Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu jinkludi d-dmirijiet u l-obbligi ta’ ġenitur fil-konfront tal-minuri skont il-Kodiċi Ċivili ta’ Malta, il-Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta. It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” li fil-leġiżlazzjoni Maltija jissejjaħ l-“awtorità tal-ġenituri”, jinkludi l-kustodja u l-aċċess, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħall-post tar-residenza, l-ivvjaġġar, l-obbligi ta’ manteniment, l-edukazzjoni, deċiżjonijiet maġġuri relatati mas-saħħa u l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Il-ġenitur bijoloġiku jew fil-każ ta’ adozzjonijiet, il-ġenituri adottivi mal-finalizzazzjoni tal-proċeduri tal-adozzjoni. Barra minn hekk, ommijiet li jrabbu lil uliedhom waħedhom għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri sakemm il-missier ma jirreġistrax it-twelid b’mod konġunt mal-omm tal-wild.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Meta tfal jitqiegħdu taħt ordni għall-ħarsien jew inġunzjoni, skont il-Kap. 285 tal-Att dwar it-Tfal u ż-Żagħżagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien), tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Ministru jiġi vestit bil-kura u l-kustodja tagħhom.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni, din tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti jew tiġi riżolta permezz ta’ medjazzjoni. Tista’ wkoll tiġi determinata permezz ta’ dokument eżekutorju legalment vinkolanti bejn il-partijiet li jiġi ffirmat quddiem nutar.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Jekk tali ftehim jiġi konkluż barra l-proċeduri ta’ separazzjoni biex dan ikun legalment vinkolanti, għandu jiġi rratifikat fil-Qorti u jiġi rreġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Min-naħa l-oħra, jekk ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jintlaħaq matul proċeduri ta’ separazzjoni jew ta’ divorzju, il-ftehim jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tkun qed tisma’ dan il-proċediment u jinħareġ digriet tal-qorti, li japprova jew le l-ftehim.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

F’każijiet bħal dawn mezz alternattiv huwa l-proċess ta’ medjazzjoni. Jekk il-ġenituri xorta ma jilħqux ftehim matul dan il-proċess, jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja).

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef jista’ jiddeċiedi dwar kull deċiżjoni maġġuri meqjusa importanti għall-benesseri tat-tfal, pereżempju, ir-residenza tat-tfal, liema ġenitur għandu jkollu l-kustodja, id-drittijiet ta’ żjarat u ta’ aċċess, u l-obbligu li jitħallas il-manteniment għat-tfal.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-qorti rarament tagħti kura u kustodja sħiħa lil ġenitur wieħed iżda dan jiddependi skont il-każ. Minkejja dan, f’każ li l-qorti tagħti l-kura u l-kustodja sħiħa lil ġenitur wieħed xi kwistjonijiet xorta għandhom jiġu diskussi bil-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-aċċess jew mat-tneħħija ta’ minuri lejn pajjiż terz li tkun tinvolvi b’mod dirett id-drittijiet ta’ aċċess tal-ġenitur li ma jkollux il-kustodja.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li ż-żewġ ġenituri jiddiskutu u jieħdu d-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ulied b’mod konġunt. Dan ma jinkludix attivitajiet ta’ kuljum, iżda sempliċiment id-deċiżjonijiet maġġuri li jinvolvu l-post tar-residenza, l-edukazzjoni u kwistjonijiet marbuta mas-saħħa. L-Artikolu 136(3) tal- Kodiċi Ċivili jagħmel referenza għal atti ta’ amministrazzjoni straordinarja, fejn dawn l-atti jeħtieġu l-kunsens taż-żewġ ġenituri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fejn medjazzjoni ma tirnexxix, jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja). Ma hemmx lista formali ta’ dokumenti meħtieġa u għalhekk kwalunkwe dokumentazzjoni u ċertifikat pertinenti jistgħu jiġu mehmuża mar-rikors, b’mod partikolari, dawk li jagħtu prova tal-awtorità tal-ġenituri, inkluż kwalunkwe ftehim dwar kura u kustodja, jew digrieti mogħtija.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Ir-rikors jiġi skedat biex tinstema’ f’data partikolari. Matul is-smigħ tal-kawża l-imħallef jisma’ lill-partijiet u lix-xhieda l-oħra li l-partijiet itellgħu. Il-Qorti tista’ wkoll taħtar assistenti soċjali u psikologi biex ifasslu rapport dwar il-minuri jekk tagħraf tali ħtieġa. L-esperti maħtura mill-Qorti jħejju rapport wara li jkunu kkonsultaw lill-ġenituri, lit-tfal u lil persuni professjonali oħra li b’xi mod ikunu marbuta mal-każ. Jistgħu jiġu invokati proċeduri ta’ emerġenza jekk il-parti li tippreżenta l-applikazzjoni tindika raġunijiet validi biżżejjed ta’ urġenza. Jekk dan ikun fl-interess tal-minuri, jinħareġ digriet interim dwar il-kwistjoni li jitlob li l-każ jinstema’ b’urġenza, pereżempju impediment ta’ tluq, kura u kustodja, eċċ.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, wieħed jista’ japplika għall-għajnuna legali, madankollu r-rikorrent jiġi sottopost għal test tal-mezzi skont it-Titolu X tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ( Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). Aktar dettalji dwar l-għajnuna legali tista’ tinkiseb mit-taqsima dwar l-għajnuna legali.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Huwa possibbli biss li jsir appell f’każ li jkun hemm punt ta’ liġi involut, jiġifieri pereżempju waħda mill-partijiet ma tingħatax id-dritt li tressaq xhieda mingħajr ebda raġuni valida min-naħa tal-qorti. F’każijiet bħal dawn, jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Appell.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Deċiżjoni tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) hija awtomatikament eżegwibbli, madankollu f’każijiet fejn wieħed mill-ġenituri ma jkunx qed jirrispetta tali digriet, il-ġenitur li l-awtorità tal-ġenituri tiegħu tkun qed tiġi ristretta jista’ jagħmel rapport lill-pulizija li sussegwentement tipproċedi bi proċedimenti kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex twettaq l-eżekuzzjoni flimkien ma’ multa u/jew priġunerija. Barra minn hekk, tista’ tiġi ppreżenta applikazzjoni quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) li titlob għat-tibdil tad-digriet tal-qorti.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Il-proċedura applikabbli li għandha tiġi segwita hija dik li tinstab fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta'Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Brussell II bis), jiġifieri li l-imħallef kompetenti jimla’ ċertifikat u dan, flimkien mas-sentenza tal-qorti u applikazzjoni li titlob għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja). Għandu jiġi identifikat ukoll indirizz għal skopijiet ta’ notifika. Id-dokumenti kollha għandhom jiġu tradotti bil-Malti jew bl-Ingliż.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Oppożizzjoni tista’ ssir quddiem l-istess qorti u fl-atti ta’ fejn ikun ġie ppreżentat ir-rikors għall-eżekuzzjoni u għar-rikonoxximent. L-oppożizzjoni jkun fiha r-raġunijiet għas-sospensjoni ta’ tali rikonoxximent u eżekuzzjoni u din issir permezz ta’ tweġiba għar-rikors.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.