Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

L-awtorità tal-ġenituri hija mekkaniżmu legali għall-protezzjoni u r-rappreżentazzjoni tat-tfal sakemm jilħqu età maġġuri jew isiru indipendenti. Din tkopri kemm il-persuna kif ukoll il-proprjetà tat-tifel/tifla. L-awtorità tal-ġenituri hija rregolata mill-Artikoli 371 u 387(b) u 203 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil).

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata awtomatikament mill-ġenituri legali tat-tifel/tifla, jiġifieri dawk il-persuni li jitqiesu tali bil-liġi minħabba konnessjoni ta’ paternità, maternità jew komaternità stabbilita permezz tad-demm, l-adozzjoni jew il-liġi. Jekk il-ġenituri bijoloġiċi mhumiex rikonoxxuti mil-liġi bħala l-ġenituri legali, dawn ma jistax ikollhom l-awtorità tal-ġenituri.

It-tfal jibqgħu taħt l-awtorità tal-missier u l-omm tagħhom sakemm jilħqu l-età maġġuri (18-il sena) jew isiru indipendenti. Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-għajxien, il-manteniment, is-saħħa, is-superviżjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-iżvilupp tat-tifel/tifla huma r-responsabbiltà tal-ġenituri (l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili).

Fost id-diversi setgħat tal-awtorità tal-ġenituri, issir distinzjoni bejn l-awtorità fuq il-persuna tat-tifel/tifla, il-ġestjoni tal-proprjetà tat-tifel/tifla u ċerti prerogattivi tal-awtorità tal-ġenituri. L-awtorità fuq il-persuna tat-tifel/tifla tista’ tiġi subdiviża f’“kustodja”, li tikkonsisti fl-“għajxien” mat-tifel/tifla (jiġifieri li wieħed jieħu ħsieb it-tifel/tifla, is-superviżjoni tat-tifel/tifla, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni marbuta mal-preżenza tat-tifel/tifla mal-ġenitur), u d-dritt għall-edukazzjoni, li jikkonsisti mit-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-manteniment, l-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tifel/tifla. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-proprjetà tat-tifel/tifla, issir distinzjoni bejn id-dritt ta’ amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tifel/tifla u d-dritt ta’ użu legali ta’ dik il-proprjetà. Prerogattivi speċjali huma s-setgħat tal-ġenituri relatati maż-żwieġ, l-adozzjoni u l-indipendenza tat-tifel/tifla.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

L-awtorità tal-ġenituri fuq il-persuna ta’ tifel/tifla ta’ età minuri normalment tiġi eżerċitata b’mod konġunt minn kull wieħed miż-żewġ ġenituri tat-tifel/tifla. Kemm jekk il-ġenituri jgħixux flimkien jew le u jekk humiex miżżewwġin jew le, jekk in-nisel tat-tifel/tifla minn kull ġenitur jiġi stabbilit, dawn jeżerċitaw (kull wieħed minnhom) b’mod konġunt il-prerogattivi differenti tal-awtorità tal-ġenituri (l-Artikoli 373 u 374 tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk in-nisel tat-tifel/tifla mill-missier jew l-omm ma jiġix stabbilit jew jekk wieħed minnhom huwa mejjet, nieqes jew ma jistax jesprimi r-rieda proprja, il-ġenitur l-ieħor jeżerċita din l-awtorità waħdu.

Fir-rigward ta’ partijiet terzi (li jaġixxu in bona fide), kull ġenitur huma meqjus li qed jaġixxi bil-qbil tal-ieħor meta jwettaq att ta’ awtorità tal-ġenituri waħdu (l-Artikolu 373 tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaqblu dwar kif jorganizzaw l-arranġamenti tal-għajxien tat-tifel/tifla, dwar deċiżjonijiet importanti li jirrigwardaw is-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħin rikreattiv tat-tifel/tifla, jew dwar kwistjonijiet ta’ reliġjon few filosofiċi, jew jekk kwalunkwe ftehim jidher li huwa għall-kuntrarju tal-interessi tat-tifel/tifla, il-qorti tal-familja (tribunal de la famille) tista’ tafda l-eżerċizzju waħdieni tal-awtorità tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri.

F’dan il-każ, skont l-arranġamenti stabbiliti, il-ġenitur l-ieħor iżomm (1) dritt ta’ superviżjoni, jiġifieri d-dritt li jinżamm infurmat dwar is-sitwazzjoni tat-tifel/tifla u li jirreferi għall-qorti tal-familja kompetenti jekk jemmen li l-ġenitur l-ieħor mhux qed jaġixxi fl-interessi tat-tifel/tifla, u (2) dritt ta’ kuntatt. Kuntatt bħal dan jista’ jiġi miċħud biss għal raġunijiet serji ħafna (l-Artikolu 374 tal-Kodiċi Ċivili).

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk la l-missier u lanqas l-omm ma jistgħu jeżerċitaw l-awtorità ta’ ġenitur, it-tifel/tifla se titqiegħed taħt tutela (l-Artikolu 375 tal-Kodiċi Ċivili).

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Fil-prinċipju, is-separazzjoni jew id-divorzju tal-ġenituri m’għandu l-ebda effett fuq ir-regoli li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri. Il-prinċipju legali huwa li kull wieħed miż-żewġ ġenituri tat-tifel/tifla jeżerċita b’mod konġunt l-awtorità ta’ ġenitur (ara l-punt 2). Dan ifisser li kull wieħed minn dawn jeżerċita, u jkompli jeżerċita, is-setgħat tal-awtorità ta’ ġenitur u li l-ebda ġenitur ma jista’ jieħu deċiżjoni waħdu li tipprevjeni l-ġenitur l-ieħor milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu jew tagħha. Ġenitur wieħed għalhekk irid jikseb il-qbil tal-ġenitur l-ieħor, inkella ma jkunx jista’ jaġixxi. Madankollu, fir-rigward pereżempju tal-arranġamenti tal-għajxien tat-tifel/tifla, il-ġenitur li miegħu jgħix/tgħix it-tifel/tifla se jieħu d-deċiżjonijiet rigward ir-rutini ta’ kuljum, il-manjieri tajbin, eċċ.

Il-ġenituri jistgħu jaqblu fuq l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, sakemm dan ikun fl-interessi tat-tifel/tifla.

Inkella, il-kwistjoni trid tiġi riferuta lill-qorti tal-familja, li tista’ tiddeċiedi li tafda l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri lil ġenitur wieħed biss (ara l-punt 2).

L-arranġamenti tal-għajxien tat-tifel/tifla, il-post fejn it-tifel/tifla tiddaħħal fir-reġistru tal-popolazzjoni, u l-arranġamenti għall-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-manteniment, l-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tifel/tifla kollha jridu jiġu deċiżi.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri ma għandhomx għaliex imorru quddiem il-qorti tal-familja u jistgħu jikkonkludu ftehim privat biex isolvu l-kwistjoni tal-awtorità tal-ġenituri fuq it-tifel/tifla. Sabiex jingħataw l-għajnuna f’din il-kwistjoni, il-ġenituri jistgħu fi kwalunkwe ħin, inkluż matul il-proċedimenti, jirrikorru għand medjatur akkreditat u mħarreġ kif xieraq (avukat, nutar jew medjatur akkreditat ieħor) (l-Artikolu 1730 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire)).

Jekk dawn jixtiequ jeżegwixxu din id-deċiżjoni jekk meħtieġ, il-ġenituri jridu jirreferu dan il-ftehim lill-qorti tal-familja kompetenti, li se teżamina jekk dan huwiex fl-interessi tat-tifel/tifla.

Fil-każ ta’ divorzju minħabba falliment irrekuperabbli taż-żwieġ (ara l-iskeda informattiva “Divorzju - Il-Belġju”), il-ġenituri jistgħu, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri, jitolbu l-qorti tal-familja tapprova l-ftehim dwar il-miżuri provviżorji li jikkonċernaw it-tifel/tifla. L-imħallef jista’ jirrifjuta li japprova dan il-ftehim jekk ikun kuntrarju għall-interessi tat-tifel/tifla.

Fil-każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku (ara l-iskeda informattiva “Divorzju - Il-Belġju”), il-partijiet iridu jindikaw, fil-ftehimiet tagħhom ta’ qabel id-divorzju, il-miżuri relatati mal-awtorità tal-ġenituri (l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, id-dritt ta’ kuntatt, l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tifel/tifla) u l-arranġamenti għall-kontribuzzjoni ta’ kull ġenitur għall-manteniment, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-taħriġ u l-iżvilupp tat-tifel/tifla, kemm matul il-proċeduri tad-divorzji kif ukoll wara dawn. Il-prosekutur pubbliku jagħti opinjoni u l-qorti tal-familja tista’ tneħħi jew temenda kwalunkwe dispożizzjoni li hija kuntrarja għall-interessi ta’ tfal ta’ età minuri. Il-qorti tal-familja tapprova d-divorzju u tapprova l-ftehimiet fir-rigward tat-tfal ta’ età minuri.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Meta jsir rikors, l-iskrivan tal-qorti jinforma lill-partijiet li dawn jistgħu jagħmlu rikors għal medjazzjoni, konċiljazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim amikevoli (l-Artikolu 1253b/1 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Barra dan, l-imħallef jista’ jipproponi lill-partijiet fi kwalunkwe ħin biex dawn jaraw jekk konċiljazzjoni jew medjazzjoni hijiex possibbli. Jekk il-partijiet jaqblu, l-imħallef jista’ jippostponi l-każ sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jaraw jekk jistgħux jilħqu ftehim jew jekk il-medjazzjoni tistax toffrilhom soluzzjoni, jew il-każ jista’ jiġi riferut lit-taqsima tar-riżoluzzjoni amikevoli (l-Artikolu 1253b/3 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Jekk il-partijiet jilħqu ftehim, il-qorti tapprova dan il-ftehim sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tat-tifel/tifla (l-Artikolu 1253b/2 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Kull parti tista’ tipproponi wkoll rikors għall-medjazzjoni irrispettivament minn kwalunkwe proċeduri fil-qorti (l-Artikolu 1730 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Kull ftehim li jintlaħaq permezz ta’ medjatur akkreditat jista’ jiġi approvat ukoll taħt il-kundizzjonijiet indikati hawn fuq.

Fl-aħħar nett, il-partijiet dejjem jistgħu jikkonsultaw esperti (ħaddiema soċjali, psikologi, psikjatri tat-tfal) biex jiksbu opinjoni informata jew jitolbu li jiġi maħtur espert fil-proċeduri tal-qorti. F’dawk il-proċeduri, il-prosekutur pubbliku jista’ jistaqsi lis-servizzi soċjali għal informazzjoni dwar it-tfal u l-qorti tal-familja se tikkunsidra l-fehmiet tat-tfal (l-Artikolu 1253b/6 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew jintlaħaq biss ftehim parzjali bejn il-ġenituri jew jekk il-ftehim huma kuntrarju għall-interessi tat-tifel/tifla, il-qorti tal-familja tiddeċiedi dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, filwaqt li tikkunsidra x-xewqat espressi mill-ġenituri, u mit-tifel/tifla jekk ikun/tkun kbir/a biżżejjed, kif ukoll is-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi tal-każ. Mistoqsijiet li jistgħu jiġu sottomessi lill-qorti jinkludu:

- l-eżerċitar konġunt jew waħdieni tal-awtorità tal-ġenituri (ara l-punt 2);

- il-post fejn it-tifel/tifla se jiddaħħal/tiddaħħal għall-ewwel darba fir-reġistru tal-popolazzjoni (= id-domiċilju);

- l-arranġamenti tal-għajxien tat-tifel/tifla (fin-nuqqas ta’ ftehim u fil-każ ta’ awtorità tal-ġenituri konġunta, huwa preferut li jkun hemm tqassim ugwali fl-arranġamenti tal-għajxien għat-tifel/tifla jekk mill-inqas wieħed mill-ġenituri jitlob dan. Jekk din mhijiex l-aħjar soluzzjoni, jistgħu jkunu previsti ħinijiet itwal ta’ residenza jew arranġamenti oħra. Il-qorti tal-familja se tikkunsidra ċ-ċirkostanzi u l-interessi speċifiki tat-tifel/tifla u tal-ġenituri);

- il-kontribuzzjoni tal-manteniment (sal-livell ta’ kapaċità tagħhom, kull ġenitur irid ikopri l-kostijiet tal-arranġamenti tal-għajxien, il-mantiment, is-saħħa, is-superviżjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tat-tifel/tifla).

Il-qorti tal-familja jista’ jkollha tiddeċiedi wkoll dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tifel/tifla. Il-partijiet jistgħu jirreferu wkoll mistoqsijiet speċifiċi lill-qorti, bħal kif se jinqasmu l-perjodi tal-vaganzi bejn il-ġenituri, il-kondiviżjoni ta’ ċertu spejjeż, ir-reġistrazzjoni fi skola, eċċ. Dan jiddependi fuq kull każ partikolari.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-fatt li wieħed mill-ġenituri jkollu l-awtorità waħdiena ta’ ġenitur ma jagħtihx id-dritt awtomatiku li jieħu deċiżjonijiet dwar it-tifel/tifla. Il-ftehimiet li jintlaħqu f’kull każ partikolari jridu jingħataw kunsiderazzjoni. Barra dan (ara l-punt 2), il-ġenitur l-ieħor iżomm id-dritt li jissorvelja l-edukazzjoni tat-tifel/tifla.

Il-bidla tar-residenza flimkien mat-tifel/tifla mingħajr ma jiġi infurmat il-ġenitur l-ieħor jista’ jaffettwa l-arranġamenti tal-għajxien tat-tifel/tifla, id-dritt ta’ kuntatt, eċċ. F’każ bħal dan, il-parti li ma tkunx ġiet innotifikata jew li ma taqbilx tista’ tapplika mal-qorti tal-familja (l-Artikoli 374 u 387a tal-Kodiċi Ċivili) jew, f’emerġenza u fejn huwa assolutament neċessarju, mal-imħallef li jisma’ r-rikorsi għal miżuri interim (juge des référés) (l-Artikolu 584, ir-raba’ paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

(Ara l-punt 2). Dan ifisser li kull wieħed jeżerċita, u jkompli jeżerċita, is-setgħat tal-awtorità tal-ġenituri (il-“kustodja” tat-tifel/tifla, l-eżerċitar tad-dritt għall-edukazzjoni tat-tifel/tifla, l-erżeċitar tad-dritt ta’ amministrazzjoni legali u użu tal-proprjetà tat-tifel/tifla) u li l-ebda ġenitur ma jista’ jieħu deċiżjoni waħdu li tipprevjeni lill-ġenitur l-ieħor milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu. Ġenitur wieħed għalhekk irid jikseb il-qbil tal-ġenitur l-ieħor, inkella ma jkunx jista’ jaġixxi. Madankollu, fir-rigward tal-“kustodja” tat-tifel/tifla pereżempju, il-ġenitur li miegħu qed jgħix it-tifel/tifla se jieħu deċiżjonijiet kif dovut dwar ir-rutini ta’ kuljum, il-manjieri tajbin, eċċ. Fir-rigward ta’ partijiet terzi (li jaġixxu in bona fide), kull ġenitur huma meqjus li qed jaġixxi bil-qbil tal-ieħor meta jwettaq att ta’ awtorità ta’ ġenitur waħdu (l-Artikolu 373 tal-Kodiċi Ċivili).

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Skont l-Artikolu 572a(4 ) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-qorti tal-familja tisma’ r-rikorsi dwar l-awtorità tal-ġenituri, l-arranġamenti tal-għajxien jew id-drittijiet ta’ kuntatt fir-rigward ta’ tfal ta’ età minuri. Id-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors jiddependu fuq l-azzjoni li qed titressaq.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Ċertu każijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-familja, bħall-każijiet li jirrigwardaw l-awtorità tal-ġenituri, l-arranġamenti tal-għajxien jew id-dritt ta’ kuntatt, huma meqjusin urġenti mil-liġi u jistgħu jitressqu permezz ta’ rikors inter partes, ċitazzjoni, jew petizzjoni konġunta. Każijiet bħal dawn jiġu deċiżi permezz ta’ sentenza interim. Jekk il-każ jitressaq permezz ta’ ċitazzjoni, il-limitu ta’ żmien huwa ta’ mill-inqas jumejn (ara l-Artikolu 1035, it-tieni paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fil-każijiet l-oħra, is-seduta inizjali trid isseħħ fi żmien mhux iktar minn 15-il ġurnata minn meta jitressaq ir-rikors fir-reġistru tal-qorti (l-Artikolu 1253b/4(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fil-każijiet kollha li jinvolvu tfal ta’ età minuri, il-partijiet iridu jidhru personalment mhux biss fis-seduta inizjali, iżda wkoll fis-seduti li matulhom jiġu diskussi mistoqsijiet dwar it-tfal u f’seduti fejn jitressqu l-argumenti orali (l-Artikolu 1253b(2), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Barra dan, kull minuri huwa intitolat li jinstema' fuq kwistjonijiet rilevanti li jirrigwardaw l-awtorità tal-ġenituri, l-arranġamenti tal-għajxien u d-dritt ta’ kuntatt (l-Artikolu 1004/1(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ir-regoli ordinarji japplikaw f’dan ir-rigward (ara l-iskeda informattiva “Għajnuna Legali - il-Belġju”).

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fil-każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, meta l-partijiet ikunu qablu dwar l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, fejn il-prosekutur pubbliku jkun ta opinjoni u fejn il-qorti tal-familja tkun approvat il-ftehimiet u approvat id-divorzju, fil-prinċipju, ma hemm l-ebda raġuni għat-tressiq ta’ appell.

F’każijiet oħra, id-deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri tista’ tiġi appellata fil-limitu ta’ żmien li normalment huwa ta’ xahar. Dan il-limitu ta’ żmien jibda minn meta tingħata s-sentenza jew min-notifika tagħha (appell kontra ordni li ssir fuq rikors unilaterali). L-għoti tas-sentenza kultant jiġi mdewwem (pereżempju, fuq it-talba tal-prosekutur pubbliku) sabiex jiġi estiżi dan il-limitu ta’ żmien.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Il-qorti tal-familja li tkun iddeċidiet l-iskeda ta’ kif it-tifel/tifla se tgħix ma’ kull wieħed mill-ġenituri jew li tkun ikkonfermat id-dritt ta’ kuntatt ta’ ġenitur jew anke ta’ parti terza tista’ żżid sussegwentement miżuri ta’ infurzar għad-deċiżjoni tagħha (l-Artikolu 387b(1), il-ħames subparagrafu, tal-Kodiċi Ċivili). Il-qorti tispeċifika n-natura ta’ dawk il-miżuri u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li tikkunsidra l-interessi tat-tifel/tifla, u, jekk tqis neċessarju, taħtar persuni awtorizzati biex jakkumpanjaw l-uffiċjal tal-qorti meta jeżegwixxi d-deċiżjoni. Il-qorti tal-familja tista’ tistabbilixxi pagament ta’ penali perjodiku biex tiżgura li d-deċiżjoni tiġi rispettata.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Sa mill-1 ta’ Marzu 2005, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, magħruf bħala “Brussell IIA”, id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fi Stat Membru (ħlief fid-Danimarka) li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma, fil-prinċipju, rikonoxxuti awtomatikament. Madankollu, ħlief għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ aċċess u r-ritorn ta’ tifel/tifla maħtufa, l-eżekuzzjoni tippresupponi li jkun sar rikors għall-eżekuzzjoni fil-qorti tal-familja, li se tiddeċiedi permezz ta’ sentenza interim.

Din il-proċedura simplifikata ma tapplikax, madanakollu, għal deċiżjonijiet mogħtija qabel din id-data barra mill-proċeduri tad-divorzju. F’dan il-każ, huwa rakkomandat li tiġi segwita l-proċedura normali għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kwalunkwe persuna interessata tista’ tippreżenta rikors mal-qorti tal-familja biex tikseb dikjarazzjoni ta' nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li tkun ingħatat f’pajjiż ieħor. Il-qorti tal-familja tista’ tissospendi l-proċeduri jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tkun qed tiġi appellata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati Belġjani fil-prinċipju japplikaw il-liġi tar-residenza abitwali tat-tifel/tifla.

Madanakollu, tapplika l-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tat-tifel/tifla jekk il-liġi tar-residenza abitwali tipprevjeni l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel/tifla milli jiġu protetti kif xieraq. Il-liġi Belġjana tapplika meta jkun materjalment jew legalment impossibbli li jittieħdu l-miżuri stipulati mil-liġi barranija inkwistjoni.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.