Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Id-drittijiet u d-dmirijiet bejn it-tfal u l-ġenituri huma regolati bid-dispożizzjonijiet tal-Parti IV tal-Ktieb III tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas, minn hawnhekk ’il quddiem “il-Kodiċi Ċivili”). L-Artikolu 3.155 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li t-tfal għandhom jieħdu ħsiebhom il-ġenituri tagħhom sakemm jilħqu l-età maġġuri jew l-emanċipazzjoni. Il-ġenituri għandu jkollhom id-dritt u d-dmir li jrabbu u jedukaw lil uliedhom sabiex ikunu onesti, jieħdu ħsieb saħħithom u, b’kont meħud tal-istat fiżiku u mentali tagħhom, joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp sħiħ u armonjuż tagħhom sabiex jippreparawhom għal ħajja indipendenti fis-soċjetà. Il-Kapitolu XI tal-Ktieb III tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri fir-rigward ta’ uliedhom u l-Kapitolu XII jistipula d-drittijiet u d-dmirijiet dwar il-proprjetà bejn il-ġenituri u t-tfal.

L-Artikolu 3.227(2) tal-Kodiċi Ċivili jsostni li l-ġenituri adottivi għandhom jiġu ttrattati bħala l-ġenituri tal-minuri skont il-liġi mid-data li fiha tidħol fis-seħħ is-sentenza tal-qorti dwar l-adozzjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 3.222(4) tal-Kodiċi Ċivili.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

L-Artikolu 3.156 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li missier u omm għandu jkollhom drittijiet u dmirijiet indaqs fir-rigward ta’ uliedhom. Il-ġenituri għandu jkollhom drittijiet u dmirijiet indaqs fir-rigward ta’ uliedhom irrispettivament minn jekk il-minuri jkunx twieled lil koppja miżżewġa jew mhux miżżewġa, wara divorzju jew annullament taż-żwieġ jew separazzjoni.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom. Għal dak il-għan, il-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi l-istituzzjoni tat-tutela u l-kurazija tal-minuri. Ir-regoli bażiċi li jirregolaw it-tqegħid ta’ minuri taħt tutela/kurazija temporanja u permanenti huma stabbiliti fl-Artikoli 3.254 u 3.257.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw, ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-ġejjieni tiġi determinata skont it-tip ta’ divorzju.

Jekk żwieġ jiġi xolt b’kunsens reċiproku bejn il-konjuġi, huma jkunu meħtieġa jippreżentaw lill-qorti ftehim dwar il-konsegwenzi tax-xoljiment taż-żwieġ (separazzjoni tal-beni, ħlasijiet tal-manteniment għat-tfal, eċċ.). L-Artikolu 3.53(3) tal-Kodiċi Ċivili jistipula li, meta tagħti digriet ta’ divorzju, il-qorti għandha tapprova ftehim dwar il-konsegwenzi tax-xoljiment taż-żwieġ bejn il-konjuġi li jirregola l-ħlasijiet tal-manteniment għat-tfal ta’ età minuri u lil xulxin, il-post tar-residenza tat-tfal minorenni tagħhom, l-involviment tal-konjuġi fl-edukazzjoni ta' uliedhom u drittijiet u dmirijiet oħra dwar proprjetà. Il-kontenut ta’ dan il-ftehim jiġi inkorporat fid-digriet ta’ divorzju. Meta jkun hemm tibdil sinifikanti fiċ-ċirkustanzi (mard jew inkapaċità għax-xogħol ta’ wieħed/waħda mill-konjuġi preċedenti, eċċ.), il-konjuġi preċedenti jew wieħed/waħda minnhom jistgħu jitolbu lill-qorti timmodifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tagħhom dwar il-konsegwenzi tax-xoljiment taż-żwieġ.

Jekk żwieġ jiġi xolt abbażi tar-rikors ta’ wieħed/waħda mill-konjuġi, ir-rikors ippreżentat lill-qorti jrid jindika wkoll kif ir-rikorrent ikun se jwettaq l-obbligi tiegħu lejn il-konjuġi l-ieħor/l-oħra u t-tfal minorenni tagħhom. Fl-għoti ta' divorzju, il-qorti trid issolvi l-kwistjonijiet relatati mal-post tar-residenza u l-manteniment tat-tfal minorenni, il-manteniment ta’ wieħed/waħda mill-konjuġi u s-separazzjoni tal-proprjetà konġunta tal-konjuġi, ħlief f’każijiet fejn il-proprjetà tkun inqasmet skont ftehim reċiproku bejniethom iċċertifikat minn nutar (l-Artikolu 3.59 tal-Kodiċi Ċivili).

Divorzju minħabba ħtija taż-żewġ konjuġi għandu l-istess konsegwenzi bħax-xoljiment ta' żewġ b’kunsens reċiproku bejn il-konjuġi (l-Artikolu 3.51 sa 3.54 tal-Kodiċi Ċivili). Il-proċeduri ta’ divorzju minħabba ħtija ta’ wieħed/waħda mill-konjuġi huma soġġetti, mutatis mutandis, għall-Artikolu 3.59 tal-Kodiċi Ċivili.

Dwar il-kwistjoni tas-separazzjoni, wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob lill-qorti biex jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ għajxien separati jekk huwa ma jkunx jista’ jittollera aktar l-għajxien mal-konjuġi tiegħu/tagħha jew dan ikun sar impossibbli jew jista’ jippreġudika serjament l-interessi tat-tfal minorenni minħabba ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu ma jkunux jiddependu mill-konjuġi l-ieħor/l-oħra, jew il-konjuġi ma jkunux għadhom interessati li jgħixu flimkien. Meta tagħti s-separazzjoni legali, il-qorti trid taħtar il-konjuġi ma’ min ikunu se jgħixu t-tfal u ssolvi l-kwistjonijiet relatati mal-manteniment tat-tfal u l-involviment tal-missier (jew l-omm) separat(a) fl-edukazzjoni tat-tfal. Iż-żewġ konjuġi jistgħu jitolbu flimkien lill-qorti l-approvazzjoni tas-separazzjoni tagħhom jekk ikunu laħqu ftehim dwar il-konsegwenzi tas-separazzjoni tagħhom f’termini tal-post tar-residenza, il-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal minorenni tagħhom, id-diviżjoni tal-beni tagħhom u l-manteniment ta’ xulxin. Fejn il-konjuġi jkunu laħqu ftehim dwar il-konsegwenzi tas-separazzjoni tagħhom, il-qorti tapprova l-ftehim bil-kundizzjoni li dan ikun konsistenti mal-ordni pubbliku u ma jagħmilx ħsara lid-drittijiet u l-interessi leġittimi tat-tfal minorenni tagħhom jew ta’ xi wieħed/waħda mill-konjuġi. Wara li tapprova l-ftehim, il-qorti tinkorporah fis-sentenza dwar is-separazzjoni legali.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Jekk il-ġenituri jkunu jgħixu flimkien, l-arranġamenti u l-forma tal-manteniment jiġu determinati permezz tal-ftehim reċiproku bejniethom. Ma hemm ebda mudell speċjali għal tali ftehim jew proċedura għall-konklużjoni tiegħu. L-Artikolu 3.193 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li, fil-każ ta’ divorzju bi ftehim reċiproku (l-Artikolu 3.51 tal-Kodiċi Ċivili) jew separazzjoni (l-Artikolu 3.73 tal-Kodiċi Ċivili), il-konjuġi għandhom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi d-dmirijiet reċiproċi tagħhom fil-manteniment tat-tfal minorenni tagħhom kif ukoll il-mezzi, l-ammont u l-forma ta’ dak il-manteniment. Il-ftehim għandu jiġi approvat mill-qorti (l-Artikolu 3.53 tal-Kodiċi Ċivili). Il-ġenituri ta’ tfal minorenni jistgħu jinkludu wkoll ftehim dwar il-manteniment ta' uliedhom jekk id-divorzju tagħhom ikun ibbażat fuq raġunijiet oħra. Jekk wieħed mill-ġenituri ma jikkonformax mal-ftehim dwar il-manteniment tat-tfal minorenni tagħhom kif approvat mill-qorti, il-ġenitur l-ieħor jikseb id-dritt li jitlob lill-qorti toħroġ il-mandat ta’ eżekuzzjoni.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Is-servizzi ta’ medjazzjoni bħala mezz alternattiv sabiex jissolvew il-kunflitti mingħajr ma wieħed imur il-qorti, huma disponibbli għall-ġenituri. Il-medjazzjoni ġudizzjarja hija disponibbli fil-qrati ordinarji kollha. Il-medjazzjoni ġudizzjarja tiġi pprovduta mingħajr ħlas. Hija mod irħas u aktar veloċi ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Ta’ min jinnota li l-medjazzjoni ġudizzjarja tiggarantixxi l-kunfidenzjalità, u kwalunkwe parti tista’ tirtira mill-medjazzjoni ġudizzjarja mingħajr ma tagħti r-raġunijiet. Ir-rinviju ta’ tilwima għall-medjazzjoni ġudizzjarja jista’ jinbeda mill-imħallef (awla) li jkun qiegħed jisma’ l-kawża ċivili jew minn kwalunkwe parti fit-tilwima. Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni u lista tal-medjaturi tista’ tinstab fuq is-sit web tal-qrati Litwani.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, l-imħallef jista’ jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw lil uliedhom, inkluż il-post tar-residenza tagħhom, id-drittijiet ta’ żjara/aċċess tal-ġenituri, il-manteniment tat-tfal minorenni, u kwalunkwe kwistjoni oħra indikata fir-rikors ippreżentat lill-qorti.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

L-Artikolu 3.156 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li l-missier u l-omm għandu jkollhom drittijiet u dmirijiet indaqs fir-rigward ta' uliedhom. Dan japplika irrispettivament minn jekk il-minuri jkunx twieled lil koppja miżżewġa jew mhux miżżewġa, wara divorzju jew annullament taż-żwieġ jew separazzjoni. Il-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir li jrabbu lil uliedhom, ikunu responsabbli għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tagħhom, jieħdu ħsieb saħħithom, u jipprovdu gwida spiritwali u morali. Fit-twettiq ta’ dawn id-dmirijiet, id-drittijiet tal-ġenituri jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet ta’ persuni oħra. Il-ġenituri jridu joħolqu l-kundizzjonijiet biex uliedhom jattendu l-istituzzjonijiet edukattivi sakemm jilħqu l-età preskritta mil-liġi.

Il-kustodja unika ta’ ġenitur wieħed tista’ tiġi determinata biss f’każijiet fejn l-awtorità ta' ġenitur tal-ġenitur l-ieħor tkun ristretta. Fejn il-ġenituri (il-missier jew l-omm) ifallu fid-dmirijiet tagħhom li jrabbu lil uliedhom, jabbużaw mill-awtorità ta’ ġenituri tagħhom, jittrattaw lil uliedhom b’mod krudili, ikollhom influwenza ta’ ħsara fuq uliedhom b’riżultat ta’ mġiba immorali jew ma jiħdux ħsieb uliedhom, il-qorti tista’ tagħti sentenza biex tillimita temporanjament jew indefinittivament l-awtorità tagħhom ta’ ġenituri (dik tal-missier jew tal-omm). Meta tagħti sentenza bħal din, il-qorti tikkunsidra ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għal restrizzjoni tal-awtorità tal-ġenituri. Il-ġenituri, madankollu, iżommu d-dritt li jkollhom kuntatt mal-minuri tagħhom, ħlief fejn dan imur kontra l-interessi tal-minuri. Fejn l-awtorità tal-ġenituri tkun limitata għal perjodu indefinit, il-minuri jista’ jiġi adottat mingħajr il-kunsens speċifiku tal-ġenituri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-ġenituri jiddeċiedu l-kwistjonijiet kollha relatati mal-edukazzjoni ta’ wliedhom u kwistjonijiet oħra ta’ responsabbiltà tal-ġenituri bi ftehim reċiproku. Jekk ma jaslux għal ftehim, kwalunkwe kwistjoni disputata tiġi solvuta mill-qorti.

Il-missier jew omm il-minuri jew il-ġenituri (tuturi/kuraturi) ta’ ġenituri minorenni legalment inkapaċi jistgħu jirrikorru quddiem il-qorti rigward il-kuntatt tal-ġenituri mal-minuri jew l-involviment fl-edukazzjoni tal-minuri. Il-qorti tistabbilixxi l-arranġamenti għall-kuntatt ta’ missier jew omm separati, ma’ minuri, billi tikkunsidra l-interessi tal-minuri bil-għan li l-missier jew l-omm separati jkunu jistgħu jgawdu l-involviment massimu fl-edukazzjoni tal-minuri. Il-kuntatt minimu mal-minuri jista’ jiġi ordnat biss f’każijiet fejn il-kuntatt massimu kontinwu jkun ta’ ħsara għall-interessi tal-minuri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Jekk persuna tkun tixtieq tippreżenta rikors rigward ir-responsabbiltà tal-ġenituri, hija trid tirrikorri quddiem il-qorti distrettwali. Il-formalitajiet li jridu jiġu rrispettati u d-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors jiddependu mir-rekwiżiti speċifikati fir-rikors u d-drittijiet u d-dmirijiet li jkunu kkontestati jew li jkunu jridu jiġu solvuti jew stabbiliti (dwar x’tinvolvi r-responsabbiltà tal-ġenituri).

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

It-tilwim u l-kwistjonijiet ewlenin tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu eżaminati skont proċedura simplifikata.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Id-disponibbiltà ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas hija regolata mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Garantita mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos įstatymas). Il-possibbiltà li tinkiseb għajnuna legali garantita mill-Istat tiddependi mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ persuna.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, tista’ tappella kontra deċiżjoni bħal din quddiem il-qorti superjuri skont ir-regoli ġenerali tal-proċedura ċivili.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Id-deċiżjoni ta’ qorti tiġi eżegwita minn uffiċjali ġudizzjarji.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri huwa applikat mingħajr ebda proċedura speċjali permezz tar-rikonoxximent ta’ sentenza maħruġa mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-UE fil-Litwanja. Dan ir-Regolament huwa applikat għall-Istati Membri kollha tal-UE bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Is-sentenzi dwar id-drittijiet ta’ aċċess u s-sentenzi li jirrikjedu r-ritorn tal-minuri, maħruġa mill-qrati tal-Istati Membri tal-UE, huma soġġetti għal infurzar skont ir-regoli stabbiliti fil-Parti VI tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos civilinio proceso kodeksas, minn hawnhekk ’il quddiem “il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”).

Ir-rikorsi biex il-ġurisdizzjoni tiġi trasferita minn qorti ta’ pajjiż barrani u r-rikorsi biex il-ġurisdizzjoni tiġi trasferita lil qorti ta’ pajjiż barrani, kif imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (u l-Artikoli 8 u 9 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996), jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Appell tal-Litwanja (Lietuvos apeliacinis teismas).

Ir-rikorsi msemmija jiġu kkunsidrati skont il-proċedura stabbilita fil-Kapitolu 39 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, bil-kundizzjoni li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 ma jipprevedix mod ieħor. Rikorsi bħal dawn mhumiex soġġetti għal miżati tal-qorti.

Ir-rikorsi ppreżentati lill-Qorti tal-Appell tal-Litwanja jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali għall-atti proċedurali (l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, ir-rikors u kwalunkwe appendiċi ta’ akkumpanjament iridu jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-Istat, jew iridu jiġu mehmuża traduzzjonijiet tagħhom fil-Litwan. Fejn ir-rikorrent ikun jirrisjedi barra r-Repubblika tal-Litwanja u ma jkunx ħatar rappreżentant għall-kawża jew persuna awtorizzata biex tikseb l-atti proċedurali li tkun tirrisjedi/ikollha uffiċċju professjonali fir-Repubblika tal-Litwanja (l-Artikolu 805 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), ir-rikors irid jindika indirizz fir-Repubblika tal-Litwanja jew l-indirizz ta’ apparat terminali tat-telekomunikazzjoni, fejn l-atti proċedurali jiġu nnotifikati lir-rikorrent. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx għar-rikorsi ppreżentati lill-Qorti tal-Appell tal-Litwanja minn qorti ta’ pajjiż barrani.

Fejn ikun xieraq, il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja tista’ titlob lis-Servizz Statali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Adozzjoni fi ħdan il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u x-Xogħol tar-Repubblika tal-Litwanja (Valstybės vaiko teisių apsaugos ir įvaikinimo tarnyba prie Lietuvos Respublikos socialinės apsaugos ir darbo ministerijos) jissottometti opinjoni dwar l-espedjenza tat-teħid jew tat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni. Il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja tistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta trid tiġi ppreżentata din l-opinjoni.

Rikors irid jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Appell tal-Litwanja sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mid-data li fiha l-qorti tkun irċeviet ir-rikors.

Wara li tkun ikkunsidrat rikors biex il-ġurisdizzjoni tittieħed mingħand qorti ta’ pajjiż barrani u tkun adottat deċiżjoni biex taċċetta r-rikors, il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-każ, taħtar qorti Litwana kompetenti biex tikkunsidra l-każ fil-Litwanja. Il-proċedimenti mibdija fil-qorti tal-pajjiż barrani jiġu trasferiti lill-qorti Litwana kompetenti għal eżami tal-merti tal-każ. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili japplikaw mutatis mutandis u l-proċedimenti jissoktaw fil-qorti Litwana kompetenti. Fejn ikun xieraq, il-qorti Litwana kompetenti tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-partijiet fil-proċedimenti u tieħu miżuri sabiex telimina kwalunkwe nuqqas li jista’ jaffettwa l-atti proċedurali.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Appell irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Suprema tal-Litwanja (Lietuvos Aukščiausiasis Teismas). Dan jiġi eżaminat bħala appell fil-kassazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal hija stabbilita mill-Artikolu 1.32 tal-Kodiċi Ċivili. Ir-relazzjonijiet personali u fir-rigward tal-beni bejn il-ġenituri u t-tfal huma regolati mil-liġi tal-Istat fejn il-minuri jkun abitwalment residenti. Jekk l-ebda ġenitur ma jkun abitwalment residenti fl-Istat fejn il-minuri jkun abitwalment residenti u l-minuri u ż-żewġ ġenituri jkunu ċittadini tal-istess Stat, tapplika l-liġi tal-Istat li tiegħu jkunu lkoll ċittadini.

Fi kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti kompetenti tiġi determinata skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996 fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal.

Il-liġi applikabbli għall-protezzjoni tal-minorenni, it-tutela u l-kurazija tagħhom hija determinata skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Kompetenza tal-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fil-qasam tal-Protezzjoni tal-Minorenni.

L-obbligi ta’ manteniment (alimenti) fi ħdan il-familja huma regolati mill-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.