- Prosekuturi
- Qrati ordinarji
- Professjonijiet legali fil-qrati
- Imħallfin
- Imħallfin onorarji
- Skrivana ġudizzjarji
- Assistenti ġudizzjarji
- Segretarji tal-qorti
- L-organizzazzjoni tal-professjonijiet ġuridiċi
- Nutara
- Professjonijiet ġuridiċi oħra
- Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' għajnuna legali (mingħajr ħlas)
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Prosekuturi
Organizzazzjoni
L-istruttura msemmija hawn taħt tikkonċerna s-servizz tal-prosekutur pubbliku u dipartimenti relatati oħra abbażi tal-Att tad-9 ta' Ottubru 2009.
Is-servizz tal-prosekutur pubbliku fil-Polonja jinkludi:
- Il-Prosekutur Ġenerali;
- prosekuturi f'unitajiet ordinarji fis-servizz tal-prosekuzzjoni u prosekuturi tal-militar li jaqgħu taħt il-Prosekutur Ġenerali;
- prosekuturi tal-Istitut tat-Tifkira Nazzjonali u l-Kummissjoni għall-Prosekuzzjoni tad-Delitti kontra n-Nazzjon Pollakk.
Il-Prosekutur Ġenerali huwa l-ogħla awtorità fis-servizz tal-prosekutur pubbliku u huwa maħtur mill-President tal-Polonja minn fost kandidati fuq parir tal-Kunsill Nazzjonali Ġudizzjarju u l-Kunsill Nazzjonali tal-Prosekuturi Pubbliċi. Il-Prosekutur Ġenerali jipprovdi lill-Prim Ministru b'rapporti annwali dwar l-attivitajiet tal-prosekuzzjoni. Il-prosekuturi ordinarji u tal-militar jiġu maħtura mill-Prosekutur Ġenerali minn lista ta' kandidati proposta mill-Kunsill Nazzjonali tal-Prosekuturi Pubbliċi.
L-unitajiet ordinarji tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika huma maqsuma f' erba' taqsimiet:
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali;
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Appell;
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali;
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali;
L-unitajiet tal-militar tas-servizz tal-prosekutur pubbliku hum maqsuma fi tliet taqsimiet:
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur Għoli tal-Militar;
- l-uffiċċji distrettwali tal-prosekutur tal-militar;
- l-uffiċċji tal-gwardjani tal-prosekutur tal-militar;
Il-prosekuturi pubbliċi tal-Istitut ta' Tifkira Nazzjonali u l-Kummissjoni għall-Prosekuzzjoni tad-Delitti kontra n-Nazzjon Pollakk jaħdmu fl-unitajiet organizzazzjonali li ġejjin:
- il-Kummissjoni għall-Prosekuzzjoni tad-Delitti kontra n-Nazzjon Pollakk;
- id-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-Prosekuzzjoni tad-Delitti kontra n-Nazzjon Pollakk;
- l-Uffiċċju tal-Ivvettjar;
- id-dipartimenti tal-Uffiċċju tal-Ivvettjar.
Il-liġi Pollakka tagħmel distinzjoni bejn il-prosekuturi pubbliċi li jiġu maħtura mill-Prosekutur Ġenerali u l-prosekuturi privati li huma parti mill-proċedimenti kriminali u li, skont ir-regoli tal-proċedura, jistgħu jgħinu lill-prosekuturi pubbliċi fil-ħidma tagħhom.
Il-liġi Pollakka tipprovdi għal firxa ta' assoċjazzjonijiet professjonali. Dawn jinkludu l-Kunsill Nazzjonali tal-Prosekuturi Pubbliċi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u l-assemblej u l-bordijiet tal-prosekuturi fl-uffiċċji tal-prosekuturi tal-appell. Madankollu, dawn il-korpi għandhom natura strettament interni u organizzattiva, u ma għandhomx la siti elettroniċi u l-anqas jipprovdu servizzi elettroniċi.
Għal aktar informazzjoni dwar is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika fil-Polonja, ara s-sit elettroniku tal- Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.
L-irwol u d-dmirjiet tas-servizz tal-prosekutur pubbliku:
Id-dmirijiet ewlenin tal-prosekuzzjoni pubblika jinkludu l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija tal-prosekuzzjoni f'kawżi kriminali.
B'mod partikolari, il-prosekuturi pubbliċi jwettqu dmirijiethom billi:
- jmexxu jew jissorveljaw proċedimenti ta' qabel il-proċess f'kawżi kriminali;
- jaġixxu bħala prosekutur pubbliku fil-qrati;
- jagħtu bidu għall-proċedimenti f'kawżi kriminali u ċivili, jippreżentaw rikorsi u jieħdu sehem f'proċedimenti tal-qorti f'materji ċivili, industrijali u tas-sigurtà soċjali, fejn meħtieġ, sabiex jiġu mħarsa l-istat tad-dritt, l-interess pubbliku u l-propjetà jew id-drittijiet taċ-ċittadini;
- jieħdu l-miżuri kif meħtieġa bil-liġi għal applikazzjoni korretta u uniformi tal-liġi;
- iwettqu riċerka dwar il-kriminalità u jieħdu azzjoni biex jiġġieldu u jipprevjenu l-kriminalità;
- jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw dejta minn proċedimenti mmexxija jew b'superviżjoni tagħhom skont l-Att;
- jikkooperaw mal-awtoritajiet sabiex jipprevjenu d-delitti u ksur ieħor tal-liġi;
- jikkooperaw u jieħdu sehem fi proċedimenti ikkoordinati minn awtoritajiet internazzjonali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità.
Id-drittijiet u l-obbligi tal-prosekuturi pubbliċi:
Il-prosekuturi pubbliċi jridu jaġixxu fil-limiti tal-liġi, iggwidati mill-prinċipju tal-imparzjalità u t-trattament indaqs taċ-ċittadini kollha. Irrispettivament mill-organizzazzjoni ġerarkika tas-servizz tal-prosekutur pubbliku, il-prosekuturi pubbliċi jwettqu dmirijiethom f'mod indipendenti. Il-prosekturi pubbliċi ma jistgħux ikunu mdaħħla fil-politika jew jaħdmu xogħol ieħor u huma mitluba jkompli jtejjbu l-kwalifiki tagħhom.
Il-prosekuturi pubbliċi jaħdmu primarjament fuq il-każijiet kriminali. Xi drabi huma jipparteċipaw ukoll f'kawżi ċivili li jikkonċernaw b'mod partikolari ir-rikonoxximent tal-paternità, it-terminazzjoni tas-setgħa tal-ġenituri jew l-inkapaċità ġudizzjarja, u f'kawżi amministrattivi li normalment jinvolvu l-propjetà immobbli u l-liġi dwar il-kostruzzjoni. F'kull uffiċċju tal-prosekutur reġjonali hemm prosekutur pubbliku imħarreġ fil-kooperazzjoni internazzjonali f'materji kriminali.
Qrati ordinarji
Organizzazzjoni
Il-qrati ordinarji fil-Polonja huma:
- il-qrati distrettwali;
- il-qrati reġjonali;
- il-qrati tal-appell.
Il-qrati ordinarji huma kompetenti (f'każijiet barra l-ġuriżdizzjoni tal-qrati amministrattivi, tal-qrati tal-militar u tal-Qorti Suprema) u jwettqu dmirijiet oħra marbuta mal-ġustizzja assenjati lilhom mil-liġi. Is-sentenzi tal-qrati jiġu sorveljati mill-Qorti Suprema skont il-liġi.
Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni fuq waħda jew aktar muniċipalitajiet (f'każijiet ġustifikati, jista' jkun hemm aktar minn qorti distrettwali waħda f'muniċipalità waħda, pereżempju fl-ibliet il-kbar).
Il-qorti reġjonali hija l-qorti tal-appell għall-qrati distrettwali kif ukoll il-qorti tal-prim istanza f'każijiet speċifiċi. Għandha ġuriżdizzjoni fuq tal-inqas żewġ qrati distrettwali (id-distrett tal-qorti amministrattiva tagħha).
Meta każ jinstema fil-prim istanza mill-qorti reġjonali, kull appell jinstema' mill-qorti tal-appell. Il-qorti tal-appell għandha ġuriżdizzjoni fuq mill-inqas żewġ qrati reġjonali (fl-appell).
Il-qorti tiġi preseduta mill-Imħallef Presjdenti. Huwa jiġi maħtur għal terminu fiss (erba' snin fil-qrati distrettwali u sitt snin fil-reġjonali u tal-appell).
Professjonijiet legali fil-qrati
Fil-Polonja, il-qrati ordinarji huma kompetenti (f'każijiet barra l-ġuriżdizzjoni tal-qrati amministrattivi, tal-qrati tal-militar u tal-Qorti Suprema) u jwettqu dmirijiet oħra marbuta mal-ġustizzja assenjati lilhom mil-liġi. L-għoti tal-ġustizzja hija r-rwol uniku tal-imħallfin. Id-dmirijiet marbuta mal-ġustizzja minbarra l-għoti tal-ġustizzja jitwettqu mill-iskrivana ġudizzjarji u l-iskrivana ġudizzjarji anzjani (u jistgħu ukoll jitwettqu mill-imħallfin jekk l-iskrivana ma jkunux jistgħu).
Imħallfin
Il-liġi Pollakka tagħmel distinzjoni bejn imħallfin tas-sengħa u imħallfin onorarji.
L-imħallfin għandhom dmirijiet marbuta mal-għoti tal-ġustizzja. Huma jinħatru għal perjodu indefinit mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura.
Fit-twettiq ta' dmirijiethom l-imħallfin huma indipendenti u huma suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u għal-liġi.
L-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin hija garantita mill- Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, li huwa korp kostituzzjonali.
L-indipendenza tal-ġudikatura hija garantita bis-saħħa tal-immunità ġudizzjarja u s-sigurtà tax-xogħol kif imnaqqxa fil-Kostituzzjoni.
L-imħallfin huma suġġetti għal azzjoni dixxiplinarja għal kull ksur tad-dmirijiet professjonali. Il-kwistjonijiet dixxiplinarji dwar l-imħallfin jinstemgħu: fil-prim istanza, mill-qrati tal-appell, u fit-tieni istanza, mill-Qorti Suprema.
Imħallfin onorarji
Ir-rwol tal-imħallfin onorarji fl-għoti tal-ġustizzja huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni Pollakka. L-imħallfin onorarji huma indipendenti u, bħal l-imħallfin professjonisti, huma suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-liġi. L-imħallfin onorarji għandhom drittijiet daqs l-imħallfin meta jiddeċiedu dwar kawża. Madankollu, għall-kuntrarju tal-imħallfin, l-imħallfin onorarji ma jistgħux jippresjedu proċess jew sessjoni jew (fil-prinċipju) jwettqu dmirijiet barra proċess.
Kemm fil-proċedimenti ċivili u kriminali, bħala regola, is-seduti ta' smigħ isiru fil-preżenza ta' mħallef uniku, jiġifieri mingħajr l-involviment ta' mħallfin onorarji. Madankollu, kemm il-liġijiet li jkopru ż-żewġ tipi ta' proċedura jipprovdu għal kategoriji ta' kawżi li, minħabba l-importanza soċjali tagħhom, jinstemgħu bl-involviment ta' mħallfin onorarji.
L-imħallfin onorarji jiġu maħtura mill-kunsilli muniċipali li joperaw fi ħdan il-ġuriżdizjoni tal-qrati konċernati. It-tul tal-kariga tagħhom huwa erba' snin.
Skrivana ġudizzjarji
L-iskrivana ġudizzjarji jaħdmu fil-qrati distrettwali u reġjonali fejn iwettqu d-dmirijiet marbuta mal-ġustizzja assenjati liljhom mill-qrati bil-liġi. L-iskrivana ġudizzjarji jiġu maħtura għal kariga mid-data indikata fl-istrument tal-ħatra. Huma jiġu maħtura mill-imħallef presjedenti tal-qorti tal-appell.
Fil-proċedimenti ċivili, l-iskrivana ġudizzjarji jeżerċitaw is-setgħat tal-qorti fi ħdan il-qafas tad-dmirijiet assenjati lilhom, sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor. Madankollu, fi proċedimenti li jinvolvu kawżi kriminali, reati minuri u tat-taxxa, l-iskrivana ġudizzjarji huma awtorizzati jagħtu rakkomandazzjonijiet u, fil-każijiet stipulati mil-liġi, deċiżjonijiet u ordnijiet.
B'hekk, l-iskrivana tal-qorti huma persunal tal-qorti awtorizzati jwettqu dmirijiet marbuta mal-ġustizzja li jaġixxu f'isem il-qrati fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilhom. Fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi tagħhom, l-iskrivana ġudizzjarji huma indipendenti f'dak li jirrigwarda s-sustanza tad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet tal-qrati mnaqqxa fil-liġi. Din l-indipendenza timplika illi l-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom huma separati mil-lat organizzattiv u funzjonali minn dawk ta' korpi oħra sabiex jiżguraw illi jwettqu l-azzjonijiet imnaqqxa fil-liġi b'mod indipendenti.
Skeda informattiva dwar l-iskrivana ġudizzarji. (374 Kb)
Assistenti ġudizzjarji
L-assistenti ġudizzjarji jwettqu dmirijiethom fil-qorti bi tħejjija għas-seduti ta' smigħ u biex jassiguraw l-operat intern bla xkiel tal-qorti (rigward l-għoti tal-ġustizzja u dmirijiet oħra marbuta mal-ġustizzja). Il-kandidati jintgħażlu permezz ta' kompetizzjoni.
Skeda informattiva dwar l-assistenti ġudizzarji. (374 Kb)
Segretarji tal-qorti
Is-segretarji tal-qorti huma impjegati fil-qrati ordinarji u jwettqu dmirijiet assoċjati mal-appoġġ amministrattiv għall-qrati għajr dawk riservati għal gruppi professjonali oħra, jiġifieri jieħdu l-minuti fis-seduti, jieħdu ħsieb l-imħallfin u jorganizzaw is-segretarjat tal-qorti. Id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stabbiliti mill-Att dwar il-Persunal tal-Qorti u mill-prosekutur pubbliku. Il-kandidati jintgħażlu permezz ta' kompetizzjoni.
Skeda informattiva dwar il-persunal tal-qorti (379 Kb)
L-organizzazzjoni tal-professjonijiet ġuridiċi
Avukati
L-avukati fil-Polonja jipprovdu servizzi legali sabiex iħarsu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini. Huma joffru assistenza legali u jippreparaw pariri legali. Jiżguraw ukoll illi l-partijiet jiġu rappreżentati fil-każijiet kriminali,ċivili, tal-familja u tal-minorenni, f'kawżi li jinvolvu l-liġi industrijali u tas-sigurtà soċjali u fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema.
L-ispeċjalizzazzjoni professjonali mhix obbligatorja fil-Polonja - l-avukati huma ħielsa jagħżlu l-qasam li fih jixtiequ jispeċjalizzaw. Madankollu, minħabba li l-liġi Pollakka tiggarantixxi konsulent maħtur mill-Istat għall-partijiet finanzjarjament żvantaġġati, l-avukati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi legali f'każijiet li jikkonċernaw oqsma differenti tal-liġi.
Hemm 24 assoċjazzjoni reġjonali tal-avukati u l- Kunsill Pollakk tal-Avukati li joperaw fuq livell nazzjonali. Dawn l-assoċjazzjonijiet professjonali huma responsabbli għar-rappreżentazzjoni u l-protezzjoni tad-drittjiet professjonali tal-avukati, għall-iżvilupp tal-ħiliet professjonali tagħhom, sabiex jipprovdu taħriġ għall-apprendisti u jistabbilixxu, jippromwovu u jeżegwixxu r-regoli tal-kondotta professjonali.
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal- Kunsill Pollakk tal-Avukati.
Konsulenti legali
Il-konsulenti legali jipprovdu servizzi legali lill-kumpanniji, negozji oħra, unitajiet organizzattivi u lill-individwi. Huma joffru assistenza legali u jippreparaw pariri legali. Għall-kuntrarju tal-avukati, jistgħu jkunu impjegati ta' partijiet oħra. Mill-1 ta' Lulju 2015 l-avukati u l-konsulenti legali gawdew mill-istess drittijiet proċedurali - il-konsulenti legali jistgħu jaġixxu bħala konsulenti tad-difiża fil-proċedimenti kriminali sakemm ma jkunux impjegati ta' partijiet oħra. Huma jistgħu jaġixxu wkoll f'każijiet li jinvolvu reati minuri u jaġixxu bħala konsulenti għad-difiża f'proċedimenti dixxiplinari.
L-assoċjazzjoni professjonali tal-konsulenti legali tikkonsisti f'19-il assoċjazzjoni reġjonali ta' konsulenti legali u l-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali li joperaw fuq livell nazzjonali. Dawn l-assoċjazzjonijiet professjonali huma responsabbli għar-rappreżentazzjoni u l-protezzjoni tad-drittjiet professjonali tal-konsulenti legali, għall-iżvilupp tal-ħiliet professjonali tagħhom, sabiex jipprovdu taħriġ għall-apprendisti u jistabbilixxu, jippromwovu u jeżegwixxu r-regoli tal-kondotta professjonali.
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal- Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali.
Nutara
Organizzazzjoni
Il-Ministru għall-Ġustizzja jaħtar lin-nutara u jassenjalhom l-uffiċċju tagħhom wara talba mill-persuni konċernati wara li jkun ikkonsulta lill-kunsill tal-kamra tan-nutara rilevanti. Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu wkoll is-setgħa li jkeċċi lin-nutara.
Il-Ministru għall-Ġustizzja jżomm reġistru tal-uffiċċji tan-nutara u jistabbilixxi r-rati massimi għat-tranżazzjonijiet nutarili.
In-nutara jiffurmaw assoċjazzjoni professjonali li tikkonsisti fi 11-il kamra nutarili u l- Kamra Nazzjonali tan-Nutara.
Ir-rwol u responsabbiltajiet
In-nutara jiġu maħtura jwettqu tranżazzjonijiet li jridu jiġu proċessati permezz ta' att nutarili (pereżempju trasferimenti ta' sjieda ta' propjetà) jew f'każijiet fejn il-partijiet imorru għal din l-għażla.
Il-professjoni nutarili hija professjoni ta' fiduċja pubblika. Bħala persuni li jgawdu mill-fiduċja pubblika u li jaġixxu f'isem l-Istat, in-nutara jridu jiggarantixxu s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet tal-propjetà immobbli.
In-nutara jwettqu dawn id-dmirijiet nutarili li ġejjin: ifasslu l-atti nutarili, iċ-ċertifikati tal-wirt (testmenti) u ċertifikati oħra, jippreżentaw dikjarazzjonijiet, jieħdu l-minuti, jfasslu protesti dwar ċedoli u ċekkijiet, iżommu l-flus kontanti, it-titoli, id-dokumenti u d-dejta fuq apparat għall-ħżin tad-dejta, jagħmlu entrati fi u jipproduċu kopji u estratti minn dokumenti, ifasslu l-atti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra fuq talba tal-partijiet u jwettqu attivitajiet oħra taħt dispożizzjonijiet separati.
It-tranżazzjonijiet nutarili li jsiru minn nutar skont il-liġi jitqiesu dokumenti uffiċċjali.
In-nutara jridu jmexxu l-attività tagħhom f'uffiċċji individwali tan-nutara. In-nutar jista' jaħdem f'uffiċċju wieħed biss, filwaqt li diversi nutara jistgħu jaħdmu flimkien f'uffiċċju wieħed skont ir-regoli li jirregolaw l-isħubijiet tal-liġi ċivili. F'dak il-każ, madankollu, kull nutar iwettaq id-dmirijiet tiegħu f'ismu u jġorr ir-responsabbiltà għat-tranżazzjonijiet li jkunu pproċessaw.
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal- Kamra Nazzjonali tan-Nutara (mhux disponibbli bl-Ingliż).
Professjonijiet ġuridiċi oħra
Il-liġi Pollakka tipprovdi għall-professjonijiet legali li ġejjin: bailiffs.
Bailiffs
Skont il-liġi Pollakka, il-bailiffs huma uffiċċjali ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni. Huma għandhom ukoll l-istatus ta' impjegati taċ-ċivil, għaliex dak l-istatus biss jagħti biżżejjed leġittimità lid-dmirijiet li jkunu wettqu, li għandhom impatt konsiderevoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet ċivili. Dawn id-dmirijiet jinkludu, l-ewwel u qabel kollox, miżuri ta' koerċizzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi tal-qorti u l-implimentazzjoni tad-dritt kostituzzjonali għal proċess ġust.
Is-setgħat tal-bailiffs jinkludu t-twettiq ta' proċedimenti ta' eżekuzzjoni f'kawżi ċivili.
Il-bailiffs jiġu maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja minn lista ta' kandidati li jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar il-Bailiffs u l-Eżekuzzjoni. Irid ikollhom lawrija fil-liġi, jkunu lestew perjodu ta' apprendistat, ikunu għaddew mill-eżami għall-bailiffs u lestew perjodu ta' probation ta' mill-inqas sentejn bħala bailiff assessur fuq probation.
Is-superviżjoni tal-bailiffs issir mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-imħallfin presedenti fil-qrati fejn jaħdmu l-bailiffs u mill-assoċjazzjonijiet tal-bailiffs - il-Kunsill Nazzjonali tal-Bailiffs u l-kunsilli tal-kamra tal-bailiffs.
Ara s-sit elettroniku tal- Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kunsill Nazzjonali tal-Bailiffs.
Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' għajnuna legali (mingħajr ħlas)
Fil-Polonja hemm għadd kbir ta' organizzazzjonijet li joffru dawn is-servizzi. Dawn jinkludu:
- ‘Blue Line’, li topera taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Familja, ix-Xogħol u l-Politika Soċjali biex tiġġieled kontra l-vjolenza domestika. Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku ta' Blue Line. dettalji ta' kuntatt: +48 22 668 70 00.
- Is-servizz tal-għajnuna legali jiġi pprovdut ukoll mill-Kliniċi tal-Liġi immexxija mill-istudenti tal-assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-fakultajiet tal-liġi tal-universitajiet ewlenin tal-Polonja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.