Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Svezja

Din it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fl-Isvezja Prosekuturi Imħallfin Avukati Nutara Professjonijiet legali oħrajn

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Professjonijiet legali — introduzzjoni

Prosekuturi

Organizzazzjoni

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika hu magħmul mill-Awtorità tal-Prosekuzzjoni (Åklagarmyndigheten) u mill-Awtorità tar-Reati Ekonomiċi (Ekobrottsmyndigheten). Iż-żewġ awtoritajiet jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta tal-Gvern (il-Ministeru tal-Ġustizzja). L-Awtorità tal-Prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Prosekutur Ġenerali u l-Awtorità tar-Reati Kriminali minn Direttur Ġenerali. Il-Prosekutur Ġenerali (Riksåklagare) huwa l-ogħla prosekutur fil-pajjiż u huwa responsabbli mis-servizz tal-prosekuzzjoni li huwa jmexxi wkoll.

Il-Prosekutur Ġenerali huwa responsabbli għall-iżvilupp legali, l-operat tal-Qorti Suprema u l-kompiti amministrattivi. Il-Prosekuturi Anzjani huma responsabbli għal oqsma partikolari tas-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-prosekuturi pubbliċi jinħatru mill-Prosekutur Ġenerali, u l-organizzazzjoni tagħhom tinqasam f’distretti tal-prosekuzzjoni u magħmula minn Prosekuturi Distrettwali. Uħud mill-prosekuturi distrettwali huma speċjalizzati f’qasam partikolari. Hemm 32 uffiċċju distrettwali tal-prosekuzzjoni. Hemm ukoll tliet uffiċċji internazzjonali tal-prosekuzzjoni u erbgħa nazzjonali, li jittrattaw tipi speċjali ta’ każijiet. Kull uffiċċju distrettwali tal-prosekuzzjoni jitmexxa minn Kap Prosekutur.

Il-prosekuturi kollha fis-Servizz tal-Prosekuzzjoni jieħdu d-deċiżjonijiet b’indipendenza totali, jiġifieri prosekutur anzjan ma jistax jiddeċiedi dwar x'deċiżjonijiet jittieħdu minn prosekuturi subordinati tiegħu f'każ li jkun f'idejn dan il-prosekutur subordinat. Biex issir prosekutur irid ikollok iċ-ċittadinanza Svediża. Qabel ma tkun tista’ tiġi aċċettat bħala prosekutur irid ikollok ukoll lawrja fil-liġi Svediża u lestejt perjodu ta’ taħriġ legali prattiku, ħdimt għal sentejn bħala skrivan f’qorti distrettwali jew f’qorti amministrattiva. F’ċerti ċirkostanzi, it-taħriġ legali f’pajjiż Skandinavu ieħor jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal lawrja fil-liġi. Il-prosekuturi jibdew bħala prosekuturi apprendisti għal disa' xhur, li waqthom ikollhom mentor li jiggwidahom f’xogħlhom. Wara dan, u qabel ma jinħatar Prosekutur Distrettwali, il-prosekutur jitħarreġ permezz ta' kors ta' sentejn, filwaqt li jagħmel ix-xogħol ta' prosekutur.

Hemm tliet ċentri għall-iżvilupp tal-prosekuzzjoni li jinsabu fi Stokkolma, f'Gothenburg u f’Malmö, li huma mmexxija minn Prosekutur Anzjan. Il-kompitu taċ-ċentri tal-iżvilupp huwa li jwettqu ħidma ta' metodoloġija u żvilupp legali fl-oqsma kriminali rispettivi tagħhom u jaġixxu ta' ċentri ta' għarfien fl-oqsma ta' responsabilità tagħhom. Iwettqu wkoll xogħol ta’ approfondiment legali u superviżjoni; eżempju ta’ dan huwa li l-appelli kollha kontra deċiżjonijiet tal-prosekutur jiġu trattati miċ-ċentri tal-iżvilupp.

Rwol u dmirijiet

Prosekutur għandu tliet dmirijiet prinċipali:

  • li jmexxi l-investigazzjonijiet tar-reati;
  • li jiddeċiedi jekk għandux jitressaq att ta' akkuża;
  • li jidher fil-qorti.

Il-prosekutur imexxi l-investigazzjoni preliminari fir-rigward ta’ reati li ma jkunux meqjusa minuri, fejn ikun hemm suspett raġjonevoli li r-reat twettaq minn persuna partikolari. Jekk ikun hemm raġunijiet speċjali, il-prosekutur jista’ jmexxi investigazzjoni f’każijiet oħrajn ukoll. Meta jmexxi l-investigazzjoni preliminari, il-prosekutur ikun responsabbli li jiżgura li r-reat jiġi investigat bl-aħjar mod possibbli. Fir-rigward ta’ reati inqas serji, l-investigazzjoni tkun kompletament f’idejn il-pulizija.

Meta l-investigazzjoni preliminari titmexxa minn prosekutur, huwa jew hija jkun/tkun assistit(a) mill-pulizija waqt l-investigazzjoni. Il-prosekutur jimmonitorja l-investigazzjoni b’mod kontinwu u jieħu deċiżjonijiet dwar il-miżuri u d-deċiżjonijiet investigattivi meħtieġa. Meta titlesta l-investigazzjoni preliminari, il-prosekutur jiddeċiedi jekk għandhomx jinfetħu proċedimenti legali. (Dan japplika wkoll fil-każ li l-pulizija tkun responsabbli għall-investigazzjoni preliminari.)

Aspett ieħor importanti fix-xogħol tal-prosekutur huwa t-tħejjija tal-każijiet u d-dehra tiegħu fil-qorti. Permezz tad-deċiżjonijiet li jressaq att ta’ akkuza u d-deskrizzjoni tar-reat li jagħti l-prosekutur, huwa jistabbilixxi l-qafas għall-proċedimenti kriminali fil-qorti. Ħafna mill-prosekuturi jqattgħu mill-inqas jum jew tnejn fil-ġimgħa fil-qorti.

Il-Prosekutur Ġenerali huwa l-uniku prosekutur li jista’ jibda jew ikompli l-proċedimenti fil-Qorti Suprema. Madankollu, huwa jista' jaħtar assistent prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jew jaħtar prosekutur pubbliku ieħor biex jirrappreżenta lill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Suprema.

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Iktar informazzjoni dwar il-prosekuturi hija aċċessibbli għall-pubbliku fil-websajt tal-Awtorità tal-Prosekuzzjoni.

Imħallfin

Organizzazzjoni

L-imħallfin permanenti (ordinarie domare) jinħatru mill-Gvern fuq rakkomandazzjoni minn korp konsultattiv indipendenti tal-istat, il-Bord tal-Proposti tal-Imħallfin (Domarnämnden). Fil-prinċipju, imħallef ma jistax jitkeċċa ħlief fiċ-ċirkostanzi stipulati fid-dokument kostituzzjonali magħruf bħala l-Istrument tal-Gvern (regeringsformen).

Biex issir imħallef irid ikollok ċittadinanza Svediża. Sabiex tkun tista' sservi bħala mħallef irid ikollok lawrja fil-liġi Svediża. F’ċerti ċirkostanzi, it-taħriġ legali f’pajjiż Skandinavu ieħor jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal lawrja fil-liġi. Ħafna mill-imħallfin permanenti jaħdmu bħala mħallfin fi qrati distrettwali jew amministrattivi, jew bħala mħallfin fi qrati tal-appell jew fi qrati amministrattivi tal-appell. Il-president tal-qorti tal-appell jew ta’ qorti amministrattiva tal-appell jissejjaħ il-president u l-president ta' qorti distrettwali jew ta’ qorti amministrattiva jissejjaħ il-lagman. L-Imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema jissejħu mħallfin (justitieråd).

Ħafna minn dawk li jinħatru mħallfin permanenti jkunu segwew il-perkors tradizzjonali fil-karriera tagħhom fejn ikunu għamlu sentejn bħala skrivana f'qorti distrettwali PDF (329 Kb) sv jew f'qorti amministrattiva PDF (281 Kb) sv u wara jkunu applikaw biex isiru skrivana (fiskal) f’qorti tal-appell jew f’qorti amministrattiva tal-appell. Wara li jkun għamel mill-inqas sena f’qorti bħal din, l-imħallef apprendist irid iservi ta' skrivan relatur f'qorti distrettwali jew f'qorti amministrattiva għal mill-inqas sentejn. Dan jiġi segwit b'mill-inqas sena servizz bħala aġent imħallef assoċjat f’qorti tal-appell jew f’qorti amministrattiva tal-appell. Wara li jtemm b’suċċess il-kors u jgħaddi minnu, l-apprendist imħallef jinħatar imħallef tal-appell assoċjat f'qorti tal-appell jew f'qorti amministrattiva tal-appell. L-iskrivani relaturi u l-imħallfin assoċjati huma eżempji ta' mħallfin mingħajr pożizzjoni permanenti li jistgħu jidhru fil-qrati. Il-qrati jħaddmu wkoll għadd ta’ avukati abbozzaturi PDF (280 Kb) sv u r-rapporteurs PDF (281 Kb) sv.

Il-qrati distrettwali, il-qrati tal-appell, il-qrati amministrattivi u l-qrati amministrattivi tal-appell kollha għandhom għadd ta’ mħallfin onorarji (nämndemän). L-imħallfin onorarji jinħatru għal terminu ta' erba’ snin minn

  • il-kunsill muniċipali fil-muniċipalitajiet fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti distrettwali;
  • il-kunsill tal-kontea fil-kontej fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti amministrattiva, tal-qorti amministrattiva tal-appell jew fil-qorti tal-appell.
    Matul il-votazzjonijiet konnessi mad-deliberazzjonijiet tal-qorti, kull imħallef onorarju jkollu vot wieħed.

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Għal aktar informazzjoni dwar l-imħallfin u l-imħallfin onorarji, ara l-websajt tal-qrati Svediżi. Għal imħallfin partikolari ara l-websajt tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Svediżi.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: Avukati

Avukati

Skont il-liġi Svediża, il-membri tal-Kamra tal-Avukati Svediża (Sveriges Advokatsamfund) biss jistgħu jużaw it-titolu ta’ advokat. Biex issir membru tal-Assoċjazzjoni, persuna trid:

  • tkun residenti fl-Isvezja jew f’pajjiż ieħor fl-UE jew fiż-ŻEE, jew fl-Isvizzera;
  • tkun għaddiet mill-eżamijiet li jikkwalifikawha biex issir imħallef – fl-Isvezja l-lawrija LL.M;
  • ikollha tliet snin esperjenza prattika ta' ħidma legali kwalifikata, u fiż-żmien tal-applikazzjoni għas-sħubija tkun tipprattika;
  • tkun temmet it-taħriġ tal-Kamra tal-Avukati u tkun għaddiet mill-eżami;
  • tkun persuna ta’ karattru tajjeb u f’aspetti oħrajn adattata biex tippratika ta’ avukat.
  • Fil-każ ta’ applikanti minn pajjiżi oħrajn tal-UE u taż-ŻEE jew mill-Isvizzera li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-taħriġ biex isiru avukati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, japplikaw regoli speċjali.
  • Id-deċiżjonijiet biex jiġu aċċettati membri ġodda jittieħdu mill-Bord tal-Kamra tal-Avukati.
  • Il-Kamra tal-Avukati Svediża twaqqfet b’inizjattiva privata fl-1887 u ngħatat status uffiċjali fl-1948 meta daħal fis-seħħ il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja attwali. Illum il-Kamra tal-Avukati għandha iktar minn 4 700 membru.
  • Il-Kamra tal-Avukati hija rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja u mill-karta tal-Kamra tal-Avukati stess, li hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Gvern. Il-Kamra tal-Avukati, li hija rregolata b'liġi privata, għandha l-għanijiet li ġejjin:
  • li żżomm standards etiċi u professjonali għoljin fil-professjoni ġuridika;
  • li timmonitorja l-iżviluppi legali u tiżgura li l-għarfien espert tal-Kamra tal-Avukati jagħti l-frott f’dak il-kuntest;
  • li tħares l-interessi professjonali ġenerali tal-membri tagħha u tippromwovi l-kooperazzjoni u l-kunsens bejniethom.
    Il-Kamra tal-Avukati għandha wkoll xi dmirijiet pubbliċi. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja jagħti lill-Kamra tal-Avukati kompiti amministrattivi, li permezz tagħhom tista’ tiffunzjona bħala awtorità pubblika, prinċipalment fi kwistjonijiet dixxiplinari.
    L-għanijiet tal-governanza tal-Kamra tal-Avukati huma li tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jfittxu konsulenza u pariri legali, jirċievu assistenza kwalifikata. Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja, il-membri għandhom id-dmir jobdu l-kodiċi tal-etika professjonali, u huma soġġetti għall-awtorità regolatorja u superviżorja tal-Kamra tal-Avukati u tal-Kanċillier tal-Ġustizzja. L-avukati huma taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina tal-Kamra tal-Avukati. Jekk il-Kumitat tad-Dixxiplina jqis li avukat ikun kiser il-Kodiċi tal-kondotta tal-Kamra tal-Avukati, il-Kumitat jista’ jimponi sanzjoni dixxiplinarja fuq il-membru konċernat.

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-websajt tal-Kamra tal-Avukati Svediża.

Konsulenza legali/konsulenti legali

Ma hemmx rekwiżit li l-konsulent legali fil-proċedimenti tal-qorti jkun avukat, iżda l-qorti trid tqis li l-konsulent legali jkun adattat. Fil-prinċipju, madankollu, l-avukati biss jinħatru bħala konsulenti difensuri pubbliċi.

Nutara

Organizzazzjoni

Barra min-Nutar pubbliku (ara hawn taħt), ma hemmx nutara speċjali fl-Isvezja.

Nutar pubbliku jinħatar mill-Bord Amministrattiv tal-Kontea (länsstyrelsen). Nutar pubbliku jrid ikun kwalifikat fil-liġi, ikun jaf il-lingwa Svediża u jkun adattat.

Rwol u dmirijiet

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Ma hemmx direttorju u/jew websajt dwar din il-professjoni li huwa disponibbli għall-pubbliku.

Madankollu f'xi websajts tal-Bordijiet Amministrattivi tal-Kontea hemm iktar informazzjoni dwar in-nutara pubbliċi.

Il-funzjoni tan-nutar pubbliku hija li jassisti lill-pubbliku f’diversi kwistjonijiet, bħal:

  • il-verifika ta’ firem, kopji, traduzzjonijiet u informazzjoni oħra li tirrigwarda l-kontenut ta’ dokumenti;
  • jidher fil-qorti biex jixhed f’ċerti każijiet;
  • is-superviżjoni tat-tlugħ tal-lotteriji;
  • wara spezzjonijiet jew eżamijiet oħrajn, jippreżenta rapport dwar il-kummenti tiegħu;
  • jilqa’ dikjarazzjonijiet dwar ċirkostanzi ta’ natura legali jew ekonomika u jwassal dawk id-dikjarazzjonijiet għand parti terza;
  • jikkonferma li awtorità jew persuna tkun awtorizzata biex twettaq ċerti miżuri;
  • jirrilaxxa ċertifikati skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 li Tneħħi l-Ħtieġa tal-Legalizzazzjoni għal Atti Pubbliċi Barranin (apostille).

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Ma hemmx direttorju u/jew websajt dwar din il-professjoni li huwa disponibbli għall-pubbliku.

Madankollu f'xi websajts tal-Bordijiet Amministrattivi tal-Kontea hemm iktar informazzjoni dwar in-nutara pubbliċi.

Professjonijiet legali oħrajn

L-Awtorità tal-Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten) hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-irkupru ta’ dejn u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn. Uffiċjali tal-eżekuzzjoni (kronofogde) huwa impjegat tal-Awtorità u huwa responsabbli biex jiżgura li l-irkupru jsir b’mod legali. Huwa possibbli titħarreġ bħala uffiċjal tal-eżekuzzjoni fl-Isvezja. Biex tiġi aċċettat għat-taħriġ trid tkun ċittadin Svediż, tkun ksibt lawrja fil-liġi jew kwalifika komparabbli u tkun skrivan kwalifikat tal-qorti (notarie). Huwa wkoll possibbli li minflok tkun skrivan tal-qorti tagħmel perjodu speċifiku ta’ taħriġ fuq ix-xogħol jew proċedura ta' dispensa.

L-aħħar aġġornament: 09/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.