Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fl-Iskozja, id-drittijiet u l-obbligi ta’ ġenitur jissejħu “responsabbiltajiet tal-ġenituri u drittijiet tal-ġenituri”, jew PRRs (“Parental Responsibilities and parental Rights”).

Sa fejn ikun prattikabbli u fl-interess tal-wild minuri, persuna b’responsabbiltajiet tal-ġenituri għall-wild minuri għandha:

• tissalvagwardja u tippromwovi s-saħħa, l-iżvilupp u l-aħjar interessi tal-wild minuri;

• tipprovdi lill-wild minuri b’direzzjoni u bi gwida b’mod xieraq għall-istadju ta’ żvilupp tal-wild minuri

• jekk il-wild minuri ma jkunx qed jgħix mal-ġenitur, iżżomm relazzjonijiet personali u kuntatt dirett mal-wild minuri fuq bażi regolari

• taġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-wild minuri.

Persuna għandha drittijiet sabiex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha. Id-drittijiet tal-ġenituri huma:

• li l-wild minuri jgħix mal-ġenitur jew li jirregola b’xi mod ieħor ir-residenza tal-wild minuri;

• li l-ġenitur jikkontrolla, jidderieġi jew jiggwida, b’mod xieraq għall-istadju ta’ żvilupp tal-wild minuri, it-trobbija tal-wild minuri;

• jekk il-wild minuri ma jkunx qed jgħix mal-ġenitur, li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatt dirett mal-wild minuri fuq bażi regolari;

• li l-ġenitur jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-wild minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Omm il-wild minuri jkollha l-PRRs b’mod awtomatiku. Missier il-wild minuri jkollu l-PRRs jekk:

• Kien miżżewweġ lill-omm fil-ħin tal-konċepiment jew sussegwentement

• Fl-4 ta’ Mejju 2006 jew wara, huwa rreġistra b’mod konġunt it-twelid tal-wild minuri tiegħu mal-omm

• Huwa u l-omm kitbu u rreġistraw ftehim f’forma prestabbilita (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 5 aktar ’l isfel)

• Tathomlu l-Qorti.

Kull min għandu interess fil-wild minuri jista’ jitlob lill-qorti għall-PRRs.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Iva. Qorti tista’ tagħti l-PRRs lil persuna oħra li ma tkunx ġenitur jew tista’ taħtar persuna bħala tutur tal-wild minuri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, dan ma jaffettwax fih innifsu min ikollu l-PRRs. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar x’inhu l-aħjar għall-wild minuri tagħhom, wieħed minnhom jew it-tnejn li huma jistgħu jitolbu lill-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet. Il-qorti trid tqis l-aħjar interessi tal-wild minuri kkonċernat bħala l-ogħla konsiderazzjoni tagħha. Ma tistax tagħti ordni ħlief jekk ikun aħjar għall-wild minuri li tagħti ordni milli li ma tagħtix ordni. Il-qorti, filwaqt li tqis l-età u l-maturità tal-wild minuri, trid tqis kwalunkwe fehma li l-wild minuri jixtieq jesprimi.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Fil-każ ta’ ftehim li jagħti lill-missier PRRs, il-ftehim irid ikun f’forma prestabbilita u jrid ikun irreġistrat sabiex ikollu effett legali. Il-formola tinsab fis-sit web tal-Gvern Skoċċiż.

Kull ġenitur irid jiffirma l-ftehim fil-preżenza ta’ xhud wieħed li jrid ikollu 16-il sena jew aktar u li jrid jiffirma l-ftehim ukoll. L-istess persuna tista’ tkun xhud għaż-żewġ firem. Il-ftehim irid jiġi rreġistrat fil-Kotba tal-Kunsill u tas-Sessjoni filwaqt li l-omm jkollha l-istess PRRs li kellha fiż-żmien li iffirmat il-ftehim fih.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Hemm varjetà ta’ metodi ta’ “soluzzjoni alternattiva għat-tilwim”. Dawn jinkludu:

• Medjazzjoni tal-familja (meta medjatur jagħti lill-membri tal-familja l-opportunità li jitkellmu dwar it-tħassib tagħhom, jesploraw l-għażliet, u jaqblu dwar it-triq ’il quddiem)

• Medjazzjoni minn avukat (meta l-medjatur ikun avukat li jkollu wkoll kwalifika fil-medjazzjoni)

• Arbitraġġ (meta l-partijiet jaqblu li jaħtru persuna msejħa “arbitru” sabiex issolvi tilwima u li jkunu marbuta bid-deċiżjoni tal-arbitru)

• Liġi kollaborattiva (meta ż-żewġ partijiet ikollhom avukat u l-avukati jaqblu li jippruvaw isolvu t-tilwima barra mill-qorti)

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef jista’ jagħmel ordnijiet fir-rigward:

• tar-responsabbiltà tal-ġenituri;

• tad-drittijiet tal-ġenituri;

• tat-tutela;

• tal-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-wild minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Kull persuna b’PRRs fir-rigward tal-wild minuri għandha tkun involuta fid-deċiżjonijiet dwar dak il-wild minuri. Meta ġenitur wieħed biss ikollu PRRs, dak il-ġenitur jista’ jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha mingħajr ma jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Jekk iż-żewġ ġenituri jkollhom PRRs sħaħ fir-rigward tal-wild minuri, it-tnejn li huma jkollhom id-dritt li l-wild minuri jgħix magħhom, jew li jirregolaw b’xi mod ieħor ir-residenza tal-wild minuri. Meta l-wild minuri ikun jgħix ma’ wieħed minnhom, l-ieħor ikollu d-dritt li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatt dirett mal-wild minuri fuq bażi regolari.

Il-prinċipju ġenerali huwa li, meta jkun possibbli, iż-żewġ ġenituri għandhom jikkontribwixxu għat-trobbija tal-wild minuri tagħhom, meta dan ikun prattikabbli u fl-interessi tal-wild minuri. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, il-qorti tista’ tiddetermina ma’ min jgħix il-wild minuri, u meta. Huwa possibbli li l-qorti tordna li l-wild minuri għandu jgħix ma’ persuni differenti fi żminijiet differenti.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

i. Azzjoni li tikkonċerna r-responsabbiltajiet tal-ġenituri tista’ tiġi ppreżentata jew quddiem il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) jew quddiem il-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court). Ir-rikors jista’ ssir b’kawża ordinarja għal divorzju jew għal separazzjoni.

ii. Liema qorti għandha tintuża hija kwistjoni ta’ għażla personali. Meta ma tkun pendenti l-ebda kawża ta’ dan it-tip għal divorzju jew għal separazzjoni, il-Qorti tas-Sessjoni jkollha l-ġuriżdizzjoni li tittratta rikors għal ordni ta’ responsabbiltajiet tal-ġenituri meta l-wild minuri jkun abitwalment residenti fl-Iskozja u l-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) ikollha l-ġuriżdizzjoni li tindirizza kawża ta’ dan it-tip meta l-wild minuri jkun abitwalment residenti fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tax-Xeriff (Sheriffdom) fejn il-Qorti tkun tinsab ġeografikament. Is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u tat-Tribunali tal-Iskozja (Scottish Courts and Tribunals Service) fih mappa li turi l-postijiet tal-qrati u telenka l-indirizzi u d-dettalji ta’ kuntatt.

iii. Talba dwar ir-responsabbiltajiet u d-drittijiet tal-ġenituri trid issir fil-forma ta’ Ċitazzjoni (Summons) fil-Qorti tas-Sessjoni u ta’ Ċitazzjoni Inizjali (Initial Writ) fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court). Bħal fil-każ tal-kawżi għal divorzju, kull Qorti għandha s-sett ta’ regoli tagħha stess li jistabbilixxu l-forma li ta’ kif trid issir dik it-talba. Ara l-paragrafu 11(6) tal-paġna dwar id-divorzju.

Formalitajiet u dokumentazzjoni

iv. Mal-preżentata ta’ rikors bħal dan trid titħallas tariffa f’waħda mill-Qrati. Ara l-paragrafu 11(8) tal-paġna dwar id-divorzju rigward l-eżenzjonijiet possibbli mit-tariffi.

v. Ma’ kwalunkwe wieħed minn dawn it-tipi ta’ talbiet, trid tippreżenta ċertifikat tat-twelid tal-wild minuri. Fotokopja ma tiġix aċċettata mill-qorti u lanqas forma mqassra taċ-ċertifikat.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Ma hemm l-ebda proċedura simplifikata disponibbli f’talbiet ta’ dan it-tip. Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 11(6) tal-paġna dwar id-divorzju jistabbilixxu l-proċeduri. Huwa possibbli li tintalab ordni temporanja meta jkun maħsub li din tkun meħtieġa.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Pariri u Assistenza huma disponibbli dwar kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri soġġetti għat-testijiet finanzjarji statutorji normali. Għajnuna Legali Ċivili hija disponibbli wkoll fuq kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri, soġġetta għat-tliet testijiet statutorji normali tal-eliġibbiltà finanzjarja, tar-raġonevolezza u tal-kawża probabbli.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Jista’ jkun possibbli li jinfetħu proċedimenti fl-istess azzjoni għal nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-qorti. Jekk ma jkunx hemm konformità, jistgħu jiġu kkontestati l-proċedimenti tal-qorti.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Jekk tixtieq teżegwixxi sentenza minn Stat Membru ieħor, il-kwistjoni hija rregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 (magħruf komunement bħala Brussell IIa). Sentenza ta’ Stat Membru ieħor dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri relatata mal-wild minuri hija eżegwibbli fl-Iskozja meta (1) ikun ġie ppreżentat rikors u (2) b’konsegwenza ta’ dan, is-sentenza tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli fl-Iskozja.

Il-proċedura għall-preżentata ta’ dan ir-rikors hija stipulata fil-liġi tal-Iskozja. Irid jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) u dan irid ikun akkumpanjat minn dokumenti speċifiċi (li huma stabbiliti fi Brussell IIa). Tista’ ssibha utli li tikseb parir legali dwar din il-kwistjoni.

Skont Brussell IIa, hemm ċerti sentenzi li jistgħu jiġu eżegwiti fi Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jekk tixtieq tikkontesta r-rikonoxximent ta’ sentenza minn Stat Membru ieħor, il-kwistjoni hija rregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 (magħruf komunement bħala Brussell IIa). Brussell IIa jelenka r-raġunijiet li għalihom is-sentenza ma għandhiex tiġi rikonoxxuta.

Ir-rikors jeħtieġ li jiġi ppreżentat skont il-proċedura stabbilita fil-liġi tal-Iskozja. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session) u dan irid ikun akkumpanjat minn dokumenti speċifiċi (li huma stabbiliti fi Brussell IIa). Tista’ ssibha utli li tikseb parir legali dwar din il-kwistjoni.

Skont Brussell IIa, hemm ċerti sentenzi li jistgħu jiġu eżegwiti u rikonoxxuti fi Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Jekk il-qorti fl-Iskozja jkollha ġuriżdizzjoni, ġeneralment tapplika l-liġi tal-Iskozja. Jekk ikun maħsub li kwistjoni partikolari hija rregolata b’liġi barranija rilevanti li tkun differenti mil-liġi tal-Iskozja, dik il-liġi trid tiġi kkonstatata u pprovata. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi mhux tas-soltu li fihom liġi barranija tintalab mill-partijiet f’kawża li fiċ-ċirkostanzi tagħha l-qorti Skoċċiża tista’ tikkunsidraha.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 09/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.