Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri b’mod partikolari tinkludi l-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri li jieħdu ħsieb il-persuna u l-assi tal-wild minuri u li jrabbu l-wild minuri, b’rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-wild minuri (l-Artikolu 95(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela (KRiO)).

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Iż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild minuri. Meta ġenitur wieħed ikun mejjet jew ma jkollux kapaċità legali sħiħa, il-ġenitur l-ieħor huwa d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-istess japplika fil-każ li r-responsabbiltà ta’ ġenitur ta’ wieħed mill-ġenituri tkun ġiet sospiża.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tkun ukoll limitata b’deċiżjoni tal-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġenitur l-ieħor ikun intitolat li jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild sa fejn ikun speċifikat fid-deċiżjoni tal-qorti.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

F’każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, dawn jistgħu jagħmlu talba lill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) jew awtorità pubblika oħra biex il-wild minuri jitqiegħed f’foster care. F’każijiet ta’ urġenza estrema, fuq it-talba jew bil-kunsens tal-ġenituri tal-wild minuri, il-wild minuri jista’ jitqiegħed ma’ foster family abbażi ta’ ftehim bejn il-kap ta’ distrett (starosta) u foster family jew persuni li jmexxu dar għall-foster care (rodzinny dom dziecka).

Meta l-ġenituri ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq wild minuri, dawn jistgħu jagħtu l-kunsens għall-adozzjoni tiegħu. Hemm tliet forom ta’ adozzjoni skont il-liġi Pollakka: sħiħa, sħiħa u irrevokabbli (magħrufa wkoll bħala “adozzjoni sħiħa”), u mhux sħiħa.

Jekk il-ġenituri li debitament jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jipperikolaw l-interessi tal-wild minuri, ir-responsabbiltà tagħhom ta’ ġenituri tista’ tiġi ristretta b’deċiżjoni tal-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela u l-wild minuri jista’ jitqiegħed f’foster family, f’dar ta’ foster family, taħt foster care istituzzjonali, f’ċentru ta’ indukrar u trattament, f’ċentru ta’ indukrar minn infermiera jew f’ċentru ta’ riabilitazzjoni terapewtika.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Meta tagħti sentenza dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, qorti Pollakka hija meħtieġa li ssolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għal wild minuri ħlief jekk ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri f’każ speċifiku. Meta tkun qed issolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti Pollakka tista’ tqis ftehim bil-miktub bejn il-miżżewġin dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri, dment li dan ikun fl-aħjar interessi tal-wild minuri.

Jekk il-ġenituri ma jaqblux, il-qorti tista’, wara li tikkunsidra d-dritt tal-wild minuri li jitrabba miż-żewġ ġenituri:

  1. tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju konġunt tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
  2. tagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri u tirrestrinġi r-responsabbiltà tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċifiċi fir-rigward tal-wild minuri.

Meta jkun ġustifikat mill-aħjar interessi tal-wild minuri, il-qorti li tittratta l-kwistjoni ta’ tutela (sąd opiekuńczy) tista’ tbiddel deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-mod kif tiġi eżerċitata f’sentenza ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ (l-Artikolu 106 KRiO).

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

M’hemm l-ebda forma speċifikata mil-liġi għal ftehim tal-ġenituri bħal dan. Madankollu, ta’ min jinnota li ftehim bejn il-ġenituri dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri m’għandu l-ebda effett legali u jista’ jitqies sempliċiment bħala bażi għas-sentenza tal-qorti f’dan ir-rigward. Il-ftehim jista’ jintlaħaq ukoll permezz ta’ medjazzjoni. F’dak il-każ, dan isir bil-miktub u jiġi ffirmat miż-żewġ ġenituri u minn medjatur. Sabiex ikun legalment vinkolanti, il-ftehim irid jiġi approvat mill-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-ġenituri jistgħu jiġu megħjuna minn medjatur. Is-servizzi tal-medjazzjoni jiġu pprovduti abbażi ta’ ftehim ta’ medjazzjoni jew deċiżjoni tal-qorti li tirreferi l-ġenituri għal medjazzjoni. Il-ftehim jista’ jiġi konkluż ukoll permezz tal-kunsens ta’ ġenitur biex jimmedja meta l-ġenitur l-ieħor ikun talab medjazzjoni. Madankollu, soluzzjoni li tinstab quddiem medjatur m’għandhiex il-forza legali ta’ sentenza tal-qorti sakemm din ma tkunx approvata mill-qorti.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-ġenituri jistgħu jmorru f’qorti fil-Polonja li tittratta l-materji ta’ tutela b’rabta ma’ bosta kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq wild minuri, bħal:

  1. il-mod li bih se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ aċċess għall-wild minuri fil-każ li r-responsabbiltà tal-ġenituri tinqasam bejn iż-żewġ ġenituri li jgħixu separati;
  2. riżoluzzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna kwistjonijiet importanti fir-rigward tal-wild minuri f’każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar kif għandhom jiġu riżolti kwistjonijiet bħal dawn, inkluż id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza, l-għażla tal-iskola, l-għażla tal-isem u l-kunjom, deċiżjonijiet dwar kura medika, ivvjaġġar barra mill-pajjiż, eċċ.
  3. tranżazzjonijiet legali bejn wild minuri u ġenitur fejn tali tranżazzjonijiet legali jmorru lil hinn mill-immaniġġjar ordinarju tal-assi tal-wild minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Jekk qorti tkun fdat l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri biss, dak il-ġenitur ikun liberu li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw lill-wild minuri mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor jew jikseb il-kunsens tiegħu.

Ġenitur jista’ jiġi mċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri mill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkunx tista’ tiġi eżerċitata minħabba impediment permanenti, il-ġenitur ikun jabbuża mir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ikun jittraskura serjament l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-wild minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

L-għoti tal-kustodja konġunta lill-ġenituri jfisser li dawn jistgħu u għandhom jeżerċitaw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-wild minuri. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw il-wild minuri jiġu deċiżi b’mod konġunt mill-ġenituri, jew minn qorti li tittratta materji ta’ tutela meta ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu mill-qorti distrettwali (sąd rejonowy) b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tar-residenza tal-wild minuri. It-taqsima tal-familja u tal-minorenni fi ħdan il-qorti distrettwali hija l-qorti li tittratta l-kwistjonijiet ta’ tutela (sąd opiekuńczy). Meta ma jkunx hemm bażi bħal din, il-ġuriżdizzjoni tinsab fil-Qorti Distrettwali tal-Belt Kapitali Varsavja.

Għandu jitressaq rikors flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild minuri, iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri (meta jkunu miżżewġin), dokumenti oħrajn li jappoġġaw it-talba, bħal ċertifikati mediċi, ċertifikati tal-iskola u kopji ta’ sentenzi preċedenti minn qrati oħrajn li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu f’dik li hija magħrufa bħala proċedura mhux kontenzjuża, li hija inqas formali minn proċedura kontenzjuża.

Barra minn hekk, fuq it-talba ta’ parti fil-proċedimenti, il-qorti li tittratta materji ta’ tutela tista’ tagħti miżura provviżorja fil-mod li tqis xieraq taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Id-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward isiru effettivi u eżegwibbli meta jinħarġu.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-partijiet għal proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma meħtieġa li jħallsu t-tariffi u l-ispejjeż previsti fl-Att dwar l-Ispejjeż Legali f’Kawżi Ċivili (Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych). Madankollu, skont l-Artikolu 102(1) tal-Att, parti għall-proċedimenti tal-qorti tista’ titlob eżenzjoni mill-ispejjeż legali billi tressaq dikjarazzjoni li ma tistax tħallas spejjeż bħal dawn mingħajr tbatija għaliha stess jew għall-familja tagħha. It-talba għal eżenzjoni mill-ispejjeż legali għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tagħti dettalji dwar l-istatus tal-familja, l-assi, l-introjtu u l-għajxien tal-applikant. Parti għal proċedimenti tista’ tiġi eżentata parzjalment mill-ispejjeż legali mill-qorti fil-każ li tali parti tkun f’pożizzjoni li tħallas biss parti mit-tali spejjeż (l-Artikolu 101(1)).

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, appell kontra kwalunkwe deċiżjoni jista’ jitressaq quddiem qorti superjuri. Fil-każ ta’ ordnijiet protettivi, jiġi ppreżentat appell quddiem qorti tal-istess istanza. Appelli kontra sentenzi li jingħataw minn qorti distrettwali (sąd rejonowy) dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jitressqu quddiem qorti reġjonali (sąd okręgowy). Sentenzi li jingħataw minn qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fi proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ huma soġġetti għal appell quddiem il-qorti tal-appell (sąd apelacyjny).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Il-korp tal-eżekuzzjoni tal-qorti f’kawżi li jikkonċernaw ir-ritorn ta’ wild minuri huwa tutur maħtur mill-qorti (kurator sądowy). Fil-każ li ma jkunx hemm konformità mas-sentenza tal-qorti li tordna r-ritorn ta’ wild minuri, il-persuna intitolata sabiex il-wild minuri jiġi rritornat għandha titlob lill-qorti li ħarġet tali deċiżjoni biex tordna t-tneħħija obbligatorja tal-wild minuri minn tutur maħtur mill-qorti. Fil-każ li l-inħawi ta’ persuna soġġetta għar-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunux magħrufa, il-qorti twettaq investigazzjoni sabiex tistabbilixxi fejn tinsab. Id-digriet jingħata mill-qorti lil tutur maħtur mill-qorti fil-forma ta’ deċiżjoni, li tista’ tingħata in camera. Ma jista’ jitressaq l-ebda appell kontra deċiżjoni bħal din. It-tutur maħtur mill-qorti jistabbilixxi d-data għat-tneħħija tal-wild minuri u jinnotifika l-persuna intitolata. It-tutur maħtur mill-qorti jista’ jieħu l-wild minuri mingħand kwalunkwe persuna li jkun qiegħed joqgħod magħha l-wild minuri. Għal dan il-għan, il-tutur maħtur mill-qorti jista’ jfittex l-assistenza ta’ uffiċjali tal-pulizija, psikologi u l-bqija.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kodeks postępowania cywilnego) jipprevedi proċedura differenti fir-rigward ta’ sentenzi dwar arranġamenti għall-aċċess. F’dak il-każ, fuq it-talba ta’ persuna intitolata għal aċċess għall-wild minuri, il-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) thedded li toħroġ mandat fil-konfront tal-persuna li għandha l-kustodja u li tonqos milli tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn sentenza jew soluzzjoni fir-rigward ta’ aċċess għall-wild minuri, li jkun jeħtieġ il-ħlas ta’ ammont speċifiku lill-persuna intitolata għal kull ksur tal-obbligu. Fil-każ li persuna intitolata għal aċċess għall-wild minuri jew persuna pprojbita minn tali aċċess tikser l-obbligu impost mid-deċiżjoni, il-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) thedded li tordna lil din il-persuna tħallas ammont speċifiku lill-persuna b’kustodja tal-wild minuri. F’każ li persuna ordnata mill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela biex tagħmel ħlas tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligu tagħha, il-qorti tat-tutela (sąd opiekuńczy) se tordna lit-tali persuna biex tħallas ammont dovut, li jiġi stipulat skont in-numru ta’ każijiet ta’ ksur.

Sentenza jew soluzzjoni eżegwibbli li tikkonċerna l-aċċess għall-wild minuri trid tiġi mehmuża mar-rikors imsemmi hawn fuq.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli huma dawk tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet tar-responsabbilità tal-ġenituri. Bħala regola, dawn is-sentenzi jiġu rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr ebda proċediment addizzjonali. Madankollu, huwa possibbli li jiġi ppreżentat rikors għal rikonoxximent u eżekuzzjoni lil qorti reġjonali. Il-qorti reġjonali hija wkoll kompetenti biex teżamina rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità. Fiż-żewġ każijiet, ir-rikors għandu jissodisfa l-kriterji ta’ dokument proċedurali, li jfisser li dan għandu speċifikament jistabbilixxi t-talba, il-fatti li jiġġustifikaw tali talba, u jekk il-partijiet ippruvawx jagħmlu medjazzjoni jew le.

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Bil-liġi, is-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ pajjiżi barranin f’materji ċivili jiġu rikonoxxuti, sakemm ma jkunx hemm impediment skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Kwalunkwe persuna b’interess ġuridiku tista’ tressaq rikors għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija. Rikors għar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija jrid ikun akkumpanjat minn:

  • kopja uffiċjali tas-sentenza;
  • dokument li jikkonferma li s-sentenza hija finali, sakemm dak il-fatt ma jkunx ċar mid-diċitura tagħha;
  • traduzzjoni ġuramentata għall-Pollakk.

Rikors għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija irid ikun akkumpanjat minn kopja uffiċjali tas-sentenza u traduzzjoni ġuramentata għall-Pollakk.

Rikors jiġi eżaminat mill-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li tkun ġeografikament kompetenti biex tikkunsidra l-kawża li tkun inqatgħet permezz tas-sentenza tal-qorti barranija jew mill-qorti reġjonali tar-reġjun li fih tinsab il-qorti distrettwali ġeografikament kompetenti (sąd rejonowy) jew, fin-nuqqas ta’ qorti bħal din, mill-Qorti Reġjonali f’Varsavja (Sąd Okręgowy w Warszawie).

Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent mogħtija mill-qorti reġjonali hija soġġetta għal appell interlokutorju (zażalenie) u deċiżjoni tal-qorti tal-appell għall-appell tal-kassazzjoni (skarga kasacyjna); huwa possibbli wkoll li jsir rikors biex proċedimenti magħluqa b’deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent jerġgħu jinfetħu u biex dik id-deċiżjoni finali tiġi ddikjarata illeċita.

Fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qrati barranin, il-proċeduri tant ivarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti li dejjem ikun aħjar li wieħed jikkuntattja minn qabel lill-awtorità ċentrali għal informazzjoni dwar kif wieħed għandu jipproċedi.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli f’materji li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ aċċess hija stipulata fil-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal li saret f’The Hague fid-19 ta’ Ottubru 1996, jew fi ftehimiet bilaterali li l-Polonja hija parti għalihom. Meta l-ebda wieħed minn dawk l-istrumenti ma jkun applikabbli, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-4 ta’ Frar 2011 (Ustawa z dnia 4 lutego 2011 r. - Prawo prywatne międzynarodowe). Fil-każ li r-residenza abitwali tal-wild minuri tinbidel għal residenza f’pajjiż li mhuwiex parti għall-Konvenzjoni, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tirregola t-tibdiliet sussegwenti kollha fil-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri adottati fil-pajjiż tal-ewwel residenza abitwali preċedenti tal-wild minuri.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 25/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.