Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-Kodiċi Ċivili Rumen (Codul Civil) juża l-kunċett tal-awtorità tal-ġenituri. L-awtorità tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u d-dmirijiet kollha li jikkonċernaw kemm it-tfal u/jew l-assi tiegħu. Id-drittijiet u l-obbligi huma taż-żewġ ġenituri ndaqs u huma eżerċitati fl-aħjar interessi tat-tfal. L-awtorità tal-ġenituri jiġu eżerċitati sakemm it-tfal jilħqu l-età maġġuri.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (previsti fl-Artikoli 487-499 tal-Kodiċi Ċivili u l-Liġi Nru 272/2004 (Legea nr. 272/2004) dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal) rigward it-tfal jinkludu:

  • id-dritt u l-obbligu li jistabbilixxu u jippreservaw l-identità tat-tfal. It-tfal għandhom jiġu rreġistrati minnufih wara t-twelid u għandu jkollhom id-dritt għal isem u għaċ-ċittadinanza. Il-ġenituri għandhom jagħżlu l-ewwel u l-aħħar isem tat-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu tat-trobbija tat-tfal. Il-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jrabbu lit-tfal, li jieħdu ħsieb is-saħħa u l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u intellettwali tat-tfal, l-edukazzjoni tagħhom, l-istudji u t-taħriġ professjonali, skont it-twemmin, il-karatteristiċi u l-bżonnijiet tat-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu li jissorveljaw lit-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu tal-manteniment tat-tfal. Il-ġenituri għandhom obbligazzjoni in solidum biex jipprovdu l-manteniment lit-tfal minuri tagħhom. Il-ġenituri jridu jipprovdu għat-tfal tagħhom sal-jum ta' gradwazzjoni tagħhom jekk komplew l-istudji tagħhom iżda mhux aktar minn 26 sena.
  • Id-dritt li jieħdu ċerti miżuri dixxiplinarji fil-konfront tat-tfal tagħhom. Ċerti miżuri huma projbiti, bħal xi kastig fiżiku li jikkawża ħsara fl-istat fiżiku, mentali jew emozzjonali tat-tfal.
  • Id-dritt li jitolbu għar-ritorn tat-tfal mingħand persuni li ma għandhomx dritt iżommuhom.
  • Id-dritt tal-ġenituri li jergġħu jingħaqdu mat-tfal tagħhom. Dan id-dritt huwa marbut mad-dritt tat-tfal li ma jiġux separati mill-ġenituri tagħhom ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali u temporanji (pereżempju miżuri ta' kustodja alternattiva).
  • Id-dritt tal-ġenituri li jkollhom rabtiet personali mat-tfal tagħhom. Il-mezzi li bihom ikollhom rabtiet personali mat-tfal huma, pereż.: iżuru lit-tfal fid-dar tagħhom, iżuruhom waqt li jkunu l-iskola, it-tfal iqattgħu il-vaganzi ma' kull wieħed mill-ġenituri.
  • Id-dritt li jiddeċiedu fejn se jgħixu t-tfal. Il-minuri għandu jgħix mal-ġenituri tiegħu. Jekk il-ġenituri ma jgħixux flimkien, huma jiddeċiedu fejn se tkun dar il-minuri bi ftehim reċiproku. F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri, tiddeċiedi l-Qorti tat-Tutela (Instanţa de tutelă).
  • id-dritt li jagħtu l-kunsens għall-għerusija u ż-żwieġ tat-tfal f'każ ta' minuri li għalqu 16-il sena; id-dritt li jagħtu l-kunsens għall-adozzjoni tat-tfal.
  • Id-dritt li jappellaw kontra l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet rigward it-tfal u biex jagħmlu talbiet u jieħdu miżuri f'isimhom propju u f'isem it-tfal tagħhom

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (previsti fl-Artikolu 500-502 tal-Kodiċi Ċivili) rigward l-assi tat-tfal jinkludu:

  • il-ġestjoni tal-assi tat-tfal. Il-ġenitur ma għandux dritt fuq l-assi tat-tfal, u l-anqas għandhom it-tfal fuq l-assi tal-ġenituri, minbarra d-dritt ta' suċċessjoni u tal-manteniment. Il-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jiġġestixxu l-assi tat-tfal minuri tagħhom u biex jirrapreżentawhom fid-dokumenti ċivili legali jew biex jagħtu l-kunsens tagħhom għal dawn id-dokumenti. Wara l-età ta' 14-il sena, il-minuri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jeżegwuhom waħedhom, madankollu, bil-kunsens tal-ġenituri u tal-Qorti tat-Tutela, fejn xieraq.
  • Id-dritt u l-obbligu li jirrapreżentaw lill-minuri fuq dokumenti ċivili jew biex jagħtu l-kunsens tagħhom għal dawn id-dokumenti. Sakemm jagħlqu 14-il sena, it-tfal jiġu rappreżentati mill-ġenituri fuq id-dokumenti ċivili għaliex ma jkollhomx kapaċità ġuridika. Mill-età ta' 14-il sena sa 18-il sena, il-minuri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jeżegwuhom waħedhom, madankollu għandhom bżonn il-kunsens tal-ġenituri bil-quddiem minħabba kapaċità ġuridika limitata.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huma ndaqs (l-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili): jekk il-ġenituri huma miżżewwġin; wara d-divorzju (l-Artikolu 397 tal-Kodiċi Ċivili); ta' ġenitur waħdu li fil-konfront tiegħu ġiet stabbilita l-filjazzjoni jekk it-tfal twieldu barra ż-żwieġ, u taż-żewġ ġenituri flimkien jekk il-ġenituri qiegħdin fi sħubija (l-Artikolu 505(1) tal-Kodiċi Ċivili).

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata f'ishma mhux indaqs mill-ġenituri (separati): f'każ ta' ħall taż-żwieġ permezz ta' divorzju jekk il-Qorti tqis illi huwa fl-interess tat-tfal illi l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn ġenitur wieħed biss (l-Artikolu 398 tal-Kodiċi Ċivili). fil-każ ta' ħall taż-żwieġ (l-Artikolu 305(2) tal-Kodiċi Ċivili); jekk it-tfal twieldu barra ż-żwieġ fejn il-ġenituri ma jgħixux fi sħubija domestika (l-Artikolu 505(2) tal-Kodiċi Ċivili).

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn ġenitur wieħed skont l-Artikolu 507 tal-Kodiċi Ċivili meta l-ġenitur l-ieħor ikun mejjet, jew ikun ġie mċaħħad mid-drittijiet parentali tiegħu, jew ġie interdett eċċ.

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri parzjalment meta d-drittijiet u d-dmirijiet qiegħdin għand terza parti jew f'idejn istitut tat-tfal (l-Artikolu 399 tal-Kodiċi Ċivili).

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Il-ġenituri ta' minuri li għalaq 14-il sena għandhom drittijiet u obbligi biss fuq il-persuna tal-minuri. Id-drittijiet u l-obbligi fuq l-assi tat-tfal huma tat-tutur tat-tfal jew ta' persuna oħra.

It-tutela tal-minuri għandha tiġi stabbilita meta jmutu ż-żewġ ġenituri, meta l-ġenituri mhumiex magħrufa, ġew imċaħħda mill-eżerċizzji tad-drittijiet tal-ġenituri jew instabu ħatja ta' reat kriminali sabiex jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, jitqiegħdu taħt interdizzjoni, huma assenti jew ġew iddikjarati mejta, u l-Qorti tiddeċiedi li mat-terminazzjoni tal-adozzjoni ikun fl-interess tal-minuri li jinħatar tutur.

It-tutela tiġi stabbilita jekk it-tfal ma għandhomx ġenituri biex jieħdu ħsiebhom, wara li jkunu ġew imċaħħda mill-eżerċizzju tad-drittjiet tagħhom.

B'mod eċċezzjonali, il-Qorti tat-Tutela tista' tiddeċiedi li tqiegħed lit-tfal ma' qraba jew ma' familja jew persuna oħra, bil-kunsens tagħhom, jew f'istitut tat-tfal.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Fil-prinċipju, l-awtorità tal-ġenituri hija taż-żewġ ġenituri flimkien wara d-divorzju, jew ma' wieħed minnhom biss jekk hemm raġunijiet fondati, fl-aħjar interessi tat-tfal. Il-ġenitur iżomm id-dritt li jħares kif qiegħdin jiġu mrobbija u edukati t-tfal, u d-dritt li jagħti l-kunsens tiegħu għall-adozzjoni.

B'mod eċċezzjonali, il-Qorti tat-Tutela tista' tiddeċiedi li tqiegħed lit-tfal ma' qraba jew ma' familja jew persuna oħra, bil-kunsens tagħhom, jew f'istitut tat-tfal. Dawn il-persuni u entitajiet jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal (l-Artikolu 399 tal-Kodiċi Ċivili).

Meta t-tfal jitwieldu barra ż-żwieġ u jipi rikonoxxuti miż-żewġ ġenituri, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata in solidum minnhom jekk jgħixu fi sħubija domestika. Jekk il-ġenituri tat-tfal li twieldu barra ż-żwieġ ma jgħixux fi sħubija domestika, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn wieħed minnhom biss.

Id-divorzju kunsenswali tal-konjuġi jista' jsir minn nutar pubbliku anke jekk kien hemm tfal minuri li twieldu fiż-żwieġ, barra ż-żwieġ jew adottati, jekk il-konjuġi jaqblu fuq l-aspetti kollha dwar l-użu tal-kunjom wara d-divorzju, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri miż-żewġ ġenituri, id-deċiżjoni dwar fejn se jgħixu t-tfal wara d-divorzju, kif se jiġi preservati r-rabtiet personali bejn il-ġenituri separati u t-tfal, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż tat-trobbija tat-tfal, l-edukazzjoni, l-istudji u t-taħriġ professjonali tagħhom. Jekk ir-rapport tal-inkjesta soċjali juri illi l-ftehim tal-konjuġi dwar l-eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri jew dwar fejn se jgħixu t-tfal mhux fl-interessi tat-tfal, in-nutar pubbliku jiċħad l-applikazzjoni għad-divorzju u jiggwida lill-konjuġi biex imorru l-qorti.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri jistgħu jifthemu dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri jew rigward il-miżuri li ttieħdu sabiex jiġu mħarsin it-tfal bil-kunsens tal-Qorti tat-Tutela, jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal (l-Artikolu 506 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-partijiet jistgħu jidhru f'kull ħin matul l-għoti tas-sentenza, anke mingħajr ma jkunu ġew imsejjħa, sabiex jitolbu sentenza li tirregola legalment il-ftehim tagħhom, billi jingħataw sentenza li tagħti l-approvazzjoni. Din is-sentenza hija finali u tiġi eżegwita.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-medjazzjoni mhix obbligatorja qabel ma l-partijiet imorru l-Qorti. Matul ir-riżoluzzjoni tal-proċess, l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jinfurmaw lill-partijiet dwar il-possibiltajiet u l-vantaġġi tal-użu tal-medjazzjoni. Jekk il-medjazzjoni ma tirriżultax fi ftehim, il-kwistjonijiet konċernati jiġu riżolti l-Qorti.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-Qorti tiddeċiedi illi l-awtorità tal-ġenituri għandha tiġi eżerċitata minn ġenitur minnhom biss, dak il-ġenitur jiddeċiedi waħdu dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mat-tfal. Il-ġenitur iżomm id-dritt li jħares kif qiegħdin jiġu mrobbija u edukati t-tfal, u d-dritt li jagħti l-kunsens tiegħu għall-adozzjoni.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri in solidum. Fir-rigward ta' partijiet terzi in bona fide, jekk xi ħadd mill-ġenituri iwettaq att legali ordinarju waħdu fl-eżerċizzju tad-drittijiet parentali u twettiq tad-dmirijiet tal-ġenituri, huwa preżunt illi għandu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikorsi għall-protezzjoni tal-individwi fil-kompetenza tal-Qorti tat-Tutela u tal-Familja (il-Qorti Distrettwali jew, fejn xieraq, it-Tribunal speċjalizzat fi kwistjonijiet tal-minuri u tal-familji) jiġu riżolti mill-Qorti b'ġurisdizzjoni territorjali tal-post fejn hija domiċiljata jew għandha r-residenza tagħha l-persuna protetta (l-Artikolu 94 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) (Codul de Procedură Civilă)).

Il-qorti tal-post fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent għandha kompetenza għat-talbiet dwar ir-rikonoxximent tal-filjazzjoni, filwaqt li l-Qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-post fejn huwa residenti r-rikorrent/kreditur għandha kompetenza għat-talbiet dwar l-obbligi ta' manteniment (inkluż il-benefiċċji tat-tfal mill-Istat).

Id-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors għaċ-ċitazzjoni huma l-kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri, il-kopja tal-karta tal-identità, il-kopja tas-sentenza ta' divorzju, il-ftehim ta' medjazzjoni (jekk ikun sar) u dokumenti oħra li jitqiesu utli sabiex jinqata' l-każ. It-talba hija eżenti mit-taxxa tal-boll.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-Qorti tista' tieħu miżuri provviżorji permezz ta' ordni mill-president tagħha matul il-proċess kollhu tad-divorzju (proċedura speċjali b'termini aktar qosra għar-riżoluzzjoni), dwar fejn se jgħixu t-tfal, l-obbligu tal-manteniment, dwar min se jiġbor il-benefiċċju għat-tfal (l-Artikolu 919 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista' tinkiseb taħt l-Ordni ta' Emerġenza Nru 51/2008 (Ordonanța de Urgență nr. 51/2008) dwar l-għajnuna legali pubblikua fi kwistjonijiet ċivili, approvat bl-emendi mil-Liġi Nru 193/2008 (Legea nr. 193/2008), kif sussegwentement emendat.

L-għajnuna legali tista' tingħata separatament jew f'daqqa fil-forma ta' assistenza minn avukat; bil-ħlas għal espert, traduttur jew interpretu; bil-ħlas tat-tariffa tal-bailiff; għall-eżenzjonijiet, riduzzjonijiet, skedar mill-ġdid jew dewmien fil-ħlas tat-tariffi tal-Qorti.

Il-persuni li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna legali huma dawk li għandhom introjtu nett fix-xahar għal kull membru tal-familja inqas minn RON 300 fl-aħħar xahrejn qabel it-talba. Jekk l-introjtu huwa inqas minn RON 300, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż b'50%. Madankollu, il-kundizzjonijiet stabbiliti ma jwaqqfux lill-applikanti b'riżorsi li jaqbżu l-kwota milli jibbenefikaw mill-għajnuna legali jekk jistgħu juru illi ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż legali minħabba d-differenza fl-istandards ta' għajxien tal-istat ta' domiċilju jew tar-residenza abitwali u tal-istat fejn qiegħda l-qorti.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Is-sentenza f'każijiet relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenuturi (kwistjonijiet anċillari għad-divorzju jew permezz ta' rotta diretta) hija suġġetta għal appell biss, fi żmien 30 jum mis-sentenza, jew għal stħarriġ ġudizzjarju biss, f'każ ta' sentenza għall-approvazzjoni li tikkonferma l-ftehim tal-Partijiet.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru volontarjament, il-kreditur irid jinnotifika lill-bailiff. Il-bailiff jitlob lill-qorti ta' eżekuzzjoni għall-approvazzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni. Dan isir matul seduta bil-magħluq mingħajr ma jiġu msejjħa l-Partijiet.

Jekk it-talba għall-eżekuzzjoni tiġi awtorizzata, il-bailiff joħroġ mandat u jibgħat għall-ġenitur jew għal persuna li magħha qiegħdin it-tfal, biex jinnotifikaha bid-data li fiha għandha tidher mal-minuri sabiex il-minuri jmur mal-kreditur, jew biex tiġi ordnata tħalli lill-ġenitur l-ieħor jeżerċità d-dritt tiegħu għal relazzjonijiet personali mal-minuri.

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru, il-bailiff jipproċedi b'eżekuzzjoni obbligatorja fil-preżenza ta' rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali tal-Assistenza Soċjali u Protezzjoni tat-Tfal u, jekk ikun meħtieġ, fil-preżenza ta' psikologu u uffiċċjali tal-pulizija. Ħadd ma jista' jwettaq att ta' bullying fuq il-minuri jew jagħmillu pressjoni żejda biex iwettaq l-eżekuzzjoni.

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru, il-piena deċiża mill-Qorti tibqa' fis-seħħ sakemm issir l-eżekuzzjoni, u l-bailiff jinnotifika lill-prosekutur biex jibda l-prosekuzzjoni.

Jekk il-minuri jirrifjuta, l-eżekutur jikkomunika r-rapport uffiċjali lir-rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali tal-Assistenza Soċjali u Protezzjoni tat-Tfal, u l-qorti kompetenti tordna lill-minuri biex jattendi għal programm ta' terapija, li jintemm bir-rapport tal-psikologu. Jekk il-minuri jirrifjuta dan wara li jerġa jibda l-eżekuzzjoni obbligatorja, il-kreditur jista' jmur il-qorti biex jitlob li tingħata piena.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003. It-talba trid tiġi indirizzata lit-Tribunal fid-domiċilju tal-intimat jew tar-residenza tiegħu fir-Rumanija. Jista' jsir appell mir-rikonoxximent quddiem il-Qorti tal-Appell b'ġuriżdizzjoni territorjali (Curtea de Apel), jew permezz ta' oppożizzjoni b'talba għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (Înalta Curte de Casație și Justiție).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Sabiex jopponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri, il-persuna interessata tista' tmur quddiem it-Tribunal tad-domiċilju tal-intimat jew tar-residenza tiegħu fir-Rumanija.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

L-Artikolu 2611 tal-Kodiċi Ċivili jgħid illi l-liġi applikabbli dwar l-awtorità tal-ġenituri u l-protezzjoni tat-tfal tiġi determinata skont il-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-rigward tal-awtorità tal-ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, adottata fl-Aja fid-19 ta' Ottubru 1996, u rratifikata mil-Liġi Nru, 361/2007.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.