Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Olanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jfisser li wieħed ikollu l-awtorità fuq minuri u responsabbiltà għat-trobbija u għall-kura ta’ dan il-minuri.

L-Artikolu 247 tal-Ktieb 1 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek) jistipula li ġej dwar dan is-suġġett:

1. Awtorità tal-ġenituri għandha tinkludi d-dover u d-dritt tal-ġenituri li jieħdu ħsieb u jrabbu l-wild minuri tagħhom.

2. “Kura u trobbija” għandha tinkludi li jieħdu ħsieb u jieħdu responsabbiltà għall-benesseri mentali u fiżiku u s-sigurtà tal-minuri u li jippromwovu l-iżvilupp tal-personalità tal-minuri. Il-ġenituri ma jistgħux jużaw vjolenza mentali jew fiżika jew xi trattament umiljanti ieħor meta jieħdu ħsieb u jrabbu l-minuri.

3. L-awtorità tal-ġenituri għandha tinkludi l-obbligu tal-ġenitur li jippromwovi l-iżvilupp tar-relazzjoni tal-minuri mal-ġenitur l-ieħor.

4. Minuri li l-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta tiegħu għandu jibqa’ intitolat li jieħdu ħsiebu u jrabbuh ż-żewġ ġenituri b’mod ekwivalenti wara xoljiment taż-żwieġ minbarra minħabba mewt, wara separazzjoni legali jew wara xoljiment legali ta’ sħubija rreġistrata minbarra minħabba mewt, jew wara terminazzjoni ta’ koabitazzjoni jekk saret annotazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 252(1).

5. Għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 4, fi ftehim jew pjan ġenitorjali, il-ġenituri jistgħu jikkunsidraw ostakoli prattiċi li jistgħu jirriżultaw b’rabta max-xoljiment taż-żwieġ minbarra minħabba mewt, wara separazzjoni legali jew wara xoljiment legali ta’ sħubija rreġistrata minbarra minħabba mewt, jew wara terminazzjoni ta’ koabitazzjoni jekk saret annotazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 252(1), iżda biss u diment li jeżistu l-ostakoli rilevanti.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Il-ġenituri għandhom l-awtorità u r-responsabbiltà biex jieħdu ħsieb u jrabbu l-wild minuri tagħhom. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk il-ġenituri ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jeżerċitaw awtorità jew responsabbiltà tal-ġenituri, l-awtorità tal-ġenituri tista’ tiġi ttrasferita lil persuna oħra mill-qorti.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Wara divorzju, iż-żewġ ġenituri jżommu l-awtorità tal-ġenituri fuq uliedhom. It-tnejn jibqgħu jkunu responsabbli biex irabbu u jieħdu ħsieb lill-ulied. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Huwa possibbli li f’ċerti każijiet, fuq talba, il-qorti tassenja l-kustodja lil ġenitur wieħed. Il-paternità (li skont id-definizzjoni mhijiex ekwivalenti għal awtorità tal-ġenturi) u d-drittijiet u d-doveri assoċjati jistgħu wkoll jiġu rregolati b’mod differenti fil-pjan ġenitorjali, li jitfassal fil-każ ta’ divorzju.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

F’każijiet ta’ divorzju, l-arranġamenti li jkun sar qbil dwarhom jiġu stipulati fi pjan ġenitorjali li jiġi revedut mill-qorti. Il-qorti tippronunzja d-divorzju.

Ara wkoll: https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/scheiden/vraag-en-antwoord/checklist-bij-scheiden-of-uit-elkaar-gaan

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-medjazzjoni hija possibbiltà biex jissolva tilwim dwar paternità.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Id-deċiżjoni tal-qorti tkopri l-elementi kollha tal-pjan ġenitorjali, inkluż il-kustodja, it-tqassim tal-kompiti fir-rigward tal-kura u t-trobbija tal-minuri, u l-post prinċipali tar-residenza tal-minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Le. Il-ġenitur bil-kustodja tal-minuri huwa obbligat li jżomm lill-ġenitur mingħajr kustodja infurmat dwar kwistjonijiet importanti dwar il-persuna [HM-B1] u l-assi tal-minuri u li jikkonsulta l-ġenitur tal-aħħar dwar deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-minuri. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, jiddeċiedi l-ġenitur bil-kustodja.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li ż-żewġ ġenituri għandhom l-istess drittijiet u doveri li jappartjenu lil ġenitur bil-kustodja (ara l-mistoqsija 1), jekk il-ġenituri jkunu qablu dwar tqassim differenti tal-kompiti fir-rigward tal-kura u t-trobbija tal-minuri fil-pjan ġenitorjali.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Sabiex tinkiseb kustodja ta’ minuri, għandha ssir talba lill-qorti bil-ġuriżdizzjoni għall-post ta’ residenza tal-minuri. Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati jiddependu fuq is-sitwazzjoni tal-ġenitur u l-minuri. Informazzjoni dwar id-dokumenti meħtieġa tinstab fir-Regoli ta’ proċedura (procesreglement) Kustodja u aċċess (Gezag en omgang). Avukat jista’ jgħin b’dan.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

M’hemm l-ebda proċedura partikolari għas-sitwazzjonijiet imsemmija. Iva, huma possibbli proċeduri għal miżuri provviżorji.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, l-għajnuna legali hija possibbli, għalkemm din hija soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tinstab fis-sit web tal-Kunsill tal-Għajnuna Legali (Raad voor Rechtsbijstand).

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, jistgħu jsiru appelli lill-Qorti tal-Appell (gerechtshof).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

F’dan il-każ tapplika l-proċedura tal-qorti ordinarja.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Fil-prinċipju, mhi meħtieġa li tittieħed l-ebda azzjoni. Dan iseħħ awtomatikament jekk l-Istat Membru huwa parti għar-Regolament Brussell IIa. Dan ir-Regolament huwa applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-appelli għandhom jitressqu mal-qorti fil-pajjiż fejn inħarġet id-deċiżjoni,

Appell fi kwistjoni tal-familja fin-Netherlands jeħtieġ l-assistenza ta’ avukat. L-avukat jista’ jressaq l-appell mar-Reġistru tal-Qorti tal-Appell. Wara li l-qorti tkun iddeċidiet f’każ tal-familja, l-avukat ikollu tliet xhur biex jappella. Il-Qorti tal-Appell tapplika dan il-limitu ta’ żmien strettament. Id-data li fiha r-Reġistru jirċievi t-talba biex jitressaq appell hija d-data uffiċjali li fiha tressaq l-appell.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati Netherlandiżi japplikaw biss liġi Netherlandiża.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 07/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.