Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Franza
Contenuto fornito da
European Judicial Network
Rete giudiziaria europea (in materia civile e commerciale)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fi Franza, l-awtorità tal-ġenituri hija ddefinita bħala ġabra ta’ drittijiet u dmirijiet li jservu l-aħjar interessi tal-minuri.

Din ir-responsabbiltà tibqa’ fuq il-ġenituri sakemm il-minuri jilħaq l-età maġġuri jew isir emanċipat.

Il-ġenituri għandhom id-dmir li jipproteġu s-sigurtà, is-saħħa u l-valuri morali tat-tfal, li jedukawhom u jippermettu l-iżvilupp tagħhom, bir-rispett dovut lejhom bħala individwi.

Huma għandhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu r-residenza abitwali tal-minuri, speċjalment jekk il-ġenituri jkunu separati. Huma jridu jipprovdu lill-minuri post fejn jgħix jew, jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, iridu jagħmlu arranġamenti biex dan imur jgħix ma’ terza persuna.

L-ommijiet u l-missirijiet għandhom id-dritt u d-dmir ta’ superviżjoni u jridu jieħdu ħsieb it-tfal u jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Jistgħu jissorveljaw jew saħansitra jipprojbixxu r-relazzjonijiet tat-tfal ma’ partijiet terzi minħabba l-età tagħhom. Huma jridu jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal li jkollhom relazzjoni personali man-nanniet tagħhom.

Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li t-tfal tagħhom jingħataw edukazzjoni. Din tinkludi l-edukazzjoni skolastika, it-taħriġ vokazzjonali, il-moralità u l-ħajja ċivika. Huma responsabbli biex jiddeċiedu l-orjentazzjoni reliġjuża tal-minuri, bir-rispett dovut lejh bħala individwu. Huma jiddeċiedu dwar kwalunkwe kura medika li għandu jingħata l-minuri.

Peress li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, l-ommijiet u l-missirijiet huma wkoll rappreżentanti statutorji tat-tfal tagħhom u, f’dik il-kapaċità, jirrappreżentawhom f’kull materja ċivili u jiġġestixxu l-proprjetà tagħhom.

Irrispettivament minn jekk jeżerċitax awtorità tal-ġenituri jew le, kull ġenitur irid jikkontribwixxi għall-manteniment u għall-edukazzjoni tat-tfal b’mod proporzjonat għall-mezzi tagħhom u l-ħtiġijiet tal-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

L-awtorità tal-ġenituri hija r-responsabbilità taż-żewġ ġenituri. Fi Franza l-kunċett ta’ setgħa tal-ġenituri tneħħa fl-1970.

Il-kunċett ta’ awtorità tal-ġenituri huwa distint mill-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri. Ġenitur jista’ jkollu awtorità tal-ġenituri mingħajr ma jeżerċitaha.

Fil-prinċipju, iż-żewġ ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġuntament ħlief f’każijiet fejn ir-rikonoxximent tal-paternità jdum aktar minn sena wara t-twelid tat-tarbija (f’dak il-każ dikjarazzjoni konġunta quddiem qorti jew deċiżjoni mill-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) biss tippermetti l-eżerċitar konġunt tal-awtorità tal-ġenituri). L-omm tista’ għalhekk teżerċita l-awtorità tal-ġenituri waħedha, iżda l-prinċipju huwa eżerċizzju konġunt miż-żewġ ġenituri.

Il-missirijiet u l-ommijiet li jeżerċitaw konġuntament l-awtorità tal-ġenituri fuq minuri jridu jieħdu deċiżjonijiet konġunti dwar kull kwistjoni importanti li taffettwah (tibdil ta’ residenza, tibdil ta’ skola, interventi kirurġiċi, eċċ.).

Ġenituri li għandhom awtorità tal-ġenituri iżda ma jeżerċitawhiex xorta jridu jiġu infurmati bid-deċiżjonijiet importanti meħuda mill-ġenitur l-ieħor sabiex jeżerċitaw id-dritt u d-dmir tagħhom ta’ “superviżjoni”. Huma jridu jiġu infurmati sabiex ikunu jistgħu jgħarrfu lis-servizzi soċjali jew lill-qorti jekk ikun meħtieġ fil-każ ta’ problemi kbar. Huma xorta għandhom id-dmir li jikkontribwixxu għall-manteniment u għall-edukazzjoni tat-tfal u għalhekk jista’ jkollhom iħallsu l-manteniment. Il-qorti tista’ tiddeċiedi jekk l-awtorità tal-ġenituri għandhiex tiġi eżerċitata konġuntament jew b’mod esklużiv.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk il-ġenituri ma jkunx jistgħu jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom temporanjament, huma jistgħu jafdawhom lil terzi persuni. Huma jistgħu anke jippreżentaw rikors quddiem qorti sabiex l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri jiġi ddelegat lil dawk it-terzi persuni. Id-delega mbagħad tkun volontarja.

Jekk il-ġenituri jkunu qed iqiegħdu lill-minuri tagħhom f’riskju, il-qorti tat-tfal li lilha l-każ ikun ġie rrinvijat miż-żewġ ġenituri jew minn wieħed mill-ġenituri, mill-persuna li tkun ġiet fdata bil-kura tal-minuri, mit-tutur tal-minuri jew mill-minuri nnifsu, jew mill-Prosekutur Pubbliku, tista’ tordna t-tqegħid tal-minuri u tgħaddih lil terza persuna jew lis-Servizz għall-Benesseri tat-Tfal (Aide Sociale à l’Enfance) taħt l-awtorità tal-President tal-Kunsill Reġjonali (Conseil départemental).

Bħala regola ġenerali, jekk ikun ċar li l-ġenituri mhumiex interessati jew mhumiex kapaċi jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri kollha jew parti minnha, l-individwu, l-istituzzjoni jew is-Servizz għall-Benesseri tat-Tfal li fih tqiegħed il-minuri jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qorti biex l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri jiġi ddelegat lilhom bis-sħiħ jew parzjalment. Xi drabi din tissejjaħ delega eżekuttiva tal-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri.

Meta miżura protettiva tiġi imposta fuq il-ġenituri (eż. tutela jew kurazija), dawn mhux neċessarjament jiġu mċaħħda mill-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri. F’ċerti ċirkostanzi, jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri jew tat-tutela xorta jista’ jiġi ddelegat għall-benefiċċju tal-minuri.

Jekk il-ġenituri jkunu mietu jew ġew imċaħħda mill-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri (b’mod partikolari ġenitur li huwa assenti jew li ma jistax jesprimi x-xewqat tiegħu), tiġi stabbilita t-tutela. F’dan il-każ jinħatar kunsill tal-familja, magħmul minn tal-anqas erba’ persuni magħżula b’kunsiderazzjoni tal-interessi tal-minuri, u mill-membri tiegħu jintgħażel tutur u tutur awżiljarju. It-tutela tiġi mmonitorjata mill-Imħallef tal-Qorti tal-Familja (juge aux affaires familiales), li jaġixxi bħala l-imħallef għat-tuturi tal-minuri.

L-awtorità tal-ġenituri hija funzjoni tal-ordni pubbliku. Hija dritt inaljenabbli. Il-ġenituri ma jistgħux jirrinunzjaw għal dan id-dritt.

Fir-rigward tal-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, jistgħu jagħmlu ċerti arranġamenti jew jiddeċiedu li wieħed miż-żewġ ġenituri biss għandu jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, iżda dan irid ikun kompatibbli mal-interessi tal-minuri.

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, hija meħtieġa deċiżjoni tal-qorti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri. Id-delega tal-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri lil terza persuna hija dejjem soġġetta għas-superviżjoni mill-qorti.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Is-separazzjoni tal-ġenituri ma taffettwax ir-regoli dwar it-trasferiment tal-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri. It-tnejn iridu jkomplu jieħdu ħsieb it-tfal u jieħdu deċiżjonijiet konġunti fl-interess tat-tfal.

Jekk ma jkunux jistgħu jaqblu, l-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fil-proċedimenti tad-divorzju jew fil-proċedimenti dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, filwaqt li jqis:

1. il-prattika li l-ġenituri kienu jsegwu qabel jew kwalunkwe ftehim li setgħu għamlu qabel;

2. l-opinjonijiet espressi mill-minuri meta nstema’ mill-imħallef;

3. il-kapaċità ta’ kull ġenitur li jaqdi d-dmirijiet tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-parti l-oħra;

4. ir-riżultat ta’ kwalunkwe perizja, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-età tal-minuri;

5. l-informazzjoni miksuba minn kwalunkwe inkjesta jew kontroinkjesta mis-servizzi soċjali;

6. pressjoni jew vjolenza fiżika jew psikoloġika minn ġenitur kontra l-ieħor.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri jistgħu jaqblu dwar l-azzjonijiet kollha li għandhom jiġu deċiżi fl-interess tal-wild minuri tagħhom u jfasslu ftehim tal-ġenituri, waħedhom jew bl-għajnuna ta’ medjatur u/jew tal-avukati tagħhom.

Imbagħad jistgħu jitolbu lill-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) japprova l-ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri u jistabbilixxi l-kontribuzzjoni għall-manteniment u għall-edukazzjoni tal-minuri sabiex dan isir eżegwibbli.

L-imħallef ma jistax jemenda l-ftehim u japprovah dment li ma jsibx li ma jissalvagwardjax b’mod adegwat l-interessi tal-minuri jew li l-ġenituri ma jkunux taw il-kunsens tagħhom liberament. L-imħallef jista’ jagħti deċiżjoni mingħajr smigħ.

F’divorzju kunsenswali, iż-żewġ ġenituri u l-avukati tagħhom jistgħu jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fil-ftehim tad-divorzju tagħhom. Il-ftehim jiġi ffirmat miż-żewġ konjuġi u mill-avukati tagħhom wara perjodu ta’ riflessjoni ta’ mill-inqas 15-il jum u l-oriġinal jiġi rreġistrat għand nutar, u b’hekk isir eżegwibbli.

Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ divorzju kunsenswali f’att minn avukat bl-att oriġinali rreġistrat ma’ nutar, hemm bżonn ta’ azzjoni min-naħa ta’ mħallef sabiex il-ftehim bejn il-ġenituri dwar l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri jsir eżegwibbli.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim u ma jkunux jixtiequ jidħlu l-qorti, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jistgħu jirrikorru għall-medjazzjoni tal-familja.

L-għan tal-medjazzjoni tal-familja huwa li l-ġenituri jerġgħu jibdew jikkomunikaw bejniethom u tgħinhom jaslu għal ftehim, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet ta’ kull ġenitur u aktar u aktar dawk tat-tfal. Din tipprovdi forum għal diskussjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt, tippromwovi fehim u fiduċja reċiproċi u b’hekk jinstabu soluzzjonijiet prattiċi kemm għall-arranġamenti familjari kif ukoll dwar l-aspetti finanzjarji. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim, il-ġenituri jistgħu jirreferu l-każ lil imħallef u, jekk jintlaħaq ftehim, jistgħu jitolbu li l-ftehim tagħhom jiġi kkonfermat minn imħallef jew jiġi inkorporat fil-ftehim tad-divorzju kunsenswali.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri.

Huma jistgħu jassenjaw dak l-eżerċizzju esklussivament lil wieħed miż-żewġ ġenituri jew jiddeċiedu li ż-żewġ ġenituri għandhom jeżerċitaw l-awtorità flimkien.

Jekk il-ġenituri ma jaqblux, l-imħallfin jistgħu jawtorizzaw lil wieħed minnhom jieħu deċiżjoni ta’ darba li fil-prinċipju tkun teħtieġ il-qbil tat-tnejn, pereżempju dwar it-tibdil tar-residenza, it-tibdil tal-iskola jew xi intervent kirurġiku.

L-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) jistgħu anke jipprojbixxu lil minuri milli jitlaq mill-pajjiż mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri, partikolarment jekk ikun hemm riskju li ġenitur isiefer bil-minuri bl-intenzjoni li ma jerġax jirritorna, bi ksur tad-drittijiet tal-ġenitur l-ieħor.

L-istabbiliment tar-residenza abitwali tal-minuri, jew fl-indirizz ta’ wieħed mill-ġenituri jew b’alternanza bejn l-indirizzi tagħhom, ġeneralment jiġi deċiż minn imħallef. Jekk ir-residenza abitwali tal-minuri tiġi stabbilita fl-indirizz ta’ wieħed mill-ġenituri, l-imħallef jistabbilixxi wkoll dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni, jew dritt ta’ aċċess għal matul il-jum biss, għall-ġenitur l-ieħor.

Jekk il-minuri jkun f’riskju, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li l-ġenitur bi dritt ta’ aċċess jara lit-tfal f’post partikolari, jiġifieri post newtrali li jista’ jiġi ssorveljat minn professjonisti. Normalment dan ikun post apposta b’servizzi ta’ assistenti soċjali u ta’ psikologi.

L-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) huwa wkoll kompetenti biex jistabbilixxi kontribuzzjoni għall-manteniment u għall-edukazzjoni tal-minuri li għandha titħallas mill-parti li m’għandhiex l-inkarigu ta’ kuljum tal-minuri. Normalment dan ikun manteniment li jitħallas fix-xahar minn ġenitur lill-ieħor.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Jekk l-imħallef jistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri ma’ wieħed mill-ġenituri, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-ġenitur l-ieħor ikompli jeżerċita awtorità tal-ġenituri konġunta mal-ġenitur li jkollu l-kustodja, anke jekk it-tfal ma jmorrux għandu. Iż-żewġ ġenituri jridu jkomplu jieħdu d-deċiżjonijiet importanti kollha flimkien. Jekk ma jkunux jistgħu jaqblu, iridu jirreferu l-kwistjoni lil imħallef. Jekk ikun fl-interess tat-tfal, l-imħallef jista’ jassenja l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri lil wieħed miż-żewġ ġenituri. Dik id-deċiżjoni tista’ tittieħed jekk wieħed mill-ġenituri ma jkunx idoneu, ma jkunx interessat, ma jkunx jista’ jiġi kkuntattjat jew konsistentement joħloq l-ostakli jew meta jkun fl-interess tal-minuri li d-deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr dewmien.

Il-ġenitur imċaħħad mill-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri jibqa’ jkollu d-dritt li jissorvelja l-edukazzjoni tal-minuri u għandu jiġi infurmat dwar l-għażliet ewlenin li jaffettwaw lill-minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-kunċett ta’ “kustodja tat-tfal” tneħħa fid-dritt Franċiż dwar il-familja fl-1987.

Il-kunċett ta’ “kustodja konġunta” (garde conjointe) fid-dritt Franċiż jista’ jiġi interpretat fis-sens wiesa’, bħala l-eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri, jew fis-sens aktar restrittiv, bħala l-istabbiliment li r-residenza tal-minuri se talterna bejn id-dar ta' kull ġenitur (xi drabi tissejjaħ kustodja alternata, għalkemm dan it-terminu huwa legalment żbaljat: għandu jissejjaħ “residenza fissa alternata”)

Fil-prinċipju, il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġuntament mingħajr il-ħtieġa ta’ xi deċiżjoni minn imħallef. Il-prinċipju tat-trobbija konġunta tat-tfal huwa minqux fid-dritt Franċiż. Dan ifisser li kull ġenitur għandu rwol ugwali fil-ħajja u fl-edukazzjoni tal-minuri u biex jipprovdi għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tiegħu.

L-eżerċitar konġunt tal-awtorità tal-ġenituri jfisser li l-ġenituri jieħdu kull deċiżjoni importanti li taffettwa lill-minuri flimkien.

Il-minuri jista’ anke joqgħod mal-ġenituri fl-indirizzi rispettivi tagħhom f’ġimgħat alternati. Dan jirrikjedi li l-ġenituri jgħixu qrib xulxin u jikkomunikaw tajjeb bejniethom. Residenza alternata mhux neċessarjament tfisser li t-tfal iridu jqattgħu ħin indaqs għand kull ġenitur.

Ħafna drabi l-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġuntament iżda r-residenza abitwali tal-minuri tkun stabbilita ma’ wieħed mill-ġenituri bi dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni għall-ieħor.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

L-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) huma l-imħallfin li għandhom il-kompetenza jiddeċiedu dwar materji ta’ awtorità tal-ġenituri, li jistgħu jitressqu quddiemhom sempliċiment permezz ta’ rikors għand ir-reġistratur, konġuntament jew minn ġenitur wieħed biss, jew b’ċitazzjoni minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice).

Il-proċedimenti huma orali u mhuwiex obbligatorju li l-ġenituri jkunu rrappreżentati minn avukat. Il-partijiet għandhom l-għażla li jkunu assistiti jew irrappreżentati minn avukat.

Ir-rikors irid jiddikjara l-kunjom, l-isem u l-indirizz tal-partijiet jew, jekk applikabbli, l-aħħar indirizz magħruf tal-konvenut. Jindika s-suġġett tar-rikors u jiddeskrivi fil-qosor ir-raġunijiet. Għandu jkun datat u ffirmat mill-persuna li tippreżentah jew mill-avukat tagħha.

Il-ġenitur li jressaq il-kawża quddiem l-imħallef għandu jipproduċi:

- kopja sħiħa taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ kull minuri li għalih jirreferi r-rikors,

- deċiżjonijiet preċedenti tal-qorti jekk ikun hemm,

- kopja tad-dokument tal-identità tal-ġenitur,

- prova tal-indirizz (eż. irċevuta tal-kera, kont tal-elettriku),

u, skont in-natura tar-rikors, kopja tal-aħħar avviż tat-taxxa tiegħu, l-aħħar dikjarazzjoni tat-taxxa, l-aħħar tliet riċevuti tal-paga, evidenza ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali rċevuti, eċċ.

Il-kwistjoni tal-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri tista’ tiġi ttrattata wkoll f’divorzju. Għal divorzju kunsenswali , il-ġenituri jeħtieġu li jaqblu fuq kollox. Kull ġenitur irid ikollu l-avukat tiegħu. Wara perjodu ta’ riflessjoni, il-ftehim oriġinali tad-divorzju jiġi rreġistrat għand nutar, li jagħmlu eżegwibbli. Jekk minuri jitlob li jinstema’, id-divorzju jgħaddi mill-qorti u jinstema’ mill-imħallef jew minn persuna nnominata mill-imħallef.

Divorzji oħra jingħataw mill-qorti. Avukat huwa obbligatorju.

Fil-każijiet kollha, il-minuri jridu jinstemgħu jekk ikunu kapaċi jifhmu.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Jekk il-kawża tintbagħat permezz ta’ rikors (requête), fi żmien 15-il jum mill-wasla tar-rikors, ir-reġistratur iħarrek lill-konvenut għal seduta permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta' rċevuta.

Madankollu, meta r-rikors jiddikjara li l-indirizz tal-konvenut huwa l-aħħar indirizz magħruf, ir-reġistratur jistieden lir-rikorrent sabiex juża notifika personali.

Ir-reġistratur jinnotifika lir-rikorrent bi kwalunkwe mezz dwar il-post, id-data u l-ħin tas-seduta.

L-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jista’ wkoll jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ awtorità tal-ġenituri fi proċedimenti ta’ divorzju (ara “Divorzju”).

F’kawżi urġenti l-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) jaġixxu bħala mħallfin għal miżuri provviżorji. Fi proċeduri għal miżuri provviżorji jista’ jsir rinviju permezz ta’ taħrika (assignation). L-imħallef jinvestiga l-kawża bil-parteċipazzjoni taż-żewġ partijiet waqt seduta u jagħti d-deċiżjoni tiegħu fil-forma ta’ digriet li ma jikkostitwixxix res judicata fuq il-merti. Proċeduri għal miżuri provviżorji jippermettu lill-imħallfin jadottaw miżuri provviżorji mingħajr dewmien sakemm tittieħed deċiżjoni fuq il-merti. B’hekk, rikors għal proċeduri għal miżuri provviżorji jippermettilhom jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.

Waqt proċeduri għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jista’ jordna kwalunkwe miżura li ma jkollha ebda kontestazzjoni serja jew li tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ tilwima. Peress li dawn huma miżuri purament provviżorji, il-proċedura rari tintuża.

F’kawżi fejn l-urġenza tkun debitament iġġustifikata, l-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) li quddiemhom tkun tressqet kawża permezz ta’ rikors jistgħu jippermettu l-ħruġ ta’ taħrik għal data tas-smigħ fil-futur qrib. F’dak il-każ l-imħallef jiddeċiedi dwar il-merti imma l-perjodi ta’ żmien huma iqsar. Dan it-tip ta’ azzjoni huwa komuni ħafna.

Il-kawżi jistgħu anke jiġu rrinvijati lill-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) fi proċeduri mħaffa fuq il-mertu (procédure accélérée au fond) f’ċerti każijiet previsti mil-liġi (fi kwistjonijiet tal-familja dan jirrigwarda t-tneħħija inġusta ta’ minuri). Il-kawża titressaq permezz ta’ taħrika u l-imħallef imbagħad jagħti deċiżjoni immedjata fuq il-merti. F’każijiet bħal dawn ma hemmx bżonn li tiġi pprovduta evidenza ta’ sostenn għall-urġenza. In-natura stess tal-proċedura tiddetta li trid tiġi ffissata data mingħajr dewmien.

F’kawżi ta’ vjolenza domestika, l-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) jistgħu jintalbu wkoll b’urġenza biex joħorġu ordni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 515-9 et seq tal-Kodiċi Ċivili (Code civil). F’dan il-każ ikollhom jiddeċiedu fi żmien sitt ijiem mid-data tas-smigħ iffissata (il-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2019). Din il-miżura ta’ protezzjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-konjuġi jew lill-ex konjuġi li huma vittmi ta’ abbuż fiżiku jew mentali billi tipprojbixxi kwalunkwe kuntatt bejniethom u jekk ikun meħtieġ bejn il-konjuġi vjolenti jew l-ex konjuġi u t-tfal. Fl-ordni ta’ protezzjoni l-imħallfin jistabbilixxu wkoll il-miżuri li jikkonċernaw l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fuq it-tfal. B’mod partikolari, jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu lill-ġenitur li qed ibati l-abbuż unikament responsabbli għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, iċaħħdu lill-ġenitur abbużiv mid-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni tiegħu jew jippermettu d-dritt ta’ aċċess limitat f’post għal-laqgħat.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-ispejjeż tal-qorti (l-onorarji tal-avukat, l-onorarji tal-uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice), riċerki min-naħa tas-servizzi soċjali, eċċ.) jistgħu jitħallsu mill-Istat Franċiż. L-individwi jingħataw għajnuna legali skont l-assi tagħhom. L-għajnuna tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tal-qorti jew parti minnhom biss, skont id-dħul tar-rikorrent u n-numru ta’ dipendenti. Ir-rikors għandu jsir fl-uffiċċju tal-għajnuna legali fil-qorti li tkun qed tittratta l-kawża.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Id-deċiżjonijiet tal-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jistgħu jiġu appellati fi żmien xahar, apparti d-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 481-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Code de procédure civile) (proċedura mħaffa fuq il-merti għat-tneħħija inġusta), li jistgħu jiġu appellati fi żmien 15-il jum.

Id-digrieti tal-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jistgħu jiġu appellati fi żmien 15-il jum (proċeduri għal miżuri provviżorji, ordni ta’ protezzjoni).

L-appell għandu jiġi ppreżentat bil-miktub u l-appellant irid ikun irrappreżentat minn avukat. L-appell jinstema’ fil-Qorti tal-Appell (Cour d’appel).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Id-deċiżjonijiet tal-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) dwar l-awtorità tal-ġenituri huma awtomatikament eżegwibbli.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) dwar l-awtorità tal-ġenituri, pereżempju jekk wieħed mill-ġenituri jkollu d-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni u l-ġenitur l-ieħor ma jħallihx jeżerċita dak id-dritt, tista’ tiġi ppreżentata kwerela quddiem il-Prosekutur Ġenerali (procureur de la République) fil-qorti tad-distrett fejn il-minuri huwa residenti. Meta ġenitur iċaħħad lill-ġenitur l-ieħor milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni dan jikkostitwixxi reat kriminali ta’ żamma ta’ minuri, li jġorr piena ta’ sena ħabs u multa ta’ EUR 15 000.

Minbarra l-miżuri li jordnaw, l-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) jistgħu jimponu l-pagament ta’ penali. Jistgħu wkoll, anke ex officio, jordnaw pagament ta’ penali biex jiżguraw li d-deċiżjoni tagħhom tiġi eżegwita. Jistgħu anke jżidu l-pagament ta’ penali perjodiku ma’ deċiżjoni li tkun ittieħdet minn imħallef ieħor u mal-ftehim tal-ġenituri rreġistrat fil-ftehim tad-divorzju kunsenswali, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan.

Meta ġenitur, volontarjament jostakola serjament jew ripetutament, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, ta’ ftehim ta’ divorzju kunsenswali fil-forma ta’ dokument privat kontrofirmat mill-avukati u l-oriġinal irreġistrat ma’ nutar, jew ftehim approvat li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, l-Imħallfin għall-Affarijiet tal-Familja (juges aux affaires familiales) jistgħu jordnawlu jħallas multa ċivili sa massimu ta’ EUR 10 000.

Fl-aħħar nett, fuq rikors mill-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) jew mill-ġenitur ikkonċernat, il-Prosekutur Ġenerali (procureur de la République) jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jitlob l-assistenza tal-pulizija biex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ mħallef, ta’ ftehim ta’ divorzju kunsenswali jew ta’ ftehim approvat li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, pereżempju l-eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni.

Għalhekk, skont iċ-ċirkostanzi, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat lill-Prosekutur Ġenerali (procureur de la République) jew lill-Imħallef għall-Affarijiet tal-Familja (juge aux affaires familiales) li jkun ħa d-deċiżjoni.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet dwar l-awtorità tal-ġenituri minn qorti fi Stat Membru huma rikonoxxuti u eżegwibbli fi Franza mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura ta’ exequatur.

Madankollu, mhux id-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma immedjatament eżegwibbli, iżda dawk biss li jittrattaw id-dritt dwar l-aċċess u r-ritorn tal-minuri. Iridu jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (“Brussell IIa”). Għal deċiżjonijiet oħra dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, hemm bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni maħruġa abbażi taċ-ċertifikat rilevanti.

Fi Franza, rikorsi għar-rikonoxximent jew għall-istabbiliment tal-eżegwibbiltà ta’ mandati ta’ eżekuzzjoni barranin skont Brussell IIa fit-territorju ta’ Franza għandhom jiġu ppreżentati lill-President tal-Qorti Ordinarja (tribunal judiciaire) jew lid-delegat tiegħu (l-Artikolu 509-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Code de procédure civile)). Rikorsi li jiġu ppreżentati quddiem l-imħallef ma jeħtiġux rappreżentanza legali.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament, “kwalsijasi parti interessata tista’ ... tapplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.”

Fi Franza, rikorsi għal deċiżjoni sabiex deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri minn qorti fi Stat Membru ieħor tal-UE ma tiġix rikonoxxuta għandhom jiġu ppreżentati lill-President tal-Qorti Ordinarja (tribunal judiciaire) jew lid-delegat tiegħu.

Ir-rikorsi jistgħu jiġu aċċettati biss għar-raġunijiet li ġejjin:

• nuqqas ta’ konformità mal-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri;

• assenza ta’ smigħ tal-minuri, f’każ li s-smigħ huwa prinċipju fundamentali tal-proċedura tal-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent; nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża;

• ostakolu għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri;

• inkompatibbiltà ma’ sentenza mogħtija sussegwentement jew fl-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent jew fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz meta dik id-deċiżjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent fl-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent;

• nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ tqegħid.

Id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ordinarja (tribunal judiciaire) tista’ tiġi appellata.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Meta jkun hemm element internazzjonali involut (waħda mill-partijiet jew il-minuri jkunu residenti barra mill-pajjiż, ta’ nazzjonalità barranija), l-ewwel irid jiġi determinat jekk il-qorti Franċiża għandhiex ġurisdizzjoni.

Ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, jekk il-minuri huma abitwalment residenti fi Franza, il-qrati Franċiżi għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar rikorsi li jittrattaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament, jekk il-qrati Franċiżi jkollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar applikazzjoni għad-divorzju għandhom ukoll il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar rikorsi relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-konjuġi jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri konġuntament u jkunu espressament aċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi u dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ukoll ġurisdizzjoni b’rabta mar-responsabbiltà tal-ġenituri fi proċedimenti minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1) fejn il-minuri jkollhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, b’mod partikolari minħabba l-fatt li wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri huwa abitwalment residenti hemmhekk jew il-minuri huwa ċittadin ta’ dak l-Istat Membru u l-ġurisdizzjoni tiegħu ġiet espressament jew b’mod ieħor aċċettata b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fiż-żmien li l-kwistjoni tkun tressqet quddiem il-qorti u dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri tista’ tiġi estiża wkoll jekk il-minuri jkunu ilhom inqas minn tliet xhur li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor u t-tilwima tirrigwarda tibdil fid-drittijiet tal-aċċess.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament, fejn ir-residenza abitwali tal-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi determinata abbażi tal-Artikolu 12, il-qrati Franċiżi jkollhom ġurisdizzjoni jekk il-minuri jkun preżenti fit-territorju Franċiż u r-residenza abitwali tiegħu ma tkunx tista’ tiġi stabbilita (refuġjati tfal jew tfal spostati).

F’ċerti ċirkostanzi ftehim internazzjonali differenti jew id-dritt internazzjonali privat Franċiż jista’ jkun applikabbli wkoll u jwassal lill-qrati Franċiżi biex jaċċettaw il-ġurisdizzjoni.

Il-liġi applikabbli

F’dan il-qasam, Franza tapplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal. Għalhekk, il-qrati kompetenti biex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri japplikaw il-liġi tagħhom ħlief fejn il-Konvenzjoni tispeċifika mod ieħor.

Għaldaqstant, jekk il-qrati Franċiżi jkollhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, huma japplikaw il-liġi Franċiża (lex fori).

Bħala eċċezzjoni, f’każ li dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-minuri, tiġi applikata l-liġi li hija l-aktar relatata mas-sitwazzjoni.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 10/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.