali, ċivili u limitati), ftehimiet bejn persuni li jikkoabitaw u dispożizzjonijiet sabiex kumpaniji privati b’responabbiltà limitata jkunu protetti minn terzi.

Professjonijiet ġuridiċi oħra

L-Organizzazzjoni Professjonali Rjali ta’ Uffiċjali Ġudizzjarji fin-Netherlands (Koninklijke Beroepsorganisatie van Gerechtsdeurwaarders, KBvG) hija rregolata mill-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Gerechtsdeurwaarderswet). Dan l-Att jagħti lill-KBvG – li l-uffiċjali ġudizzjarji kollha fin-Netherlands iridu jissieħbu fiha – il-kompitu li trawwem prattika tajba fi ħdan il-professjoni.

L-uffiċjali ġudizzjarji Netherlandiżi għandhom ir-responsabbiltà li jirċievu u jibagħtu dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali. Id-dokumenti li għandhom jiġu notifikati fin-Netherlands iridu jintbagħtu direttament lil uffiċjal ġudizzjarju. It-talbiet għal dan is-servizz iridu jsiru bl-Olandiż jew bl-Ingliż. It-talbiet ma jistgħux jintbagħtu lill-korp ċentrali Netherlandiż, l-Organizzazzjoni Professjonali Rjali ta’ Uffiċjali Ġudizzjarji fin-Netherlands. L-għajnuna tiegħu tista’ tintalab biss fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ddefiniti fl-Artikolu 3(c) tar-Regolament tal-UE msemmi iktar ’il fuq.

Servizzi legali pro bono

Għal konsulenza legali primarja, tista’ titlob l-għajnuna f’waħda mill-Help Desks Legali (Het Juridisch Loket). Hawnhekk tista’ titlob informazzjoni, pariri u kjarifika dwar kwistjonijiet legali. Il-Help Desks Legali huma l-ewwel post fejn wieħed għandu jmur biex jingħata għajnuna legali.

Jekk ikun meħtieġ, inti tintbagħat għand avukat jew medjatur privat, u dan ikun it-tieni post fejn tingħata l-għajnuna legali.

Is-servizzi ta’ informazzjoni kollha fil-help desks huma pprovduti mingħajr ħlas, fuq il-post jew bħala parti minn konsultazzjoni. Tista’ tikkuntattja dawn il-help desks bi problemi rigward id-dritt ċivili, id-dritt amministrattiv, id-dritt kriminali u d-dritt dwar l-immigrazzjoni.

Ġew stabbiliti total ta’ 44 Help Desk Legali. Dawn ġew mifruxa b’mod ġeografikament regolari fin-Netherlands kollha, biex kull ċittadin Netherlandiż ikollu aċċess faċli għas-servizzi legali.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tal-Help Desks Legali.

Links relatati

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika

Il-ġudikatura Netherlandiża u l-Qorti Suprema tan-Netherlands

Il-Kamra tal-Avukati tan-Netherlands

L-Assoċjazzjoni Rjali Netherlandiża tan-Nutara tal-Liġi Ċivili

L-Organizzazzjoni Professjonali Rjali ta’ Uffiċjali Ġudizzjarji fin-Netherlands

Help Desks Legali

L-aħħar aġġornament: 11/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.