Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tfisser id-drittijiet, id-dmirijiet, is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-awtorità kollha li bil-liġi ġenitur ta’ wild minuri għandu fir-rigward tal-wild minuri u tal-proprjetà tiegħu. Dan jirreferi għal kwalunkwe obbligu li jista’ jkollu fir-rigward ta’ wild minuri (bħad-dmir ta’ manteniment) u kwalunkwe dritt li, fil-każ ta’ mewt tal-wild minuri, jista’ jkollu fir-rigward tal-proprjetà tal-wild minuri. Skont il-liġi tal-Ingilterra u ta’ Wales, ma ġiex iddikjarat li r-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi deċiżjonijiet dwar ma’ min għandu jgħix il-wild minuri u ma’ min għandu jqatta’ l-ħin il-wild minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Jekk il-ġenituri ta’ minuri jkunu miżżewġin jew fi sħubija ċivili, kemm l-omm kif ukoll il-missier (jew it-tieni ġenitur femminili) ikollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri. L-ommijiet dejjem ikollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-missirijiet mhux miżżewġin jew it-tieni ġenitur femminili li ma jkunux miżżewġin jew fi sħubija ċivili ma’ omm il-wild minuri jistgħu jiksbuha bi ftehim mal-omm, b’ordni tal-qorti jew billi jirreġistraw it-twelid flimkien ma’ omm il-wild minuri. Ġenitur bi żwieġ ieħor jista’ jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri bi qbil mal-ġenitur jew mal-ġenituri tal-wild minuri li jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew permezz ta’ ordni tal-qorti. Persuna li jkollha ordni dwar arranġamenti għall-wild minuri (child arrangements order) dwar ma’ min għandu jgħix il-wild minuri u meta, ikollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għad-durata tal-ordni, jew xi kultant għal aktar minn hekk. Il-ħruġ ta’ ordni ta’ adozzjoni jagħti responsabbiltà tal-ġenituri mingħajr limitu ta’ żmien, sakemm din ma tiġix revokata. It-tuturi speċjali (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3 aktar ’il quddiem) ikollhom responsabbiltà tal-ġenituri għad-durata tal-ordni. Awtorità tal-gvern lokali ikollha responsabbiltà tal-ġenituri għal wild minuri jekk il-wild minuri jkun soġġett għal ordni għall-ħarsien (care order). Persuna b’responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal (“1996 Hague Protection of Children Convention”) iżżomm dik ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta l-wild minuri jsir abitwalment residenti fl-Ingilterra u f’Wales; l-eżerċitar ta’ dik ir-responsabbiltà tal-ġenituri jsir skont il-liġi tal-Ingilterra u ta’ Wales.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Il-qorti tista’ taħtar tutur speċjali sabiex jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-wild minuri. Ġenitur bir-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jaħtar persuna sabiex tkun it-tutur tal-wild minuri f’każ li jmut il-ġenitur. L-awtorità lokali (l-awtorità ta’ protezzjoni soċjali) ikollha r-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-wild minuri jkun taħt il-ħarsien tagħha.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkunx affettwata jekk koppja tissepara, kemm jekk kienet miżżewġa kif ukoll jekk le. Il-qorti tista’ tillimita l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-qorti tqis li jkun xieraq li tagħmel hekk. F’xi każijiet il-qorti tista’ tneħħi r-responsabbiltà tal-ġenituri għalkollox (għalkemm ma tistax titneħħa minn ġenituri li jkunu miżżewġin flimkien).

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim irid isir f’formola ta’ Ftehim dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri (Parental Responsibility Agreement).

Id-dettalji tal-indirizzi tal-qrati jinsabu fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u tat-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Courts and Tribunals Service (HMCTS)). Il-formola tkun akkumpanjata minn noti ta’ gwida. Peress li t-tfassil tal-ftehim jaffettwa serjament il-pożizzjoni legali taż-żewġ ġenituri, it-tnejn li huma jingħataw parir li jieħdu parir legali qabel ma jimlew il-formola. Huma jistgħu jiksbu l-isem u l-indirizz ta’ avukat fil-post meħtieġ fl-Ingilterra u f’Wales mingħand Law Society Find a Solicitor Service (00 44 (0)20 7242 1222) jew minn fuq:

F’ċerti ċirkostanzi, dawn jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għall-għajnuna legali.

Il-ġenituri jridu jipprovdu evidenza tal-identità u l-firem tagħhom iridu jkunu attestati minn uffiċjal awtorizzat tal-qorti. L-omm għandha tieħu magħha l-qorti prova li hija omm il-wild minuri, u għalhekk tkun meħtieġa kopja taċ-ċertifikat tat-twelid sħiħ tal-wild minuri. Trid tagħti wkoll prova tal-identità tagħha, li turi ritratt u firma (pereżempju dokument b’ritratt, permess uffiċjali jew passaport). Il-missier ikollu bżonn jieħu prova tal-identità tiegħu, li turi ritratt u firma (pereżempju, dokument b’ritratt, permess uffiċjali jew passaport).

Il-formola trid tiġi ffirmata u għandhom isiru 2 kopji attestati. Il-formola oriġinali tal-Ftehim u l-kopji jistgħu jittieħdu jew jintbagħtu f’dan l-indirizz

The Central Family Court ,
First Avenue House,
42-49 High Holborn,
London WC1V 6NP.

Il-Qorti Ċentrali tal-Familja tirreġistra l-Ftehim u żżomm l-oriġinal. Il-kopji jiġu ttimbrati u jintbagħtu lura lil kull ġenitur fl-indirizz fuq il-Ftehim. Il-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ qabel ma jiġi rċevut u rreġistrat fil-Qorti Ċentrali tal-Familja. Ma hemm l-ebda tariffa għar-reġistrazzjoni ta’ Ftehim dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri. Jekk ikun hemm aktar minn wild wieħed ikkonċernat, għandha timtela formola separata għal kull wild.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Is-servizzi ta’ medjazzjoni huma disponibbli sabiex jgħinu lill-ġenituri jilħqu arranġament sodisfaċenti għat-trobbija futura tal-wild minuri. Kwalunkwe ftehim milħuq irid ikun irreġistrat mal-qorti. Ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi vvalidat il-ftehim u sabiex il-ftehim ikun jista’ jiġi eżegwit.

Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familja tista’ tinkiseb fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef jista’ jiddeċiedi ma’ min għandu jgħix il-wild minuri u meta. L-imħallef jista’ jiddeċiedi wkoll ma’ min għandu jqatta’ l-ħin il-wild minuri jew ma’ min ikollu kuntatt b’xi mod ieħor u meta. Il-ġenituri huma mħeġġa jilħqu ftehim dwar il-kuntatt. Il-qrati ma jiddeċidux dwar il-ħlasijiet ta’ manteniment għat-tfal għaliex, jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu bejniethom, dan isir mis-Servizz għall-Manteniment tat-Tfal (Child Maintenance Service). Il-ġenituri normalment jaqblu dwar liema skola se jattendi l-wild minuri; din tista’ tiġi deċiża mill-imħallef li jagħmel ordni speċifika dwar il-kwistjoni jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim. Il-wild minuri jżomm ismu stess sakemm ma jkunx ordnat mod ieħor mill-qorti. Il-qorti tista’ wkoll iżżomm lil persuna milli teżerċita parti mir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħha, billi tagħmel ordni dwar passi pprojbiti (prohibited steps order). Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll dwar it-tneħħija permanenti mill-ġurisdizzjoni u l-bidla tal-kunjom (ara l-mistoqsija 8 hawn taħt).

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-qorti tistenna li l-ġenituri jieħdu deċiżjonijiet flimkien bi ftehim. Jekk iż-żewġ ġenituri jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-ġenitur b’ordni ta’ arranġamenti għall-wild minuri rigward ma’ min għandu jgħix il-wild minuri jrid ikollu l-kunsens tal-ġenitur mhux residenti (u ta’ kwalunkwe persuna oħra b’responsabbiltà tal-ġenituri) sabiex ineħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit b’mod permanenti, jew ikollu l-permess tal-qorti. Il-ġenitur li miegħu jkun ordnat li jgħix il-wild minuri jista’ jmur jgħix xi mkien ieħor fi ħdan il-ġuriżdizzjoni (l-Ingilterra u Wales). Sabiex jinbidel il-kunjom tal-wild minuri huwa meħtieġ il-kunsens ta’ kulħadd b’responsabbiltà tal-ġenituri, jew il-permess tal-qorti.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-ġenituri jikkondividu r-residenza. Il-wild minuri jqatta’ parti minn ħinu ma’ kull wieħed kif ordnat mill-qorti. Jista’ jkun hemm effetti prattiċi fuq l-ammont ta’ manteniment li jitħallas għall-wild minuri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-familja skont l-Artikolu 4 tal-Att tal-1989 dwar it-Tfal. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-qorti jinsabu fis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u tat-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Courts and Tribunals Service). Il-formola tar-rikors tinsab ukoll f’dak is-sit web. Kull persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri trid tintbagħtilha kopja tal-formola tar-rikors. Id-dokumenti jiġu ppreżentati aktar tard, kif ordnat mill-qorti.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-proċedura hija kif spjegata aktar ’il fuq. Ma hemm l-ebda proċedura ta’ emerġenza sabiex tinkiseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tkun disponibbli biss meta tintwera evidenza ta’ vjolenza domestika.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva. Id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jiġu appellati minn imħallef fil-livell ta’ Mħallef Distrettwali (District Judge) quddiem imħallef fil-livell ta’ Mħallef taċ-Ċirkwit (Circuit Judge). L-appelli minn Imħallef Distrettwali tal-Qorti Superjuri (High Court) isiru quddiem imħallef fil-livell tal-Qorti Superjuri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija dritt, u minnha nnifisha ma tistax tiġi infurzata. In-nuqqas li tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jiġi ttrattat b’rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-familja sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni speċifika fit-tilwima, bħall-obbligu ta’ manteniment għall-wild minuri. Id-dettalji tal-indirizzi tal-qrati jinsabu hawnhekk.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Jekk tixtieq teżegwixxi ordni dwar id-drittijiet ta’ aċċess jew dwar l-Artikolu 11(8) minn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2001/2003 (Brussell IIa), għandek tikseb iċ-ċertifikat meħtieġ skont ir-Regolament mingħand il-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni u tippreżenta rikors lir-Reġistru Prinċipali (Principal Registry) fl-indirizz tal-Qorti tal-Familja Ċentrali (Central Family Court) għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni tal-ordni. Għar-reġistrazzjoni, għar-rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ordnijiet oħra, għandek tippreżenta rikors lir-Reġistru Prinċipali.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Ikollok topponi l-ħruġ ta’ ordni fil-qorti tal-ġuriżdizzjoni ta’ oriġini qabel ma tinħareġ l-ordni. Jekk il-liġi ta’ dak l-Istat tipprevedi hekk, kull min ikollu interess fil-kawża għandu jiġi informat li l-qorti qed tisma’ rikors għal ordni. Il-liġi ta’ dak l-Istat Membru tistipula x’azzjoni tkun tista’ tieħu biex topponi l-ħruġ tal-ordni.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-proċedimenti jridu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti fil-ġuriżdizzjoni fejn il-wild minuri jkun abitwalment residenti.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 10/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.