Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri huma setgħat u doveri assenjati lill-ġenituri f’rabta mal-ulied minuri tagħhom. L-ulied minuri huma soġġetti għar-responsabbiltajiet tal-ġenituri sakemm jilħqu l-età maġġuri jew tal-emanċipazzjoni (l-Artikolu 1877 tal-Kodiċi Ċivili). L-età maġġuri hija ta’ 18-il sena. Il-minuri li jkunu laħqu l-età ta’ 16-il sena jistgħu jiġu emanċipati biż-żwieġ (l-Artikolu 132 tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jinkludu s-setgħat u d-doveri tal-ġenituri b’rabta mal-ulied minuri tagħhom, li ġejjin (l-Artikoli 1877 sa 1920-C tal-Kodiċi Ċivili):

  • Jedukaw lill-ulied minuri billi jagħtuhom taħriġ ġenerali u vokazzjonali, b’mod partikolari għall-ulied minuri b’indebolimenti fiżiċi u mentali;
  • Sa fejn jistgħu l-ġenituri, jħeġġu l-iżvilupp fiżiku u mentali tal-ulied minuri;
  • Jipprovdu appoġġ għall-ulied minuri u jkopru n-nefqa relatata mas-sikurezza, is-saħħa u l-edukazzjoni tagħhom;
  • Jirrappreżentaw lill-ulied minuri;
  • Jaġixxu bħala l-amministraturi tal-assi tal-ulied minuri bl-istess diliġenza li biha jamministraw l-assi tagħhom;
  • Ikollhom kustodja tal-ulied minuri u jiddeterminaw ir-residenza tal-ulied minuri;
  • Jaċċertaw ir-ritorn tal-ulied minuri, billi jirrikorru għal awtorità pubblika, jekk ikun hemm bżonn, jekk dawn jitilqu mid-dar tal-ġenituri jew jitneħħew minnha;
  • Jiddeċiedu dwar l-edukazzjoni reliġjuża tal-ulied minuri taħt l-età ta’ 16-il sena;
  • Skont il-maturità tal-ulied minuri, jieħdu kont tal-opinjoni tagħhom rigward kwistjonijiet tal-familja importanti u jirrikonoxxu l-awtonomija tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ ħajjithom stess.

Min-naħa l-oħra:

  • L-ulied minuri għandhom id-dover li jobdu lill-ġenituri tagħhom;
  • L-ulied minuri ma jistgħux jitilqu mid-dar tal-ġenituri, jew id-dar maħsuba għalihom mill-ġenituri, u lanqas ma jistgħu jitneħħew minnha;
  • Il-ġenituri ma humiex obbligati li jipprovdu għall-appoġġ tal-ulied minuri tagħhom jew ikopru l-ispejjeż għas-sikurezza, is-saħħa u l-edukazzjoni tagħhom sa fejn tali spejjeż ikunu jistgħu jiġu koperti mill-ulied minuri stess mir-rikavati tax-xogħol tagħhom jew minn introjtu ieħor;
  • Il-ġenituri jistgħu jużaw l-introjtu mill-assi tal-wild minuri tagħhom sabiex ikopru n-nefqa fuq l-appoġġ, is-sikurezza, is-saħħa u l-edukazzjoni tal-wild minuri tagħhom, kif ukoll, sa livelli raġonevoli, bżonnijiet oħra tal-ħajja tal-familja;
  • Il-ġenituri ma humiex obbligati li jidħlu bħala garanti fil-kapaċità tagħhom ta’ amministraturi tal-assi tal-ulied minuri tagħhom, għajr meta dan ikopri t-titoli, u l-qorti, meta tikkunsidra l-valur tal-assi, tqis li dan ikun meħtieġ.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Bħala regola, ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri hija tal-ġenituri (l-Artikolu 1901 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri bi ftehim reċiproku. Jekk ma jkunx hemm qbil dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari, kull wieħed mill-ġenituri jista’ jressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti, li tipprova twassal għal konċiljazzjoni; jekk il-konċiljazzjoni ma tkunx possibbli, il-qorti tisma’ lill-wild minuri qabel ma tiddeċiedi, ħlief meta dan ma jkunx xieraq minħabba ċirkustanzi serji;

Meta l-filjazzjoni tiġi stabbilita biss fir-rigward ta’ wieħed mill-ġenituri, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jistgħu jiġu assenjati b’deċiżjoni tal-qorti lill-konjuġi jew lis-sieħeb reġistrat tal-ġenitur, li jeżerċitahom b’mod konġunt; f’dan il-każ, l-eżerċizzju konġunt tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri jiddependi mir-rikors mill-ġenitur u tal-konjuġi jew tas-sieħeb reġistrat tiegħu; meta jkun possibbli, il-qorti jeħtiġilha tisma’ lill-wild minuri (l-Artikolu 1904a tal-Kodiċi Ċivili).

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Iva, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

Prevenzjoni ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma (l-Artikolu 1903 tal-Kodiċi Ċivili):

Meta wieħed mill-ġenituri ma jkunx jista’ jeżerċita r-responsabbiltajiet tal-ġenituri minħabba assenza, inkapaċità jew impediment ieħor dekretat minn qorti, il-ġenitur l-ieħor irid jeżerċita r-responsabbiltajiet. Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jitħalliex jagħmel dan permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ir-responsabbiltajiet iridu jiġu eżerċitati minn dawn il-persuni li ġejjin f’ordni ta’ preferenza (l-Artikolu 1903 tal-Kodiċi Ċivili):

  • il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba reġistrat(a) ta’ wieħed mill-ġenituri;
  • xi ħadd mill-familja ta’ wieħed mill-ġenituri.

Dawn ir-regoli huma applikabbli wkoll, mutatis mutandis, f’każijiet li fihom il-filjazzjoni tiġi stabbilita biss fir-rigward ta’ wieħed mill-ġenituri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

L-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri f’każ ta’ divorzju, separazzjoni legali, dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament taż-żwieġ huwa rregolat f’konformità mal-prinċipji li ġejjin (l-Artikolu 1906 tal-Kodiċi Ċivili):

  • Ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-ħajja tal-wild minuri għandhom jiġu eżerċitati konġuntament miż-żewġ ġenituri f’konformità mat-termini taż-żwieġ, ħlief f’każijiet ta’ urġenza manifesta, fejn kull ġenitur jista’ jaġixxi waħdu u għandu jipprovdi informazzjoni lill-ġenitur l-ieħor mill-aktar fis possibbli;
  • Meta l-eżerċitar konġunt tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-ħajja tal-wild minuri jinstab li jmur kontra l-interessi tal-wild minuri, il-qorti għandha, permezz ta’ opinjoni motivata, tiddetermina li dawk ir-responsabbiltajiet jiġu eżerċitati minn wieħed mill-ġenituri.
  • L-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri relatati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-wild minuri jaqa’ taħt il-ġenitur li miegħu jkollu r-residenza abitwali, jew il-ġenitur li miegħu jkun qed joqgħod temporanjament; madankollu, meta dan tal-aħħar jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, huwa ma għandux jaġixxi b’xi mod li jmur kontra l-aktar linji gwida edukattivi rilevanti, kif definiti mill-ġenitur li miegħu l-wild minuri jkollu r-residenza abitwali;
  • Il-ġenitur li jkun responsabbli għall-eżerċitar tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri relatati mal-attivitajiet ta’ kuljum jista’ jeżerċitahom hu stess jew jiddelega l-eżerċitar tagħhom.
  • Il-qorti tiddetermina d-drittijiet ta’ residenza u ta’ aċċess tal-wild minuri skont l-interessi tal-wild minuri, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, jiġifieri kwalunkwe ftehim tal-ġenituri u r-rieda espressa mingħand kull ġenitur sabiex jippromovi r-relazzjonijiet normali mal-ġenitur l-ieħor;
  • Il-ġenitur li ma jeżerċitax responsabbiltà tal-ġenituri, totalment jew parzjalment, għandu d-dritt li jkun infurmat dwar kif tiġi eżerċitata tali responsabbiltà, b’mod partikolari rigward l-edukazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-wild minuri.
  • Il-qorti dejjem tiddeċiedi f’konformità mal-interessi tal-wild minuri, inkluż li tinżamm relazzjoni mill-qrib maż-żewġ ġenituri, tippromwovi u taċċetta l-ftehimiet, jew tieħu deċiżjonijiet li jiffavorixxu kemm jista’ jkun l-opportunitajiet għall-kuntatt maż-żewġ ġenituri u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejniethom.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Sabiex il-ftehim dwar ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jkun legalment vinkolanti, dan irid jiġi approvat mill-qorti jew mir-reġistratur ċivili, f’waħda mill-forom indikati fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 6 u 10.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-partijiet jistgħu jużaw mezzi alternattivi sabiex isolvu l-kunflitt, qabel ma jitolbu għall-intervent tal-qorti jew inkella matul l-azzjoni legali.

Medjazzjoni qabel l-intervent tal-qrati

Qabel ma jressqu kawża l-qorti, il-ġenituri jistgħu jużaw il-medjazzjoni tal-familja pubblika jew privata sabiex jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

Fil-Portugall, il-medjazzjoni hija volontarja. Il-partijiet f’kunflitt familjali li jirrigwarda lill-ulied minuri tagħhom jistgħu, bi ftehim, jużaw il-medjazzjoni tal-familja pubblika jew privata qabel ma jagħtu bidu għal azzjoni legali. Ladarba titressaq il-kawża, il-qorti tista’ wkoll tirreferi lill-partijiet għall-medjazzjoni, iżda dan ma tistax timponih jekk il-partijiet ma jaqblux miegħu jew joġġezzjonaw għalih.

Ratifika obbligatorja tal-ftehim

Ladarba jinkiseb il-ftehim b’riżultat tal-medjazzjoni, sabiex dan ikun vinkolanti u ġuridikament eżegwibbli, il-partijiet iridu japplikaw għar-ratifika tiegħu mill-qorti jew mir-reġistratur tar-reġistru ċivili, skont il-każ.

Kawżi relatati ma’ kwistjonijiet tal-familja li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tar-reġistratur tar-reġistru ċivili jeħtieġu l-qbil minn qabel tal-partijiet. Inkella, jaqgħu fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-qrati (l-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 — Proċeduri fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

L-uffiċċji tar-reġistru ċivili għandhom il-kompetenza li jirratifikaw il-ftehim fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri biss meta dan ikun anness ma’ ftehim dwar id-divorzju jew is-separazzjoni legali kunsenswali. Qabel ir-ratifika mir-reġistratur, l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni joħroġ opinjoni dwar il-ftehim sa fejn dan ikun jirrigwarda r-responsabbiltajiet tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri.

Meta l-medjazzjoni tal-familja sseħħ qabel ma tiġi proposta azzjoni u jkollha unikament l-għan li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri (mingħajr ma jkun hemm il-ftehim anness mal-ftehim dwar id-divorzju jew is-separazzjoni legali), ir-ratifika ta’ dak il-ftehim trid tintalab mill-partijiet mingħand il-qorti kompetenti.

Medjazzjoni privata

Jekk il-partijiet jaċċessaw il-medjazzjoni privata, iridu jħallsu t-tariffi tal-medjatur. Dan l-ammont, ir-regoli u l-iskeda tal-medjazzjoni jiġu stabbiliti fil-protokoll tal-medjazzjoni ffirmat mill-partijiet u mill-medjatur fil-bidu tal-medjazzjoni. Il-Ministeru għall-Ġustizzja fassal lista ta’ medjaturi li l-partijiet jistgħu jikkonsultaw sabiex jagħżlu medjatur privat. Din tista’ tinstab fuq

https://dgpj.justica.gov.pt/Portals/31/GRAL_Media%C3%A7%C3%A3o/Lista_mediadores_SMF_22.06.2022.pdf?ver=pOryP-EUHyj3-8mw8cJ_Kw%3d%3d

Medjazzjoni pubblika

Sabiex jużaw il-medjazzjoni pubblika, il-partijiet għandhom jikkuntattjaw lill-uffiċċju għas-soluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja (Direção Geral da Política de Justiça) u jitolbu għall-iskedar ta’ sessjoni ta’ premedjazzjoni. Dan jista’ jsir bit-telefown, bil-posta elettronika jew permezz ta’ formola online disponibbli fuq http://smf.mj.pt/. Fis-sessjoni ta’ premedjazzjoni pubblika, jiġi ffirmat protokoll tal-medjazzjoni bejn il-partijiet u l-medjatur. Jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien, jiġu skedati s-sessjonijiet u jiġu spjegati r-regoli proċedurali. Il-medjazzjoni pubblika tal-familja tiswa EUR 50 għal kull waħda mill-partijiet, irrispettivament min-numru ta’ sessjonijiet skedati. Din it-tariffa ta’ EUR 50 titħallas minn kull parti fil-bidu nett tal-medjazzjoni pubblika. It-tariffi tal-medjaturi li jaħdmu permezz tas-sistema pubblika ma jitħallsux mill-partijiet. Jitħallsu mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja, skont skeda legali.

Is-sessjonijiet ta' medjazzjoni pubblika jistgħu jsiru fil-bini tad-Direttorat-Ġenerali għall-Politika u l-Ġustizzja, jew fil-bini disponibbli tal-muniċipalità fejn jgħixu l-partijiet.

Fil-medjazzjoni pubblika, il-partijiet jistgħu jagħżlu medjatur minn lista ta' medjaturi pubbliċi magħżula. Il-lista tal-medjaturi pubbliċi tinsab fis-sit web imsemmi aktar ’il fuq.

Lista ta’ Medjaturi tas-Sistema ta’ Medjazzjoni tal-Familja

Jekk il-partijiet ma jagħżlux medjatur, l-uffiċċju għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja jindika ieħed mill-medjaturi mil-lista tal-medjaturi pubbliċi, f’ordni sekwenzjali u filwaqt li jqis kemm dan ikun qrib l-inħawi tar-residenza tal-partijiet. Bħala regola, din in-nomina ssir elettronikament.

Nota: L-attività tas-Sistema ta’ Medjazzjoni tal-Familja (SMF) hija regolata mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 13/2018 tat-22 ta’ Ottubru 2018.

Għajnuna legali (il-Liġi Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004 – Aċċess għal-Liġi u għall-Qrati)

Jekk il-partijiet ikunu intitolati għall-għajnuna legali, din tista’ tkopri l-ispejjeż tal-medjazzjoni.

Medjazzjoni u smigħ tekniku quddiem speċjalista matul il-proċedimenti legali

(Il-Liġi Nru 141/2015 tat-8 ta’ Settembru 2015 — Qafas Legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili, kif emendata bil-Liġi Nru 24/2017 tal-24 ta’ Mejju 2017)

Jekk il-partijiet jirreferu l-kwistjoni lill-qorti, jinbdew il-proċedimenti ċivili li jirregolaw l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fejn l-imħallef jibda billi jistabbilixxi laqgħa bejn il-ġenituri. (L-Artikolu 35 tal-Qafas legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili)

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim fil-laqgħa, l-imħallef jissospendiha għal perjodu massimu ta’ xahrejn jew tliet xhur, skont il-każ, u jirreferi lill-ġenituri għall-medjazzjoni (jekk dawn jaqblu li jużaw dan il-metodu), jew għal smigħ tekniku speċjalista (li jista’ jiġi impost fuq il-ġenituri bħala obbligatorju) (l-Artikolu 38 tal-Qafas legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili).

Fi tmiem dak il-perjodu, l-imħallef jiġi mgħarraf bl-eżitu tal-medjazzjoni jew tas-smigħ tekniku speċjalista u jistabbilixxi data għall-kontinwazzjoni tal-laqgħa sabiex il-ftehim jiġi kkonfermat u/jew ratifikat. (L-Artikolu 39 tal-Qafas legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili)

Jekk fi tmiem din il-fażi, il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, imbagħad issegwi l-fażi ta’ litigazzjoni tal-proċedimenti – il-ġenituri jiġu nnotifikati sabiex jippreżentaw l-argumenti tagħhom u sabiex iressqu l-provi, u mbagħad issir l-investigazzjoni u tingħata s-sentenza.

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fuq https://dgpj.justica.gov.pt/Resolucao-de-Litigios/Mediacao

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Bħala punt preliminari, huwa importanti li wieħed jenfasizza li fil-Portugall, f’każ ta’ divorzju, separazzjoni, annullament taż-żwieġ, u f’każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda żwieġ jew koabitazzjoni tal-ġenituri, id-deċiżjoni dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri trid dejjem tittieħed abbażi ta’ tliet aspetti fundamentali:

  • kustodja tal-wild minuri;
  • arranġamenti għaż-żjarat;
  • il-manteniment dovut għall-wild minuri.

Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ manteniment lil wild minuri jitqies bħala waħda mir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, u fil-prinċipju huwa rregolat flimkien mar-responsabbiltajiet l-oħra tal-ġenituri, għalkemm f’ċerti każijiet tista’ titressaq azzjoni biss sabiex il-manteniment dovut lill-wild minuri jiġi stabbilit u emendat.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin (l-Artikoli 6 u 7 tal-Qafas legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili):

  • tistabbilixxi tutela u l-amministrazzjoni tal-assi;
  • taħtar persuna li tmexxi l-affarijiet f’isem il-wild minuri u, barra minn hekk, taħtar fiduċjarju li jirrappreżenta lill-ulied minuri soġġetti għar-responsabbiltajiet tal-ġenituri barra mill-qorti;
  • tirregola l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tisma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dan;
  • tistabbilixxi l-manteniment dovut lill-minuri u lil ulied li għalqu t-18-il sena jew li huma emanċipati, li jkunu qed ikomplu bl-edukazzjoni akkademika jew vokazzjonali tagħhom;
  • tħejji u tiġġudika l-eżekuzzjonijiet għall-manteniment;
  • tordna l-konsenja ġudizzjarja ta’ wild minuri;
  • tawtorizza lir-rappreżentant legali tal-minuri sabiex iwettqu ċerti atti, tikkonferma dawk l-atti li jkunu ġew eżegwiti mingħajr awtorizzazzjoni, u tagħmel arranġamenti sabiex jiġu aċċettati rigali;
  • tiddeċiedi dwar il-garanzija li trid tiġi pprovduta mill-ġenituri favur l-ulied minuri tagħhom;
  • tiddekreta l-esklużjoni sħiħa jew parzjali u tistabbilixxi limiti fuq l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri;
  • tivverifika l-maternità u l-paternità ex officio;
  • tiddeċiedi, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri, dwar l-isem u l-kunjomijiet tal-minuri;
  • tistabbilixxi relazzjoni ta’ kustodja ċivili (apadrinhamento civil) u tirrevoka tali deċiżjonijiet;
  • tirregola l-interazzjonijiet tal-wild minuri mal-aħwa u l-qraba axxendenti;
  • jekk ikun hemm tutela jew amministrazzjoni tal-assi, tiddetermina r-remunerazzjoni tat-tutur jew tal-amministratur, tieħu konjizzjoni tad-dispensa, tal-eżonerazzjoni jew tat-tneħħija tat-tutur, tal-amministratur jew tal-membru tal-kunsill tal-familja, tesiġi u tiġġudika l-kontijiet, tawtorizza s-sostituzzjoni tal-ipoteka legali u tiddetermina t-tisħiħ u s-sostituzzjoni tal-garanzija pprovduta, u taħtar tutur ad hoc biex jirrappreżenta lill-wild minuri barra mill-qorti;
  • taħtar tutur ad hoc li jirrappreżenta lill-minuri fil-proċedimenti ta’ tutela kollha;
  • tiddeċiedi dwar ir-rinforz u s-sostituzzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ulied minorenni;
  • tesiġi u tiġġudika l-kontijiet li jridu jiġu pprovduti mill-ġenituri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Bħala regola, le. Anki jekk il-kustodja ta’ wild minuri tingħata biss lil ġenitur wieħed, ir-responsabbiltà tal-ġenituri dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-ħajja tal-wild minuri hija taż-żewġ ġenituri, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx tiddetermina li din taqa’ esklużivament f’idejn wieħed minnhom (l-Artikolu 1906 tal-Kodiċi Ċivili).

Fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-mistoqsija, it-tweġiba diġà ġiet diskussa fid-dettall fir-risposta għall-mistoqsija 4.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Fil-prattika, kustodja konġunta tfisser li:

  • Ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri huma eżerċitati konġuntament miż-żewġ ġenituri, li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħajja tal-wild minuri bl-istess kundizzjonijiet bħal meta kienu miżżewġin;
  • Il-wild minuri jista’ jirrisjedi b’mod alternat ma’ kull wieħed mill-ġenituri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Metodi proċedurali sabiex jitressqu azzjonijiet li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri

Proċeduri ta’ kura u protezzjoni

Jekk il-minuri jkunu f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola s-sikurezza, is-saħħa, it-tagħlim morali jew l-edukazzjoni tagħhom, u jekk l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri kienet limitata minħabba l-applikazzjoni ta’ waħda mill-miżuri ta’ kura u protezzjoni indikati fit-tweġiba għall-mistoqsija 3, jinbdew proċedimenti ta’ kura u ta’ protezzjoni, li jaqgħu fil-kompetenzi tal-kumitati għall-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ jew tal-qrati, skont il-każ.

Proċeduri ta’ tutela ċivili

Fil-każijiet l-oħra indikati fit-tweġiba għall-mistoqsija 7, rigward ir-regolamentazzjoni tal-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tinbeda proċedura ta’ tutela ċivili, li taqa’ fil-kompetenzi tal-qrati.

Il-proċeduri ta’ kompetenza tal-uffiċċji tar-reġistraturi ċivili

F’każijiet fejn ikun hemm ftehim li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tal-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kemm jekk dan ikun anness ma’ ftehim dwar is-separazzjoni legali jew dwar id-divorzju kif ukoll jekk le, jitressaq każ quddiem l-uffiċċju tar-reġistru ċivili. Huwa r-Reġistratur li għandu jirratifika l-ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri wara li jkun sema’ l-opinjoni tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni.

Nota: Meta jinbdew proċediment ta’ divorzju mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor, il-qorti jkollha ġuriżdizzjoni u l-proċedura ssir f’għamla ta’ proċedimenti speċjali ta’ divorzju mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor. Jekk matul l-azzjoni, il-partijiet jilħqu qbil, il-qorti tikkonverti l-proċedimenti fi proċedimenti ta’ divorzju kunsenswali u tirratifika l-ftehimiet, inklużi dawk relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġenituri, jekk ikun hemm ulied minuri.

Formalitajiet u dokumenti li jridu jiġu mehmużin (dawn ivarjaw skont l-għamla tal-każ u l-awtorità kompetenti):

Proċedura ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ (l-Artikolu 97 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ fil-Periklu)

  • Il-proċedura tibda meta tiġi riċevuta l-komunikazzjoni bil-miktub jew meta jiġu rreġistrati l-fatti jew ir-rapporti verbali li jkun jaf bihom il-kumitat;
  • Is-sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli jistgħu jiġu rrapportati minn kull persuna, mill-entitajiet b’kompetenza fi kwistjonijiet relatati mat-tfulija u ż-żgħożija, mill-ulied minuri stess, mill-ġenituri, mir-rappreżentanti legali jew mill-persuna li jkollha l-kustodja de facto tal-wild minuri;
  • Il-proċedura tal-Kumitat għall-Protezzjoni tinkludi l-ġbir ta’ informazzjoni, l-inkjesti u l-eżamijiet meħtieġa u xierqa sabiex tkun stabbilita s-sitwazzjoni, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-miżura rispettiva u l-implimentazzjoni tagħha;
  • Il-proċedura hija organizzata b’mod issimplifikat, fejn l-atti u l-inkjesti li jsiru jew li jintalbu mill-Kumitat għall-Protezzjoni li jiffurmaw il-bażi għall-implimentazzjoni tal-atti msemmija fil-paragrafu preċedenti jiġu rreġistrati f’ordni kronoloġiku;
  • Fir-rigward ta’ kull proċedura, it-teħid ta’ deċiżjonijiet jiġi traskritt f’forma fil-qosor, flimkien mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

Proċedura ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni mill-qrati (l-Artikolu 100 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ fil-Periklu)

  • Il-proċedura tibda meta jiġi riċevut ir-rikors promotur imressaq mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni, mill-ġenituri, mir-rappreżentant legali, mit-tuturi de facto, jew mill-ulied minuri li jkollhom aktar minn 12-il sena;
  • Il-proċedura tikkonsisti mill-investigazzjoni, mill-proċedimenti ġudizzjarji, mill-fażijiet ta’ deċiżjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-miżura;
  • Ma huwiex obbligatorju li xi waħda mill-partijiet taħtar avukat fil-prim’istanza, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, meta l-qorti jeħtiġilha b’mod obbligatorju taħtar prosekutur għall-wild minuri: meta l-interessi tal-wild minuri jidħlu f’kunflitt ma’ dawk tal-ġenituri, tar-rappreżentant legali jew tat-tutur tiegħu; meta l-wild minuri jitlob dan; fi proċedimenti ġudizzjarji li fihom il-wild minuri dejjem jeħtieġlu jkun rappreżentat minn avukat jew minn rappreżentant nominat.

Proċedura ta’ tutela ċivili (l-Artikoli 12 sa 33 tal-Qafas legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili)

  • Il-proċedura tibda fuq inizjattiva tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni, tal-wild minuri li jkollu aktar minn 12-il sena, tal-qraba axxendenti, tal-aħwa jew tar-rappreżentant legali tal-minuri.
  • Hija r-responsabbiltà tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li jirrappreżenta lill-minuri fil-qorti, li jieħu azzjoni għan-nom tagħhom, li jitlob ir-regolamentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri, u li jiddefendi l-aħjar interessi tal-wild minuri.
  • Hija proċedura mhux kontenzjuża li tibda b’rikors imressaq quddiem il-qorti, u meta jkun hemm oġġezzjoni.
  • Meta l-liġi ma tipprevedix mod ieħor, il-partijiet iridu jagħtu l-lista tax-xhieda u jitolbu l-evidenza kollha fir-rikors u fl-oġġezzjoni.
  • Il-qorti tkun assistita minn timijiet tekniċi multidixxiplinari.
  • Il-wild minuri għandu d-dritt li jinstema’. Għal dan l-iskop, l-imħallef jivvaluta, fuq ordni, l-kapaċità tal-wild minuri li jifhem il-kwistjonijiet, u jista’ jserraħ fuq konsulenza teknika.
  • Matul is-smigħ, l-imħallef jisma’ lill-wild minuri, lill-partijiet, lill-membri tal-familja u lil persuni oħra li jidhirlu li għandu jisma’.
  • Fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet proviżorji u kawtelatorji.
  • Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, l-imħallef jista’ jordna l-intervent tas-servizzi ta’ medjazzjoni pubbliċi u privati, dment li l-partijiet jaqblu li jużaw il-medjazzjoni.
  • Speċifikament, fi proċeduri li jirregolaw ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, isiru arranġamenti għal laqgħa bejn il-ġenituri, u jekk il-ġenituri ma jaqblux f’dik il-laqgħa, il-qorti tirreferihom għall-medjazzjoni (jekk jaċċettawha) jew għal smigħ tekniku speċjalizzat. Ikun biss jekk il-ftehim ma jkunx possibbli permezz ta’ waħda minn dawn l-alternattivi li dawn jiġu segwiti mid-dikjarazzjoni tal-fatti, l-investigazzjoni, is-smigħ u d-deċiżjoni.
  • Il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu jafu l-informazzjoni pprovduta fil-pariri tekniċi u f’evidenza u f’opinjonijiet oħrajn inklużi fil-proċedimenti; jistgħu jitolbu kjarifika, iżidu evidenza oħra jew japplikaw sabiex jitolbu l-informazzjoni. L-imħallef jista’ jiċħad tali rikorsi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi appellat jekk jidhirlu li dawn ikunu mhux meħtieġa, impossibbli li jiġu ssodisfati, jew dilatorji.
  • Is-smigħ, kull meta jsir, jiġi dejjem irreġistrat.
  • Jingħataw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-imħallef.
  • Il-ħatra ta’ avukat hija mandatorja biss fl-istadju tal-appell. Madankollu, fil-Prim’Istanza, il-ħatra ta’ avukat għall-wild minuri hija obbligatorja fil-każijiet li ġejjin: meta l-interessi tal-wild minuri u dawk tal-ġenituri, tar-rappreżentant legali jew tat-tutur tiegħu jkunu f’kunflitt ma’ xulxin; meta wild minuri b’maturità xierqa jitlobha mingħand il-qorti.
  • Sakemm ma jkunx espressament previst mod ieħor, jistgħu jitressqu appelli minn deċiżjonijiet meħuda bħala finali jew proviżorji li jirrigwardaw ir-rikors, l-emendar jew it-tmiem tal-miżuri ta’ tutela ċivili.
  • Jistgħu jappellaw l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni u l-partijiet, il-ġenituri, ir-rappreżentant legali u kull min ikollu kustodja de facto tal-wild minuri.
  • L-appelli jiġu pproċessati u ġġudikati bħal fi kwistjonijiet ċivili, bi skadenza għat-talbiet u r-risposta ta’ 15-il ġurnata.
  • L-appelli għandhom effett purament devoluttiv, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

Kawżi li jaqgħu fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-uffiċċji tar-reġistru ċivili (l-Artikoli 1775 sa 1778-A tal-Kodiċi Ċivili; l-Artikoli 12 sa 14 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 — Proċeduri fi ħdan il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili)

F’każijiet li fihom il-ftehim dwar ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri jkun anness ma’ ftehim dwar id-divorzju jew is-separazzjoni legali, iridu jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin:

  • Il-proċess ta’ separazzjoni legali jew ta’ divorzju kunsenswali jinbeda b’rikors iffirmat mill-konjuġi jew mir-rappreżentanti tagħhom fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili;
  • Ir-rikors jiġi eżaminat f’rabta ma’ proprjetà komuni, il-ftehim dwar id-divorzju, il-manteniment bejn il-konjuġi u d-deżinjazzjoni tad-dar tal-familja, minbarra l-ftehim dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri meta jkun hemm tfal minorenni u ma jkun hemm l-ebda regolament ġudizzjarju preċedenti;
  • Wara li jsir ir-rikors, il-bażi tad-data tar-reġistru ċivili tiġi kkonsultata minnufih u awtomatikament, u jiddaħħlu d-dokumenti neċessarji fil-bażi tad-data sabiex issir il-korroborazzjoni taċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-partijiet interessati u l-konklużjoni ta’ kwalunkwe ftehim qabel iż-żwieġ iddikjarat quddiem ir-reġistratur, ħlief f’każijiet li fihom ir-reġim tal-proprjetà jkun iddikjarat fiċ-ċertifikat taż-żwieġ;
  • Ladarba jiġi riċevut ir-rikors, ir-reġistratur jgħarraf lill-konjuġi bl-eżistenza tas-servizzi ta’ medjazzjoni tal-familja;
  • Meta jintlaħaq ftehim dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri inkonnessjoni mal-ulied minuri, il-kawża tiġi rrinvijata lill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni fil-qorti reġjonali (tribunal judicial de primeira instância) b’kompetenza li tisma’ l-kwistjoni fil-ġuriżdizzjoni tal-uffiċċju tar-reġistru ċivili, sabiex tkun tista’ toħroġ deċiżjoni dwar il-ftehim fi żmien 30 jum;
  • Jekk l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni jkun tal-fehma li l-ftehim ma jipproteġix b’mod adegwat l-interessi tal-minuri, ir-rikorrenti jistgħu jemendaw il-ftehim kif jixraq jew jippreżentaw ftehim ġdid, f’liema każ il-ftehim jiġi eżaminat mill-ġdid mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni;
  • Jekk l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni jkun tal-fehma li l-ftehim jissalvagwardja kif dovut l-interessi tal-minuri, jew jekk il-konjuġi jkunu emendaw il-ftehim skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċċju tal-prosekutur, ir-reġistratur jivverifika li l-preżunzjonijiet statutorji ġew issodisfati, u għal dak l-iskop ikun jista’ jiddetermina t-twettiq tal-atti u l-produzzjoni tal-provi meħtieġa, u mbagħad jiddeċiedi dwar il-merti tar-rikors;
  • F’każijiet li fihom ir-rikorrenti ma jikkonformawx mal-emendi skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċċju tal-prosekutur, u jibqgħu bl-intenzjoni li jiddivorzjaw, il-kawża tiġi rrinvijata lill-qorti tad-distrett li għalih jappartjeni l-uffiċċju tar-reġistru ċivili.

F’każijiet li fihom il-ġenituri, kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk le, ikunu jixtiequ jirregolaw l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied minuri tagħhom it-tnejn, jew li jemendaw ftehim diġà ratifikat, dan jeħtiġilhom jitolbuh fi kwalunkwe mument minn kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jinkludu d-dokumenti li ġejjin:

  • Rikors għar-regolamentazzjoni tal-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
  • Ftehim dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri u dwar l-imputabbiltà għall-ulied minuri, iffirmat miż-żewġ ġenituri jew mir-rappreżentanti tagħhom;
  • Ir-Reġistratur jeżamina mill-ġdid il-ftehim u jistieden lill-ġenituri sabiex jemendawh meta dan ma jkunx jipproteġi l-interessi tal-minuri;
  • Il-ftehim imbagħad jiġi rrinvijat lill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni fil-qorti reġjonali b’kompetenza dwar il-kwistjoni, fiż-żona ta’ residenza tal-minuri, sabiex ikun jista’ jiddeċiedi fi żmien 30 jum;
  • Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mis-servizz tal-prosekuzzjoni, il-każ jintbagħat lill-uffiċċju tar-reġistru ċivili u r-Reġistratur jirratifika l-ftehim;
  • Id-deċiżjonijiet ta’ ratifika għandhom l-istess effett bħas-sentenzi ġudizzjarji.

L-informazzjoni dwar il-kompetenza tal-uffiċċji tar-reġistru ċivili tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=581&tabela=leis

L-entitajiet li l-partijiet interessati jeħtiġilhom jirreferu għalihom (skont il-każ, il-qrati, il-kumitati għall-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ, u l-uffiċċji tar-reġistru ċivili):

Il-ġuriżdizzjoni sostantiva u ratione loci tal-qrati

Il-qorti rilevanti għar-regolamentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri hija l-qorti tal-familja u tal-ulied minuri tal-qorti distrettwali (l-Artikolu 123(1)(d) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja). F’oqsma mhux koperti mill-qorti tal-familja u tal-minorenni, tkun kompetenti l-qorti ċivili lokali tal-qorti distrettwali jew il-qorti b’ġuriżdizzjoni ġenerali.

Japplikaw ir-regoli li ġejjin dwar il-ġuriżdizzjoni ratione loci (l-Artikolu 9 tal-Qafas Legali tal-Proċedura ta’ Tutela Ċivili):

  • Il-qorti tal-post tar-residenza tal-wild minuri fil-mument li jinbdew il-proċedimenti jkollha l-ġuriżdizzjoni;
  • Jekk ir-residenza tal-wild minuri ma tkunx magħrufa, il-qorti tal-post fejn jirrisjedi min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri jkollha l-ġuriżdizzjoni;
  • Jekk min ikollu r-responsabbiltajiet tal-ġenituri jkun jirrisjedi f’postijiet differenti, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni tkun il-qorti kompetenti għall-post tar-residenza tal-persuna li teżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri;
  • Fil-każ ta’ eżerċitar konġunt tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni tkun il-qorti tal-post tar-residenza tal-persuna li l-wild minuri joqgħod magħha jew, fil-każ ta’ kustodja konġunta, il-qorti fejn l-azzjoni tkun tressqet l-ewwel;
  • Jekk xi waħda mill-azzjonijiet tikkonċerna żewġt ulied minuri, ulied minuri tal-istess ġenituri u li jkunu residenti f’distretti differenti, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni tkun il-qorti fejn l-azzjoni tkun tressqet l-ewwel;
  • Jekk xi waħda mill-azzjonijiet tikkonċerna aktar minn żewġ ulied minuri, ulied minuri tal-istess ġenituri u li jkunu residenti f’distretti differenti, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni tkun il-qorti tal-post fejn jirrisjedu l-maġġoranza ta’ dawn l-ulied minuri;
  • Jekk, meta jinbdew il-proċediment, l-ulied minuri jkunu jgħixu barra mill-pajjiż u l-qorti Portugiża jkollha ġuriżdizzjoni internazzjonalment, il-qorti kompetenti li tisma’ u tiddeċiedi dwar il-każ tkun il-qorti tal-post tar-residenza tar-rikorrent u tal-intimat;
  • Meta r-rikorrent u l-intimat ikunu jgħixu barra mill-pajjiż u l-qorti Portugiża jkollha ġuriżdizzjoni internazzjonalment, il-kawża tinstema’ mill-Qorti tal-Familja u tal-Minuri ta’ Lisbona (Juízo de Família e Menores de Lisboa), fid-distrett ġudizzjarju ta’ Lisbona;
  • Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-azzjonijiet relatati u d-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċifika, kull bidla li sseħħ wara li jinbdew il-proċedimenti tkun irrilevanti.

Il-kompetenza sostantiva u ratione loci tal-Kummissjonijiet għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ (l-Artikolu 79 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ fil-Periklu)

Il-Kummissjonijiet għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ huma kompetenti fi kwistjonijiet relatati ma’ proċeduri li jirrigwardaw il-kura u l-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ f’riskju, meta jkun hemm ftehim bejn il-ġenituri u ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-minuri.

Japplikaw ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni ratione loci li ġejjin:

  • Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ jew il-qorti tal-post tar-residenza tal-minuri fil-mument meta tiġi riċevuta n-notifika tas-sitwazzjoni jew meta jibdew il-proċedimenti ġudizzjarji tkun kompetenti għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kura u ta’ protezzjoni.
  • Jekk ir-residenza tal-wild minuri jew taż-żgħażagħ ma tkunx magħrufa u ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata, tkun kompetenti l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-post fejn ikun jinsab il-wild minuri.
  • Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-post fejn jinsab il-wild minuri tieħu l-passi meqjusa urġenti u l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni immedjata tal-wild minuri.
  • Jekk, wara l-applikazzjoni ta’ miżura mhux protettiva, il-wild minuri jew persuna żgħażugħa tibdel ir-residenza tagħha għal aktar minn tliet xhur, il-każ jiġi rinvijat lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ fiż-żona l-ġdida ta’ residenza.
  • L-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ kura u ta’ protezzjoni tal-fostering ma tinvolvix il-bidla fir-residenza tal-wild minuri jew persuna żagħżugħa.
  • Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni b’ġuriżdizzjoni ratione loci fiż-żona tal-muniċipalità tal-fostering jew tad-distrett tal-wild minuri jew tal-persuna żagħżugħa tikkoopera kemm ikun meħtieġ mal-Kummissjoni għall-Protezzjoni li tkun applikat il-miżura ta’ kura u ta’ protezzjoni għal segwitu effettiv tal-miżura applikata kif mitlub għal dan l-iskop.

Kompetenza sostantiva u ratione loci tal-uffiċċji tar-reġistru ċivili (l-Artikoli 6 u 12 sa 14 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 — Proċeduri fi ħdan il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili)

Skont il-materja inkwistjoni, l-uffiċċji tar-reġistru ċivili għandhom il-kompetenza li jirratifikaw il-ftehim fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri, kemm jekk ikun ġie preżentat separatament kif ukoll jekk ikun ġie anness mar-rikorsi għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali kunsenswali.

Skont is-suġġett inkwistjoni, l-uffiċċji tar-reġistru ċivili huma kompetenti li jipproċessaw u jiddeċiedu dwar il-proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali kunsenswali, inkluża r-ratifika tal-ftehimiet fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri annessi magħhom.

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni ratione loci ma japplikawx għall-uffiċċji tar-reġistru ċivili. Fi kliem ieħor, il-partijiet jistgħu jirrikorru għand kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili.

Ġuriżdizzjoni relatata (l-Artikolu 81 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ fil-Periklu)

  • Jekk, fir-rigward tal-istess wild minuri, jinbdew, b’mod separat, proċedura ta’ tutela ċivili u proċedura ta’ kura u ta’ protezzjoni, inklużi proċeduri quddiem il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ulied Minuri u taż-Żgħażagħ, jew proċedura ta’ tutela edukattiva, dawn iridu jingħaqdu f’kawża magħquda, irrispettivament mill-istatus tagħhom, u l-imħallef kompetenti li jisma’ l-kawżi jkun l-imħallef li quddiemu tkun tressqet l-ewwel il-proċedura;
  • Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma japplikawx għal miżuri ta’ tutela li jirrigwardaw il-verifika awtomatika tal-maternità jew tal-paternità, jew għal dawk li jaqgħu fil-kompetenzi tal-uffiċċju tar-reġistru ċivili, jew għal dawk li jikkonċernaw aktar minn wild minuri wieħed;
  • F’każ ta’ divorzju jew separazzjoni legali, il-proċeduri li jirregolaw l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-għoti tal-manteniment u l-esklużjoni mill-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu annessi ma’ dik l-azzjoni.

Meta l-periklu jkun jikkonċerna aktar minn wild minuri jew żagħżugħ/a wieħed/waħda fl-istess ħin, tista’ tinbeda proċedura waħda u, fejn ikunu ġew stabbiliti proċeduri differenti, dawn kollha jistgħu jingħaqdu ma’ liema minnhom tkun inbdiet l-ewwel, jekk ir-relazzjonijiet tal-familja jiġġustifikaw dan (l-Artikolu 80 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ fil-periklu).

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Diġà saret referenza għal din il-proċedura fit-tweġiba għall-mistoqsija 10.

Il-każijiet ta’ kura u ta’ protezzjoni u l-każijiet ta’ tutela ċivili jistgħu jiġu trattati bħala proċeduri ta’ emerġenza meta xi dewmien jista’ jaffettwa negattivament l-interessi tal-wild minuri. F’dan il-każ, dawn ikomplu jiġu pproċessati matul il-btajjel ġudizzjarji.

Fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jistgħu jiġu applikati miżuri proviżorji.

B’mod partikolari, huma previsti l-proċedimenti legali urġenti li ġejjin (l-Artikolu 92 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ fil-periklu):

  • Meta ssir talba mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni, il-qorti, hekk kif tiġi mgħarrfa b’sitwazzjonijiet li jqiegħdu l-ħajja jew l-integrità fiżika jew mentali tal-wild minuri f’periklu, toħroġ deċiżjoni proviżorja fi żmien 48 siegħa, li tikkonferma l-miżuri meħuda għall-protezzjoni immedjata tal-wild minuri, filwaqt li tapplika kwalunkwe waħda mill-miżuri għall-kura u għall-protezzjoni previsti fil-liġi jew tiddetermina dak li huwa xieraq għall-futur tal-wild minuri;
  • Għal dan l-għan, il-qorti twettaq investigazzjonijiet sommarji u indispensabbli u tordna l-passi meħtieġa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, u tista’ tagħmel użu mill-awtoritajiet tal-pulizija u tħalli lill-persuni bir-responsabbiltà li jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tagħhom jidħlu fi kwalunkwe dar matul il-jum.

B’mod partikolari, huma previsti l-proċedimenti legali urġenti li ġejjin (l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ fil-periklu):

  • Meta jkun hemm periklu għall-ħajja jew għall-integrità fiżika jew mentali tal-wild minuri, u ma jkun hemm l-ebda kunsens minn min ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ min ikollu l-kustodja de facto, kwalunkwe awtorità b’kompetenza fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar l-ulied minuri u ż-żgħażagħ, jew il-kummissjonijiet għall-protezzjoni tal-ulied minuri u taż-żgħażagħ, tieħu miżuri xierqa għall-protezzjoni immedjata tal-wild minuri u titlob l-intervent tal-qorti jew tal-pulizija;
  • L-entità li tintervjeni tinnotifika minnufih lill-uffiċju tal-prosekutur jew, jekk dan ma jkunx possibbli, malli jsir possibbli.
  • Sakemm il-qorti tkun tista’ tintervjeni, il-pulizija tneħħi lill-wild minuri jew lill-persuna żagħżugħa mill-periklu li tkun tinsab fih u tiżgura li jkollha protezzjoni ta’ emerġenza f’dar tal-fostering, fil-faċilitajiet tal-korpi b’kompetenza fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar l-ulied minuri u ż-żgħażagħ, jew xi post adattat ieħor.
  • L-uffiċċju tal-prosekutur, wara li jirċievi n-notifika minn kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija hawn fuq, jesiġi minnufih li tittieħed azzjoni legali urġenti mill-qorti kompetenti.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, l-għajnuna legali hija disponibbli għall-proċedimenti quddiem il-qorti u l-uffiċċju tar-reġistru ċivili.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, bil-mod diġà indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija 10.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Ksur ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (l-Artikolu 41 tal-Qafas Legali għall-Proċedura ta’ Tutela Ċivili)

Jekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-wild minuri, wieħed mill-ġenituri jew terza persuna li jkunu ġew fdati f’idejha ma tikkonformax ma’ dak li jkun ġie deċiż jew maqbul, il-qorti tista’, ex officio, fuq talba mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni jew mill-ġenitur l-ieħor:

  • Tordna l-passi meħtieġa biex taċċerta l-eżekuzzjoni;
  • Tagħti multa sa massimu ta’ 20 unità tal-kont (fl-2021, il-valur ta’ unità tal-kont kien ta’ EUR 102.00);
  • U wara li tkun ivverifikat is-suppożizzjonijiet rispettivi, tordna lill-parti inadempjenti biex tħallas kumpens favur il-wild minuri, il-ġenitur rikjedenti jew it-tnejn.

Jekk il-ftehim ikun ġie rratifikat mill-qorti jew il-qorti tkun tat is-sentenza tagħha, ir-rikors jiġi pproċessat billi jingħaqad mal-proċediment li fih ikun sar il-ftehim jew tkun ingħatat sentenza, li għalih issir petizzjoni lill-qorti rispettiva jekk, skont ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, tkun il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża ta’ ksur.

Ladarba r-rikors jiġi pproċessat jew jingħaqad mal-proċediment, l-imħallef jħarrek lill-ġenituri għal laqgħa jew, f’każijiet ta’ eċċezzjoni, jinnotifika lill-intimat sabiex jittratta kif jidhirlu li huwa xieraq fi żmien ħamest ijiem.

Fil-laqgħa, il-ġenituri jistgħu jaqblu li jemendaw dak li jkun stabbilit fir-rigward tal-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-wild minuri.

F’każ ta’ nonkonformità mar-reġim ta’ aċċess, jekk l-intimat ma jattendix il-laqgħa, ma jippreżentax sottomissjonijiet, jew jekk is-sottomissjonijiet tiegħu jkunu manifestament infondati, il-qorti tista’ tordna r-ritorn tal-wild minuri sabiex ikun hemm konformità mar-reġim ta’ aċċess, u tispeċifika fejn għandu jsir l-aċċess u tipprovdi għall-preżenza ta’ konsulenti tekniċi tal-qorti.

L-intimat jiġi nnotifikat sabiex jirrilaxxa lill-wild minuri bil-mod stabbilit, taħt piena ta’ multa.

Jekk ma ssirx laqgħa jew jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, l-imħallef jirreferi lill-partijiet għall-medjazzjoni (jekk il-ġenituri jaqblu li jużawha) jew għal smigħ tekniku quddiem speċjalista, u mbagħad jasal għal deċiżjoni.

Jekk tiġi imposta multa u l-multa ma tiġix imħallsa fi żmien għaxart ijiem, l-eżekuzzjoni ssir billi tingħaqad mal-proċedura.

Dan huwa previst fil-Qafas Legali tal-Proċedura ta’ Tutela Ċivili u rregolat bit-tali Qafas Legali, hekk kif approvat bil-Liġi Nru 141/2015 tat-8 ta’ Settembru 2015, li jinsab fuqhttp://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?artigo_id=2428A0048&nid=2428&tabela=leis&pagina=1&ficha=1&so_miolo=&nversao=#artigo

L-eżekuzzjoni tal-manteniment

Sabiex tiġi eżegwita l-provvista tal-manteniment, jistgħu jintużaw tliet mezzi alternattivi: is-smigħ għal ksur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, imsemmi aktar ’il fuq; is-smigħ ta’ qabel l-eżekuzzjoni għall-provvista tal-manteniment, kif imsemmi hawn taħt; jew l-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment, imsemmi aktar ’il quddiem.

Is-smigħ li jippreċedi l-eżekuzzjoni għall-irkupru tal-manteniment dovut (l-Artikolu 48 tal-Qafas Legali tal-Proċedura ta’ Tutela Ċivili)

Meta l-persuna b’obbligu legali li tħallas il-manteniment tonqos milli tħallas l-ammonti dovuti fi żmien 10 ijiem mid-data meta kellu jibda jitħallas, għandu jiġi osservat dan li ġej:

  • Jekk il-persuna tkun ħaddiem fis-settur pubbliku, l-ammonti rispettivi jitnaqqsu meta jkunu dovuti, meta ssir talba tal-qorti indirizzata lill-impjegatur tas-settur pubbliku;
  • Jekk il-persuna tkun impjegat b’salarju, l-ammonti jinqatgħu mill-qligħ jew mis-salarju, u b’dan jiġi nnotifikat l-impjegatur rispettiv sabiex jipproċessa dawn it-tnaqqisiet, u jassumi r-rwol ta’ depożitarju;
  • Jekk il-persuna tirċievi kera, pensjonijiet, allowances, kummissjonijiet, perċentwali, emolumenti, għotjiet, kontribuzzjonijiet jew introjtu simili, it-tnaqqis isir minn dawn il-ħlasijiet parzjali meta jkunu jridu jitħallsu jew jiġu akkreditati, filwaqt li jsiru r-rekwiżizzjonijiet jew in-notifiki neċessarji, u dawk innotifikati jassumu r-rwol ta’ depożitarji.

L-ammonti li jitnaqqsu jkopru wkoll il-manteniment akkumulat preċedentement, u jitħallsu direttament lil dawk li suppost jirċevuhom.

Eżekuzzjoni speċjali fir-rigward tal-manteniment

Jekk ikun dovut manteniment lil minuri, il-kreditur tal-manteniment jista’, alternattivament, jibda proċedimenti speċjali għall-manteniment, kif stabbilit fl-Artikolu 933 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Għaldaqstant, f’azzjoni waħda, jistgħu jirkupraw b’mod sħiħ l-ammonti dovuti, tardivi jew li se jkunu dovuti. F’azzjoni ta’ eżekuzzjoni, il-persuna intitolata għall-manteniment tista’ tuża mezzi usa’ ta’ eżekuzzjoni, bħall-qbid u r-rahan tal-introjtu.

Fl-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment, ir-rikorrent jista’ jitlob: l-aġġudikazzjoni ta’ proporzjon tal-ammonti, tas-salarji jew tal-pensjonijiet li tirċievi l-parti l-oħra; jew ċessjoni tal-introjtu li jappartjeni lid-debitur tal-manteniment. L-aġġudikazzjoni jew ir-rahan iseħħ indipendentement mill-qbid u huwa intiż li jkopri l-ħlas ta’ ammonti dovuti jew ammonti li se jsiru dovuti.

Meta r-rikorrent jitlob l-aġġudikazzjoni ta’ ammonti, salarji jew pensjonijiet, il-korp responsabbli mill-ħlas tagħhom jew mill-ipproċessar tal-ħlasijiet rispettivi jiġi nnotifikat li għandu jħallas il-parti aġġudikata direttament lir-rikorrent. L-ammont aġġudikat irid jiġi depożitat kull xahar fil-kont bankarju tar-rikorrent, li jrid jagħti n-numru tal-kont fir-rikors promotur.

Jekk ir-rikors jitlob rahan tal-introjtu, trid tiġi speċifikata liema proprjetà tirrigwarda, u l-aġent tal-eżekuzzjoni jordna li tiġi mirhuna l-proprjetà inkwistjoni li titqies li tkun biżżejjed sabiex tkopri l-manteniment li jkun bl-arretrati u li se jsir dovut.

Il-kreditur tal-manteniment jista’ xorta jitlob il-qbid tal-proprjetà tad-debitur tal-manteniment. Il-qbid jista’ jinvolvi l-proprjetà mobbli jew immobbli, id-depożiti bankarji, id-drittijiet ta’ kreditu, l-istabbiliment kummerċjali jew l-ishma ta’ kumpaniji.

Jekk il-proprjetà maqbuda tinbiegħ sabiex jitħallas dejn ta’ manteniment, ir-restituzzjoni tal-ammont żejjed lid-debitur tal-manteniment ma għandhiex tiġi ordnata sakemm ma jkunx aċċertat il-ħlas tal-manteniment li se jkun dovut sa fejn l-imħallef iqis li huwa xieraq, ħlief jekk jingħata titolu ta’ sigurtà jew xi garanzija xierqa oħra.

Id-debitur tal-manteniment għandu jiġi mħarrek biss wara li jkun seħħ il-qbid/l-aġġudikazzjoni/ir-rahan tal-introjtu. L-oppożizzjoni tad-debitur tal-manteniment għall-eżekuzzjoni jew għall-qbid ma tissospendix l-eżekuzzjoni.

F’każ ta’ talba sabiex il-ħlasijiet tal-manteniment ikunu emendati jew itterminati filwaqt li tkun għadha pendenti eżekuzzjoni speċjali, it-talba għal emenda jew terminazzjoni tingħaqad mal-eżekuzzjoni.

Il-verżjoni attwali tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk: http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=1959&tabela=leis

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Ir-rikonoxximent

Ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa fi Stat Membru ieħor marbut bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 (minn hawn ’il quddiem, “ir-Regolament Brussell IIa riformulat”) huwa awtomatiku. Fi kliem ieħor, ma hemmx bżonn ta’ xi proċedura speċjali sabiex id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.

Fil-Portugall, sabiex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa fi Stat Membru ieħor tiġi eżegwita fis-sens tar-Regolament Brussell IIa riformulat, il-parti kkonċernata jeħtiġilha tibda azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti.

Madankollu, hemm żewġ każijiet previsti fl-Artikolu 42 tar-Regolament Brussell IIa riformulat fejn ma hemmx bżonn ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, u ċ-ċertifikat maħruġ mill-qorti ta’ oriġini skont ir-Regolament Brussell IIa riformulat jkun biżżejjed sabiex tiġi eżegwita fil-Portugall sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Dan iseħħ fid-deċiżjonijiet li ġejjin: deċiżjonijiet dwar id-drittijiet ta’ żjarat; u deċiżjonijiet li jagħtu ordni ta’ ritorn tal-wild minuri mogħtija mill-qorti b’ġuriżdizzjoni b’segwitu għal deċiżjoni ta’ nonritorn maħruġa skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

Il-ġuriżdizzjoni ratione loci għar-rikors għall-eżegwibbiltà

Il-ġuriżdizzjoni ratione loci għar-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hija stabbilita fir-Regolament Brussell IIa riformulat kif ġej: ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti taż-żona ta’ residenza tad-debitur tal-manteniment; jew iż-żona ta’ residenza tal-wild minuri li għalih ikun dovut il-manteniment; jew, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe minn dawn il-fatturi ta’ konnessjoni, il-post ta’ eżekuzzjoni.

Ir-rekwiżiti u d-dokument li jridu jakkumpanjaw ir-rikors għall-eżegwibbiltà

Ir-rekwiżiti u d-dokumenti li jridu jakkumpanjaw ir-rikors għall-eżegwibbiltà huma stabbiliti fir-Regolament Brussell IIa riformulat. Fil-qosor, ir-rikorrent jeħtieġlu jehmeż dawn li ġejjin mar-rikors għall-eżegwibbiltà: kopja ċċertifikata tas-sentenza; iċ-ċertifikat tad-deċiżjoni maħruġa bl-użu tal-Anness III tar-Regolament Brussell IIa riformulat; fil-każ ta’ deċiżjoni meħuda fl-assenza tal-intimat jew mingħajr ma jkun ikkontestaha, evidenza li ġie mħarrek jew li aċċetta d-deċiżjoni b’mod inekwivoku.

Il-proċedura applikabbli għar-rikors għall-eżegwibbiltà prevista fir-Regolament Brussell IIa riformulat

Il-proċedura applikabbli hija rregolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament Brussell IIa riformulat, u għal kwalunkwe aspett mhux previst f’dak ir-regolament, mir-regoli interni tal-proċedura ċivili Portugiża.

Għaldaqstant, mir-Regolament Brussell IIa riformulat jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ eżegwibbiltà ma tiġix preċeduta minn proċedura kontradittorja, u li r-rikors jista’ jiġi miċħud biss abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet stabbiliti f’dak ir-regolament. Appell kontra d-deċiżjoni ta’ eżegwibbiltà jista’ jiġi ppreżenta minn kull waħda mill-partijiet fi ħdan it-termini stabbiliti. Il-qorti Portugiża tista’ tiddeċiedi li s-sentenza ta’ qorti barranija hija parzjalment eżegwibbli, iżda ma tistax tirrevidiha fir-rigward tas-sustanza.

Ir-regoli tal-proċedura ċivili Portugiżi applikabbli

Ir-rikors għall-eżegwibbiltà jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-familja u tal-minuri fil-qorti distrettwali. Meta ma jkun hemm l-ebda qorti tal-familja u tal-minorenni, ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti ċivili lokali fil-qorti distrettwali jew lill-qorti b’kompetenza ġenerika.

L-azzjoni tkun fil-forma ta’ azzjoni dikjarattiva ordinarja, kif prevista fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, bl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Brussell IIa riformulat.

Ladarba appell huwa dejjem ammissibbli, irrispettivament mill-valur, il-ħatra ta’ avukat hija obbligatorja.

L-uffiċċju tal-prosekuzzjoni jista’ jieħu azzjoni sabiex jiddefendi l-interessi tal-minuri.

Fit-talba inizjali, ir-rikorrent jeħtieġlu (l-Artikolu 552 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili):

  • isemmi l-qorti u l-imħallef rispettiv ta’ fejn tkun tressqet l-azzjoni, u jidentifika lill-partijiet, jindika l-ismijiet tagħhom, l-indirizzi tagħhom jew l-uffiċċji reġistrati tagħhom u, meta jkun possibbli, in-numri tal-identifikazzjoni fiskali u ċivili tagħhom, il-karigi u l-postijiet tax-xogħol tagħhom;
  • jindika l-indirizz tax-xogħol tar-rappreżentant legali tiegħu;
  • jindika t-tip ta’ azzjoni;
  • jipprovdi l-fatti essenzjali li taw lok għall-azzjoni u r-raġunijiet fil-liġi li jiffurmaw il-bażi għall-azzjoni;
  • jifformula r-rikors;
  • jiddikjara l-ammont tat-talba;
  • jsemmi l-aġent tal-eżekuzzjoni inkarigat mit-taħrika, jew ir-rappreżentant ġudizzjarju responsabbli għaliha;
  • jitlob il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, f’dan il-każ il-korp ta’ informazzjoni previst fir-Regolament Brussell IIa riformulat li jrid jakkumpanja t-talba;
  • Jehmeż dokument li jiġġustifika l-ħlas tat-tariffa tal-qorti dovuta, jew l-għoti ta’ għajnuna legali bħala eżenzjoni minn tali ħlas, inklużi każijiet fejn dan ikun ġie eżentat fl-Istat Membru ta’ oriġini.

Ir-rikors promotur u d-dokumenti jiġu ppreżentati minn rappreżentanti legali elettronikament bl-użu tas-sistema kompjuterizzata li fuqha sserraħ l-attività tal-qrati https://citius.tribunaisnet.mj.pt/.

L-istess proċedura tapplika meta l-azzjoni titressaq mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni għad-difiża tal-interessi tal-wild minuri. L-uffiċċju tal-prosekuzzjoni huwa eżenti mill-ispejjeż meta jaġixxi sabiex jiddefendi l-interessi tal-minuri.

Sabiex ikollhom aċċess għas-sistema kompjuterizzata, l-avukati, l-avukati apprendisti u s-solicitors jeħtiġilhom ikunu rreġistrati mal-entità responsabbli mill-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema kompjuterizzata.

Kull meta talba ma tkunx tinvolvi l-ħatra ta’ rappreżentant, u l-parti ma tkunx assistita jew meta l-parti tkun assistita minn rappreżentant iżda jkun hemm raġuni ġustifikabbli li timpedixxi lil dan tal-aħħar milli jippreżenta l-atti proċedurali b’mod elettroniku, ir-rikors promotur u d-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati b’wieħed mill-modi li ġejjin:

  • konsenja lir-reġistru tal-qorti, bid-data ta’ konsenja tad-dokument tkun valida għall-finijiet proċedurali;
  • bil-posta rreġistrata, bid-data ta’ konsenja bil-posta irreġistrata titqies bħala valida għal finijiet proċedurali;
  • Jiġu kkonsenjati permezz tal-faks, bid-data meta jintbagħtu titqies bħala d-data tal-att proċedurali.

Ir-rikors promotur u d-dokumenti ta’ akkumpanjament, ladarba jaslu fil-qorti, jiġu uffiċjalment irreġistrati u distribwiti. L-imħallef jivverifika li jkun hemm l-informazzjoni neċessarja kollha u li ma jkun hemm l-ebda raġuni għal rifjut kif previst fir-Regolament Brussell IIa riformulat, u jiddikjara l-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni dwar l-eżegwibbiltà mbagħad tiġi nnotifikata lill-partijiet.

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-Artikolu 30 tar-Regolament Brussell IIa riformulat jipprevedi l-possibbiltà li parti interessata tressaq rikors fi Stat Membru għal dikjarazzjoni ta’ nonrikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa fi Stat Membru ieħor.

F’dak il-każ, il-qorti fil-Portugall fejn għandha tirrikorri l-parti u r-regoli applikabbli tal-proċedura jkunu dawk indikati fit-tweġiba għall-mistoqsija 15, bil-kjarifika li ġejja: dan huwa każ ta’ azzjoni komuni għal dikjarazzjoni negattiva. Dan għandu konsegwenzi fir-rigward tar-regoli tal-oneru tal-prova, billi skont il-liġi Portugiża, f’azzjonijiet għal dikjarazzjoni negattiva, huwa l-intimat li jeħtieġlu jipprova l-fatti li jikkostitwixxu d-dritt invokat (l-Artikolu 343(1) tal-Kodiċi Ċivili).

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied minuri huma regolati (l-Artikolu 57 tal-Kodiċi Ċivili):

  • mil-liġi nazzjonali komuni tal-ġenituri;

jew fin-nuqqas ta’ dan,

  • mil-liġi tal-post tar-residenza abitwali komuni tal-ġenituri;

jew, jekk il-ġenituri jkollhom residenza abitwali fi Stati differenti,

  • mil-liġi personali tal-wild minuri.

Il-liġi personali hija dik tan-nazzjonalità tal-individwu (l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Ċivili).

Fil-każ ta’ persuni mingħajr Stat, il-liġi personali tal-persuni mingħajr Stat hija dik tal-post tar-residenza tagħhom. Madankollu, jekk il-persuna mingħajr Stat tkun wild minuri jew persuna skwalifikata, il-liġi personali tagħha tkun dik tad-domiċilju legali tagħha (l-Artikolu 32(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili).

Fejn issib il-leġiżlazzjoni applikabbli

Avviż:

La l-Punt ta’ Kuntatt tan-NĠE-Ċivili, la l-qrati u lanqas entitajiet u awtoritajiet oħrajn ma huma marbuta bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Xorta jibqa’ neċessarju li jinqraw it-testi legali fis-seħħ, li huma soġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni li dejjem tevolvi tal-ġurisprudenza.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 05/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.