

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Għall-finijiet tal-liġi ta’ Ġibiltà, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tirreferi għall-kustodja, għall-ħarsien u għall-kontroll ta’ wild minuri, normalment eżerċitati minn ġenitur jew mill-ġenituri jew minn tutur maħtur. Ġeneralment, ġenitur jew tutur ikun responsabbli għall-kustodja u għat-trobbija ta’ wild minuri u għall-amministrazzjoni ta’ kwalunkwe proprjetà li tappartjeni lill-wild minuri jew li tinżamm fi trust għall-wild minuri.
It-terminu responsabbiltà tal-ġenituri jestendi għall-missier, għall-omm jew għal kwalunkwe tutur maħtur li jaqdi r-responsabbiltajiet tal-ġenituri tiegħu fir-rigward ta’ wild minuri partikolari. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri testendi wkoll għall-kontroll, b’mod dirett jew inkella billi tiġi pprovduta gwida, li jkun xieraq għall-istadju tal-iżvilupp tal-wild minuri. Hija testendi wkoll għat-trobbija tal-wild minuri, jekk il-wild minuri ma jkunx qed jgħix mal-ġenitur, sabiex jinżammu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett fuq bażi regolari; u sabiex dan jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-wild minuri jekk ikun meħtieġ.
Ġeneralment, fir-rigward tal-kustodja jew tat-trobbija ta’ wild minuri u fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ kwalunkwe proprjetà, l-omm ikollha l-istess drittijiet u awtorità bħall-missier. Dawn id-drittijiet u l-awtorità tal-omm u tal-missier huma ugwali u jistgħu jiġu eżerċitati minn kwalunkwe wieħed jew waħda minnhom mingħajr l-ieħor jew l-oħra. Dawn id-drittijiet ġenerali huma soġġetti għal kull ordni imposta mill-qrati ta’ Ġibiltà.
Meta missier u omm ta’ wild minuri kienu miżżewġa lil xulxin fil-mument tat-twelid tiegħu, skont il-liġi ta’ Ġibiltà kull ġenitur ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild minuri. Madankollu, jekk ma kinux, l-omm biss ikollha r-responsabbiltà tal-ġenituri mat-twelid. Din mhijiex regola stretta jew assoluta peress li l-liġi ta’ Ġibiltà tirrikonoxxi li jekk il-missier ikun irreġistrat bħala “l-missier” mill-omm, huwa jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild minuri. Dan iseħħ ukoll jekk ikun ordnat mill-Qorti.
Madankollu, persuna waħda, żewġ persuni jew aktar jista’ jkollhom ukoll drittijiet tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild minuri. Minkejja dan, huma ma jistgħux jeżerċitaw dak id-dritt mingħajr il-kunsens tal-persuna l-oħra jew, skont il-każ, ta’ kwalunkwe persuna mill-oħrajn, sakemm dan ma jkunx iddikjarat b’xi ordni tal-qorti, att jew ftehim.
Meta jmut ġenitur, il-ġenitur superstitu jsir it-tutur tal-wild minuri waħdu jew b’mod konġunt ma’ kwalunkwe tutur maħtur mill-ġenitur deċedut. Jekk il-ġenitur deċedut ma jkunx ħatar tutur jew it-tutur nominat ikun jew mejjet jew jirrifjuta li jaġixxi, il-qorti tkun tista’ taħtar tutur jekk tqis li dan ikun xieraq.
Meta jinfetaħ rikors mill-omm jew mill-missier ta’ wild minuri, qorti tista’ tagħmel ordni dwar ir-residenza tal-wild minuri u d-dritt ta’ kuntatt mal-wild minuri tal-omm jew tal-missier. Il-qorti għandha wkoll is-setgħa li tagħti r-residenza tal-wild minuri lil kwalunkwe persuna (kemm jekk wieħed mill-ġenituri kif ukoll jekk le). Madankollu, l-għoti ta’ residenza lil ġenitur wieħed mhuwiex eżegwibbli filwaqt li ż-żewġ ġenituri jkunu qed jgħixu flimkien.
Fil-każ ta’ divorzju, il-Qorti Suprema (Supreme Court) ta’ Ġibiltà għandha s-setgħa eżerċitabbli jew qabel jew wara d-digriet finali, sabiex tordna l-kustodja, il-manteniment u l-edukazzjoni tal-wild minuri mnissel miż-żwieġ jew saħansitra tordna li jinfetħu proċedimenti sabiex it-tfal jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tal-Qorti. Il-Qorti Suprema ma tistax tagħmel digriet ta’ divorzju assolut ħlief jekk tkun sodisfatta li saru arranġamenti sodisfaċenti għal kwalunkwe wild.
Meta l-ġenituri jisseparaw, jista’ jiġi konkluż ftehim bejn il-partijiet li jistipula li xi ħadd minnhom jista’ jagħżel li ċċedi d-drittijiet kollha tiegħu bħala ġenitur jew uħud minnhom. Madankollu, tali ftehim ma għandux jiġi eżegwit minn qorti jekk il-qorti tkun tal-opinjoni li ma jkunx fl-interess tal-wild minuri li dak il-ftehim jingħata effett.
Kif indikat fil-mistoqsija 4 aktar ’il fuq, meta ġenitur jidħol fi ftehim ta’ separazzjoni li permezz tiegħu jċedi d-drittijiet tiegħu kollha bħala ġenitur jew uħud minnhom, dan il-ftehim jiġi eżegwit minn qorti biss meta din tkun tal-opinjoni li jkun fl-interess tal-wild minuri li dak il-ftehim jingħata effett.
Jekk il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri titqajjem fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ divorzju, id-determinazzjoni ta’ din il-kwistjoni taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà. Madankollu, xi assistenza soċjali tista’ tinkiseb permezz ta’ konsulenza għall-miżżewġin. Servizz ta’ konsulenza għall-miżżewġin huwa pprovdut mill-Knisja Kattolika Rumana f’Ġibiltà. Jista’ jkun possibbli wkoll li xi wħud mill-kwistjonijiet jiġu ttrattati permezz ta’ medjazzjoni.
L-imħallef jista’ jiddeċiedi dwar kwalunkwe kwistjoni li huwa jqis li tista’ taffettwa l-aħjar interessi tal-wild minuri.
Ladarba ġenitur jingħata kustodja sħiħa, huwa jkun jista’ jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-wild minuri mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor sakemm dan ma jikkostitwix ksur ta’ ordni tal-qorti eżistenti; pereżempju, ordni dwar l-aċċess għall-wild minuri.
Il-kustodja konġunta ta’ wild minuri tfisser li ż-żewġ ġenituri jkollhom drittijiet u responsabbiltajiet ugwali fir-rigward tal-wild minuri. Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati b’mod konġunt jew in solidum.
Jekk ir-rikors għar-responsabbiltà tal-ġenituri jsir b’rabta ma’ proċedimenti ta’ divorzju jew b’konsegwenza tiegħu, ir-rikors għandu jsir quddiem il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà. Rikors isir permezz ta’ taħrika, sostnuta minn evidenza b’affidavit. Mal-preżentata ta’ dawn l-atti, ir-Reġistru tal-Qorti Suprema jipproċedi sabiex jistabbilixxi data għas-smigħ tar-rikors.
Ir-rikorsi għal wild minuri li jeħtieġ ħarsien sabiex isir minuri taħt it-tutela tal-istat għandhom isiru quddiem il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà wkoll.
Meta l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma tirriżultax minn proċedimenti ta’ divorzju, jista’ jsir rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Ġibiltà. Ir-rikors għandu jkun fil-forma ta’ denunzja bil-miktub li tistabbilixxi t-talba u r-raġunijiet li tkun ibbażata fuqhom. Mar-rikors għandhom jiġu inklużi wkoll kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild minuri kif ukoll kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ, meta jkun applikabbli. Malli tirċievi d-denunzja, il-Qorti tipproċedi sabiex telenka l-kwistjoni għas-smigħ u tinforma lill-partijiet bid-data tar-ritorn.
Fil-każijiet kollha, il-Qorti Suprema jew inkella l-Qorti tal-Maġistrati tipproċedi billi tistabbilixxi data għas-smigħ tar-rikors rilevanti u tinforma lill-partijiet. Il-partijiet għandhom jitilgħu l-qorti fid-data stabbilita flimkien mar-rappreżentanti legali tagħhom jekk ikun applikabbli.
Hemm proċeduri ta’ emerġenza disponibbli meta jkun jidher li wild minuri jista’ jkun li jkun jeħtieġ ħarsien.
Kemm fil-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll fil-Qorti Suprema, l-għajnuna legali tista’ tingħata soġġetta għal test tal-mezzi. It-talbiet għall-għajnuna legali fi kwalunkwe waħda mill-qrati għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti Suprema u l-formoli tat-talba jinġabru mingħand ir-Reġistru tal-Qorti Suprema (Supreme Court).
Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Suprema. Meta d-deċiżjoni tittieħed mill-Qorti Suprema, jista’ jkun possibbli li jsir appell quddiem il-Qorti tal-Appell (Court of Appeal).
Għandha ssir talba lill-Qorti li tkun għamlet l-ordni oriġinali tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-qorti kienet il-Qorti tal-Maġistrati, għandha tiġi ppreżentata denunzja li tispjega r-raġunijiet tad-denunzja. Fil-Qorti Suprema, għandha tiġi ppreżentata Taħrika, sostnuta minn evidenza ġuramentata meta jkun xieraq.
Sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru li tirriżulta minn proċedimenti ta’ divorzju, ta’ separazzjoni legali jew ta’ annullament tista’ tiġi rikonoxxuta f’Ġibiltà. Sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ dan it-tip, għandu jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.
Id-deċiżjoni dwar ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tista’ tiġi appellata minn kwalunkwe parti. Jekk id-deċiżjoni tkun ittieħdet mill-Qorti tal-Maġistrati (Magistrates’ Court), appell jinstema’ quddiem il-Qorti Suprema.
Il-Qrati ta’ Ġibiltà japplikaw il-liġi ta’ Ġibiltà, li tinkludi l-leġiżlazzjoni lokali, kif ukoll kwalunkwe Att jew dispożizzjoni oħra estiża għal Ġibiltà minn żmien għal żmien.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.