Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fil-liġi Taljana, il-kunċett ta’ “awtorità tal-ġenituri” (potestà genitoriale) ġie sostitwit bil-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” (responsabilità genitoriale) mil-liġi li tirriforma l-paternità (Liġi Nru 219/2012) u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 154/2013, li d-dispożizzjonijiet tiegħu daħlu fis-seħħ fis-7 ta’ Frar 2014.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija d-dmir li jipprovdu manteniment, irabbu, jedukaw u jipprovdu sostenn morali lit-tfal, b’attenzjoni xierqa lill-kapaċitajiet, l-inklinazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

It-tfal għandhom ukoll id-dritt li jżommu relazzjoni bbilanċjata u kontinwa maż-żewġ ġenituri, li jingħataw kura, jitrabbew, jiġu edukati u jingħataw sostenn morali mit-tnejn li huma, u li jkollhom relazzjonijiet sinifikanti mal-axxendenti u l-qraba ta’ kull ġenitur.

It-tfal infushom ukoll għandhom dmirijiet: li jirrispettaw il-ġenituri tagħhom u li jipparteċipaw fil-manteniment tal-familja sakemm jibqgħu jgħixu fiha.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tirriżulta mill-operat tal-liġi meta l-ġenituri jkunu miżżewġin lil xulxin. F’dan il-każ, iż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltà tal-ġenituri rigward it-tfal tagħhom.

Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin ma’ xulxin, il-ġenitur li jirrikonoxxi lill-wild ikun il-ġenitur li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk iż-żewġ ġenituri jirrikonoxxu lill-wild, it-tnejn li huma jkollhom u jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild, bħallikieku kienu miżżewġin. Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin ma’ xulxin u ma jirrikonoxxux lill-wild fl-istess ħin, it-tieni rikonoxximent ma jistax iseħħ mingħajr il-kunsens tal-ġenitur li diġà għamel ir-rikonoxximent.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tkun eżerċitata mill-ġenituri bi ftehim komuni, wara li jitqiesu l-kapaċitajiet, l-inklinazzjonijiet naturali u l-aspirazzjonijiet tal-wild. B’mod partikolari, il-ġenituri għandhom jistabbilixxu r-residenza abitwali tal-wild bi ftehim komuni.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk il-wild temporanjament ma jkollux ambjent familjari xieraq, isiru arranġamenti biex il-wild jitqiegħed ma’ familja tar-rispett.

Barra minn hekk, meta l-ġenituri ma jurux kapaċità suffiċjenti biex jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal tagħhom, pereżempju meta jkun hemm konfrontazzjonijiet estremi, il-qrati spiss jagħtu kustodja lis-servizzi soċjali tal-post tar-residenza tal-familja. Dan ġeneralment jinvolvi limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri: normalment, id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u t-trobbija tal-wild jittieħdu mis-servizzi soċjali tal-post tar-residenza tal-familja. F’każijiet bħal dawn, ħafna drabi l-wild ikompli jgħix mal-ġenituri tiegħu, jew ma’ wieħed minnhom. Fl-iktar każijiet serji, il-qorti tordna li l-wild jitneħħħa mid-dar tal-familja.

Jekk wieħed mill-ġenituri jikser jew jittraskura d-dmirijiet tiegħu jew jabbuża s-setgħat assoċjati, li jirriżulta fi ħsara serja lill-wild, il-qorti tista’ tordna li titneħħa r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ dak il-ġenitur.

Jekk iż-żewġ ġenituri jkunu mejtin, ikunu tneħħewlhom ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jew ma jkunux jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri għal kwalunkwe raġuni oħra, jinħatar tutur. It-tutur jieħu ħsieb il-wild, jirrappreżentah fil-proċedimenti ċivili kollha, u jamministra l-assi tal-wild.

Il-Kodiċi Ċivili jipprovdi wkoll għall-possibbiltà li l-qorti taħtar tutur speċjali meta l-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jixtiqux b’mod konġunt – jew meta l-ġenitur li jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri waħdu ma jkunx kapaċi jew ma jkunx irid – iwettqu att wieħed jew iktar fl-interessi tal-wild, barra mill-ambitu tal-amministrazzjoni regolari. F’każijiet bħal dawn, it-tutur speċjali huwa awtorizzat sabiex iwettaq dawk l-atti speċifiċi.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri taż-żewġ ġenituri ma tintemmx wara s-separazzjoni, ix-xoljiment, il-waqfien tal-effetti ċivili, l-annullament u n-nullità taż-żwieġ.

Il-forma tas-soltu ta’ kustodja, li hija kapaċi tiżgura paternità konġunta, hija kustodja konġunta fejn iż-żewġ ġenituri jeżerċitaw responsabbiltà tal-ġenituri.

Deċiżjonijiet importanti għat-tfal li jikkonċernaw l-edukazzjoni, it-trobbija, is-saħħa u l-għażla tar-residenza abitwali tal-wild jsiru bi ftehim reċiproku bejn il-ġenituri u fl-aħjar interessi tal-wild, billi jitqiesu l-kapaċitajiet, l-inklinazzjonijiet naturali u l-aspirazzjonijiet tiegħu; għall-kuntrarju, għal kwalunkwe kwistjonijiet amministrattivi normali, il-ġenituri jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tal-ġenitur tagħhom separatament (Artikolu 337b tal-Kodiċi Ċivili).

Il-kustodja konġunta ma timplikax neċessarjament li l-wild jaqsam il-ħin tiegħu b’mod ugwali bejn kull ġenitur. Normalment, l-ordni tas-separazzjoni jew tad-divorzju tiddetermina min hu l-ġenitur koabitant – jiġifieri l-ġenitur li l-wild jgħix miegħu b’mod permanenti – u huma mbagħad stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-ġenitur li ma jikkoabitax jista’ jqatta’ ħin mal-wild. Huwa possibbli wkoll li ż-żmien li t-tfal jgħixu ma’ kull ġenitur jinqasam b’mod ugwali, jekk il-ġenituri jgħixu qrib xulxin u jkollhom stili ta’ ħajja simili, sakemm tali arranġament ma jkollux effett negattiv fuq il-ħajja soċjali jew skolastika tat-tfal.

Madankollu, jekk il-kustodja konġunta ma tilħaqx l-aħjar interessi tal-wild, l-imħallef jista’ jagħti kustodja unika lil ġenitur wieħed, permezz ta’ deċiżjoni motivata (l-Artikolu 337c tal-Kodiċi Ċivili).

L-iktar każijiet komuni li fihom tingħata kustodja unika huma: 1. jekk wieħed mill-ġenituri joħloq riskju għall-benesseri fiżiku u psikoloġiku tal-wild (ġenitur vjolenti, ġenitur b’rekord kriminali sinifikanti, ġenitur li huwa vvizzjat bid-droga jew alkoħoliku); 2. jekk ġenitur ma jkunx kapaċi jipprovdi sostenn morali u materjali lill-wild, jew ma jkun wera ebda interess fil-wild; 3. jekk ġenitur imaqdar lill-ġenitur l-ieħor quddiem il-wild; 4. jekk l-ostilità bejn il-ġenituri tkun tant ħażina li tista’ ttellef l-ekwilibriju u l-iżvilupp psikofiżiku tal-wild.

Fil-każ ta’ kustodja unika, ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija eżerċitata biss mill-ġenitur b’kustodja, iżda kull deċiżjoni importanti għall-wild għandha ssir miż-żewġ ġenituri, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor minħabba ċirkostanzi partikolarment serji, pereżempju imġiba vjolenti jew abbużiva (Artikolu 337c tal-Kodiċi Ċivili).

Ġenitur li ma jeżerċitax ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandu d-dritt u d-dmir li jissorvelja l-edukazzjoni, it-trobbija u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-wild (l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 316).

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim bejn il-ġenituri dwar kif se jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri wara s-separazzjoni tagħhom għandu jiġi sottomess lill-qorti b’ġurisdizzjoni lokali, li mbagħad taċċerta jekk il-ftehim jiggarantixxix id-drittijiet u l-benesseri tat-tfal; jekk dan ikun il-każ, il-qorti tapprovah.

Jekk koppja miżżewġa bi tfal li huma minorenni jixtiequ jisseparaw jew jiddivorzjaw u jkunu laħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal u l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jistgħu jagħżlu bejn żewġ soluzzjonijiet:

a) jistgħu jissottomettu applikazzjoni konġunta lill-qorti u jiksbu approvazzjoni tal-ftehim tagħhom;

b) jistgħu jużaw “negozjati assistiti minn avukat” (l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 132/2014): dawn jikkostitwixxu ftehim li permezz tiegħu l-partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-bona fide u b’mod ġust biex isolvu bonarjament il-kwistjoni relatata mas-separazzjoni u l-kustodja tat-tfal.

Jekk hemm tfal li huma minuri (imma wkoll tfal adulti inkapaċi jew li għandhom diżabilità serja jew ekonomikament mhumiex awto-suffiċjenti), il-ftehim milħuq bħala riżultat ta’ negozjati assistiti għandu jintbagħat, fi żmien għaxart ijiem, lill-Prosekutur Pubbliku fil-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li tawtorizza l-ftehim jekk iqis li l-ftehim ikun fl-interess tat-tfal. Jekk, madankollu, il-Prosekutur Pubbliku jqis li l-ftehim ma jkunx fl-aħjar interess tat-tfal, huwa għandu jibagħtu, fi żmien ħamest ijiem, lill-President tal-qorti, li jiffissa data, fi żmien tletin jum, għall-attendenza tal-partijiet u jaġixxi mingħajr dewmien.

Ladarba l-ftehim ikun ġie awtorizzat, huwa ekwivalenti għall-ordnijiet tal-qorti magħmulin fir-rigward tas-separazzjoni jew id-divorzju.

Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin, l-ewwel soluzzjoni biss hija possibbli (jiġifieri ftehim approvat mill-qorti).

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Biex isolvu kwalunkwe kwistjonijiet marbutin mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-ġenituri jistgħu jirrikorru għal medjatur tal-familja. L-għan tal-medjazzjoni mhuwiex li tinkiseb rikonċiljazzjoni bejn il-koppja, iżda li jkun jista’ jintlaħaq ftehim reċiproku dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u b’hekk tiġi evitata u titnaqqas kwalunkwe forma ta’ kunflitt. Madankollu, kwalunkwe soluzzjoni kondiviża għandha tintbagħat lill-qorti, li tivvaluta jekk l-interessi tal-wild ġewx irrispettati.

Jekk it-tilwima tippersisti, titressaq quddiem il-qorti kompetenti għall-proċeduri ta’ separazzjoni, divorzju u kustodja tat-tfal.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ xenarji.

a) Jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjonijiet partikolarment importanti, jistgħu jressqu t-tilwima quddiem qorti. F’każijiet bħal dawn, il-qorti l-ewwel nett tipproponi s-soluzzjonijiet li jissodisfaw l-aħjar l-interessi tal-wild u l-unità tal-familja. Jekk it-tilwima tippersisti, il-qorti tagħti s-setgħa li jiddeċiedi dwar id-domanda speċifika lill-ġenitur li tqis l-iktar probabbli li jieħu ħsieb l-interessi tal-wild.

b) Il-ġenituri jistgħu jressqu każ quddiem il-qrati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal u t-tqegħid tagħhom (normalment meta l-ġenituri jkunu qegħdin jisseparaw). F’dan il-każ, il-qorti tiddeċiedi dwar:

  • il-kustodja tat-tfal, billi primarjament tagħżel is-soluzzjoni tal-kustodja konġunta (jiġifieri ż-żewġ ġenituri),
  • il-ħinijiet u l-kundizzjonijiet ta’ residenza ma’ kull ġenitur, l-ammont ta’ manteniment għat-tfal u, b’mod ġenerali, il-kontribuzzjoni ta’ kull ġenitur għall-ispejjeż imġarrba għall-kura, l-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal.

Peress li l-iktar deċiżjonijiet importanti għandhom jittieħdu bi ftehim komuni anki meta l-ġenituri jisseparaw jew jiddivorzjaw, jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar xi kwistjonijiet individwali, jistgħu jressqu t-tilwima quddiem qorti kif spjegat fil-punt a).

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Ġenitur li ngħata kustodja unika tat-tfal għandu eżerċizzju esklussiv tar-responsabbiltà tal-ġenituri, sakemm il-qorti ma tordnax mod ieħor. Il-ġenitur in kwistjoni jista’, b’mod partikolari, jieħu wkoll deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni mhux normali b’mod indipendenti.

Madankollu, anki meta wieħed mill-ġenituri jkun ingħata kustodja unika, id-deċiżjonijiet li jaqdu l-aħjar interessi tat-tfal (dawk relatati mal-edukazzjoni, it-trobbija u s-saħħa tagħhom) għandhom jittieħdu miż-żewġ ġenituri, sakemm id-deċiżjoni dwar il-kustodja ma tipprovdix mod ieħor.

B’mod ġenerali, l-imħallfin jiddeċiedu li l-qbil tal-ġenitur li m’għandux il-kustodja mhuwiex meħtieġ meta dak il-ġenitur ikun assenti, indifferenti, ma jistax jiġi kkuntattjat jew ikun aġixxa b’mod vjolenti jew abbużiv fil-passat.

Il-ġenitur li m’għandux kustodja tat-tfal għandu d-dritt u d-dmir li jissorvelja l-edukazzjoni, it-trobbija u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, u jista’ jmur quddiem il-qorti meta jemmen li ttieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi tat-tfal.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Jekk tingħata kustodja konġunta, ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija eżerċitata miż-żewġ ġenituri, li għandhom jaqblu dwar id-direzzjoni tal-ħajja tat-tfal u jieħdu deċiżjonijiet flimkien dwar l-edukazzjoni, it-trobbija, is-saħħa u l-għażla tal-post normali tar-residenza tat-tfal, filwaqt li jiżguraw li dawk id-deċiżjonijiet ikunu fl-aħjar interessi tat-tfal. Fir-rigward biss ta’ kwalunkwe deċiżjoni dwar kwistjonijiet amministrattivi normali, bħala regola, il-ġenituri jeżerċitaw responsabbiltà tal-ġenituri separatament, matul il-perjodi rispettivi meta t-tfal ikunu qiegħdin jgħixu magħhom.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Ġenerali (Tribunale ordinario) għandha l-ġurisdizzjoni għall-proċedimenti kollha li jikkonċernaw il-kustodja tat-tfal u kwalunkwe kwistjoni assoċjata li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri.

Jekk tilwima tirrigwarda l-irtirar jew ir-restrizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ir-reintegrazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, mingħajr ma tinvolvi xi fatturi relatati mal-kustodja tat-tfal, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija l-Qorti tal-Minorenni (Tribunale per i minorenni).

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Jekk il-kwistjoni dwar il-kustodja u l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq tfal imwielda matul iż-żwieġ tifforma parti mit-tilwima ta’ separazzjoni jew divorzju, il-proċedura hija dik stabbilita fit-taqsima dwar id-Divorzju.

Il-miżuri dwar il-kustodja u l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri għal tfal imwielda barra miż-żwieġ huma adottati mill-qorti f’sessjoni magħluqa, wara li tkun intalbet informazzjoni sommarja u wara li tkun semgħet lill-prosekutur pubbliku u lill-ġenituri; f’każ ta’ emerġenza, il-qorti tista’ tordna miżuri temporanji fl-interessi tal-wild.

Fiż-żewġ każijiet, l-imħallef jista’ jordna miżuri temporanji urġenti biex jipproteġi lit-tfal. Il-proċeduri jvarjaw skont jekk jirrelatawx mat-tfal ta’ koppji mhux miżżewġin jew koppji miżżewġin, iżda l-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Ġenerali għandha ġurisdizzjoni fiż-żewġ każijiet.

Bħal fil-proċeduri kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tfal, il-wild jinstema’ mill-imħallef jekk ikollu mill-inqas tnax-il sena jew, fi kwalunkwe każ, jekk ikun kapaċi jieħu deċiżjoni.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Tista’ tinkiseb għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż ta’ proċeduri ta’ separazzjoni, divorzju u kustodja tat-tfal, jew proċeduri li jirrestrinġu jew ineħħu r-responsabbiltà tal-ġenituri.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

L-appelli kontra deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti tal-Appell (Corte d’Appello - qorti tat-tieni istanza).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma eżegwibbli.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-UE huwa awtomatiku. Madankollu, skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, kwalunkwe parti interessata tista’ tapplika għal sentenza dwar jekk dik id-deċiżjoni tiġix rikonoxxuta jew le.

Sabiex id-deċiżjoni tiġi eżegwita, il-parti interessata għandha tissottometti applikazzjoni ta’ eżegwibilità lill-Qorti tal-Appell b’ġurisdizzjoni lokali. Ladarba d-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli, tiġi eżegwita taħt l-istess kundizzjonijiet li kienu japplikaw kieku d-deċiżjoni saret f’dak l-Istat Membru.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti hija l-Qorti tal-Appell b’ġurisdizzjoni lokali (b’referenza għall-post fejn tiġi eżegwita d-deċiżjoni, skont ir-regoli nazzjonali). L-azzjoni legali titmexxa f’forma ta’ proċeduri kontenzjużi u tikkonkludi b’sentenza dikjaratorja, li jista’ jitressaq appell kontra tagħha fuq punt ta’ liġi (ricorso per cassazione).

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Peress li l-Italja rratifikat il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, l-attribuzzjoni u l-estinzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri u t-tneħħija jew ir-restrizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-wild.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 21/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.