Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandu obbligu li jiżgura l-iżvilupp ibbilanċjat u l-benesseri tal-minuri skont il-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom. Għaldaqstant, l-iskop tar-responsabbiltà tal-ġenituri huwa li jiġu żgurati relazzjonijiet stretti u affettivi, speċjalment bejn il-minuri u l-ġenituri tagħhom.

Il-minuri jridu jiġu assigurati b’kura u trobbija tajbin, kif ukoll is-superviżjoni u l-protezzjoni li jikkorrispondu għall-età u l-istadju tal-iżvilupp tagħhom. Il-minuri għandhom jitrabbew f’ambjent sigur u stimulanti u jirċievu edukazzjoni li tikkorrispondi għall-inklinazzjonijiet u x-xewqat tagħhom.

Il-minuri jridu jitrabbew b’mogħdrija, sigurtà u affezzjoni. Ma jridux ikunu soġġetti għal piena korporali jew b’mod ieħor trattati b’mod abbużiv. Il-minuri għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa jilħqu l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-maturità tagħhom (l-Att dwar il-Kustodja tal-Minuri u d-Dritt ta’ Aċċess 361/1983, l-Artikolu 1)

Id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jrid jiżgura l-benesseri u l-iżvilupp tal-minuri kif deskritt hawn fuq. Għal dan l-iskop, huwa għandu d-dritt li jieħu deċiżjonijiet dwar il-kura, it-trobbija, il-post ta' residenza u kwistjonijiet oħra personali tal-minuri. Meta ttittieħed deċiżjoni, għandha titqies l-opinjoni tal-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Jekk il-ġenituri tal-minuri jkunu miżżewġin fil-mument tat-twelid tal-ulied, it-tnejn li huma għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin fil-mument tat-twelid tal-ulied, l-omm għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-ġenituri jistgħu jaqblu dwar min ikollu l-kustodja b’rabta mal-konferma tal-paternità. Jekk wieħed mill-ġenituri jkollu l-kustodja unika tal-minuri u l-ġenituri mbagħad jiżżewġu, iż-żewġ ġenituri jassumu r-responsabbiltà tal-ġenituri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Qorti tista’ tassenja l-kustodja tal-minuri lil persuna waħda jew aktar, bil-kunsens tagħhom, flimkien mal-ġenituri jew minflokhom. Id-deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-minuri u biss jekk ikun hemm raġuni konvinċenti fir-rigward tal-minuri biex tiġi assenjata l-kustodja lil persuna għajr il-ġenituri. Jekk il-ġenituri jkunu mejtin, il-bord ta’ assistenza soċjali jrid jieħu azzjoni biex jassenja l-kustodja tal-minuri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Il-kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess iridu dejjem jiġu ffissati bil-ħsieb tal-aħjar interessi tal-minuri u sabiex dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati bl-aħjar mod possibbli fil-futur. Il-ġenituri jistgħu jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, it-tilwima trid titressaq il-qorti.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim dwar il-kustodja tal-minuri jrid jitfassal bil-miktub, u l-ġenituri jistgħu jitolbu lill-awtorità lokali ta’ assistenza soċjali biex tivvalidah. L-awtorità ta’ assistenza soċjali trid tiżgura li l-ftehim ikun fl-aħjar interess tal-minuri. Ftehim ivvalidat mill-bord ta’ assistenza soċjali huwa validu u infurzabbli bl-istess mod bħal deċiżjoni finali tal-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Jekk il-konjuġi ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, dawn jistgħu jitolbu għal assistenza mingħand uffiċjal muniċipali għall-benesseri tal-minuri jew medjatur tal-familji. L-uffiċjali tal-benesseri tal-minuri jagħtu gwida lill-ġenituri u għandhom is-setgħa li jivvalidaw il-ftehimiet bejniethom. Ftehim ivvalidat jitqies bħala ekwivalenti għal deċiżjoni tal-qorti. Il-medjaturi tal-familji jassistu lill-ġenituri biex isolvu t-tilwim ta’ bejniethom permezz ta’ negozazzjoni, u jistgħu wkoll jagħtu assistenza biex jitfasslu ftehimiet. Il-medjaturi tal-familji jridu joqgħdu attenti b’mod speċjali li jiżguraw l-aħjar interessi ta’ kwalunkwe minuri fil-familja.

Is-setgħa ta’ deċiżjoni tal-qorti tkopri l-kustodja tal-minuri, l-arranġamenti ta’ għajxien, id-drittijiet ta’ aċċess u l-pagamenti ta’ manteniment. (L-Att dwar il-Medjazzjoni fi Kwistjonijiet Ċivili u Konferma ta’ Soluzzjonijiet fil-Qrati Ġenerali 394/2011, l-Artikolu 10). Il-medjazzjoni tal-qorti hija proċedura separata mill-proċeduri ġudizzjarji. Din tista’ tibda meta kawża pendenti fil-qorti tiġi riferita għal medjazzjoni fil-qorti jew b’talba diretta tal-partijiet tat-tilwima. Il-medjatur ikun imħallef assistit minn espert, normalment psikoloġista jew assistent soċjali. Ftehim ikkonfermat jitqies bħala ekwivalenti għal deċiżjoni tal-qorti. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, dan jiġi rritornat għall-proċeduri tal-qorti jew il-qorti tagħlaq il-kawża.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Is-setgħa ta’ deċiżjoni tal-qorti tkopri l-kustodja tal-minuri, l-arranġamenti ta’ għajxien u d-drittijiet ta’ aċċess. Jekk meħtieġ, il-qorti tista’ anke tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-kustodju kif ukoll dwar il-qsim tal-obbligi bejn il-kustodji. Meta tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ aċċess, il-qorti trid tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għaż-żjarat u dwar ma’ min se jgħixu l-minuri. Il-pagamenti ta’ manteniment jistgħu jiġu determinati wkoll flimkien mad-determinazzjoni tal-kustodja.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Fil-każ ta’ kustodju uniku, dan jieħu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-kura tal-minuri. Madankollu, id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tinkludi stipulazzjonijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-kustodju uniku, inkluż id-dritt li jibdel il-post ta' residenza tal-minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Kustodji konġunti jaqsmu r-responsabbiltà għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-minuri. Jekk il-kustodji jiġu separati, dawn jieħdu deċiżjonijiet ta’ kuljum relatati mal-minuri skont ma’ liema ġenitur jgħixu l-minuri. Madankollu, jenħtieġ il-kunsens taż-żewġ kustodji għal deċiżjonijiet maġġuri. Dawn jinkludu, pereżempju, il-bdil tad-denominazzjoni reliġjuża jew tal-post ta’ residenza tal-minuri, passaport barrani, deċiżjonijiet edukattivi u kwistjonijiet ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kura fi sptar.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Għandu jiġi ppreżentat rikors bil-miktub għall-kustodja jew għad-drittijiet ta’ aċċess quddiem il-qorti distrettwali (käräjäoikeus) tal-post ta’ residenza tal-minuri. Ir-rikors jista’ isir minn ġenitur wieħed jew mit-tnejn li huma, mill-kustodju jew mill-bord ta’ assistenza soċjali. Fir-rikors għandhom jiġu ppreżentati talba u r-raġunijiet għat-talba. Irid jiġi inkluż kwalunkwe dokument li għandu jintuża bħala evidenza. Ir-rikors irid jiġi ffirmat u jintbagħat lill-qorti distrettwali personalment jew minn rappreżentant awtorizzat. Ir-rikors jista’ jintbagħat ukoll bil-posta jew b’faks. Il-kawża ssir pendenti meta l-qorti distrettwali tirċievi r-rikors.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

F’kawżi ta’ kustodja, jiġi applikat l-Att dwar il-Kustodja tal-Minuri u d-Dritt ta' Aċċess. Skont dan l-Att, il-qorti trid tagħti l-opportunità lill-ġenituri u lill-kustodju li jitkellmu waqt is-smigħ tal-kawża dwar il-kustodja jew id-drittijiet ta’ aċċess. Il-minuri jistgħu jinstemgħu fil-qorti, jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti li jagħmlu dan neċessarju sabiex tiġi solvuta l-kawża. Il-qorti normalment tingħata wkoll rapport dwar iċ-ċirkustanzi tal-minuri mingħand il-bord ta’ assistenza soċjali.

Meta l-kawża tkun pendenti, il-qorti tista’ tagħti ordni interim dwar ma’ min għandhom jgħixu l-minuri u dwar id-drittijiet ta’ aċċess u kundizzjonijiet relatati. F’ċirkustanzi speċjali, il-qorti tista’ tassenja kustodja temporanja sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali. Ordni interim tal-qorti ma tistax tiġi appellata. Hija tkun valida sakemm il-qorti tieħu deċiżjoni finali.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F’kawżi ta’ kustodja jkun hemm għajnuna legali disponibbli. L-aċċess għall-għajnuna legali jiddependi fuq l-introjtu personali. Hawnhekk issib aktar informazzjon dwar l-għajnuna legali fil-Finlandja: https://oikeus.fi/oikeusapu/en/index.html..

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Deċiżjoni minn qorti distrettwali tista’ tiġi appellata fil-qorti tal-appell (hovioikeus).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma infurzati kif previst fl-Att dwar l-infurzar tad-deċiżjonijiet dwar il-kustodja tal-minuri u d-dritt ta’ aċċess 619/1996. Int trid titlob l-infurzar bil-miktub fil-qorti distrettwali tal-post ta’ residenza tal-minuri jew tal-parti opposta. Madankollu, l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jintalab mingħand uffiċjal ġudizzjarju jekk id-deċiżjoni tkun inħarġet inqas minn tliet xhur qabel. Id-deċiżjoni trid tkun inkluża fir-rikors.

Meta tirċievi r-rikors u dikjarazzjoni mingħand il-parti l-oħra, il-qorti normalment tassenja medjatur mill-bord ta’ assistenza soċjali biex imexxi l-każ. Il-medjatur jikkuntattja lill-ġenituri u jiddiskuti l-kwistjoni magħhom u, jekk possibbli, mal-minuri. Il-medjatur jipprova wkoll jorganizza laqgħa konġunta maż-żewġ ġenituri. Il-medjatur imbagħad jirrapporta lill-qorti, u wara l-qorti tiddeċiedi dwar il-każ. Il-qorti tista’ tordni wkoll li l-minuri jiġu eżaminati minn tabib.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri trid tiġi infurzata, il-parti l-oħra tkun obbligata ċċedi l-minuri. Id-deċiżjoni tista’ tiġi rrinfurzata b’multa kundizzjonali. Bħala l-aħħar rimedju, il-minuri jistgħu jiġu sseparati bil-forza mill-parti li tirrifjuta li tikkonforma mad-deċiżjoni.

Jekk qorti distrettwali tordna li l-minuri jittieħdu bil-forza, il-medjazzjoni xorta tista’ tibqa’ għaddejja fuq talba tal-uffiċjal ġudizzjarju.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 jiġi applikat fir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meħuda fi Stat Membru ieħor li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Dan ir-Regolament ma japplikax għad-Danimarka.

Skont ir-Regolament, sentenza rigward it-taħlil taż-żwieġ trid tiġi rikonoxxuta min Stati Membri oħrajn mingħajr proċeduri speċjali. Madankollu, parti interessata tista’ titlob għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta jew le. Ir-rikors għal rikonoxximent jiġi ppreżentat fil-Finlandja quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tal-minuri.

Id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meħuda fid-Danimarka, u fl-Iżvezja, id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għajr dawk meħuda skont ir-Regolament imsemmi hawn fuq, jiġu infurzati abbażi tal-Att dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi Nordiċi dwar it-talbiet tad-dritt ċivili tal-1977 (laki yksityisoikeudellista vaatimusta koskevien pohjoismaisten tuomioiden tunnustamisesta ja täytäntöönpanosta 588/1977). Ma tingħata l-ebda konferma separata tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni. It-talbiet għal infurzar jitressqu quddiem il-qorti distrettwali.
Kull deċiżjoni barranija oħra dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi rikonoxxuta fil-Finlandja mingħajr ebda konferma speċifika. Madankollu, jekk isir rikors, il-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki tkun tista’ tikkonferma r-rikonoxximent jew in-nonrikonoxximent ta’ deċiżjoni fil-Finlandja.

Ir-rikors għall-infurzar ta’ deċiżjoni infurzabbli ta’ kustodja jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza jew tal-post ta' residenza temporanju tal-minuri jew tal-parti opposta (Ara l-Artikolu 14 hawn fuq għal aktar informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ infurzar).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-istess proċedura speċifikata fl-Artikolu 15.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-leġiżlazzjoni Finlandiża tiġi applikata fil-proċeduri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jitmexxew fil-Finlandja.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.