Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Skont l-Att dwar il-Familja tas-Slovenja (l-Att Nru 36/2005 dwar il-familja u t-tibdil u l-emendi f’ċerti atti) u l-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà tal-ġenituri (jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri- il-kustodja) tinkludi, b’mod partikolari, il-kura tat-tfal, il-manteniment, ir-rappreżentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Iż-żewġ ġenituri flimkien jaqsmu d-drittijiet u l-obbligi ta’ ġenituri lejn it-tfal, irrispettivament mill-fatt li t-tfal twieldu fi jew barra ż-żwieġ, jew jekk il-ġenituri jgħixux flimkien jew le (huma miżżewwġin, separati jew divorzjati).

Ġenitur jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi tiegħu (jew jiġu ristretti) mill-qorti f’ċirkostanzi serji, kif previsti fl-Artikolu 38(4) tal-Att dwar il-Familja.

Il-qorti tista’ tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obblig tal-ġenitur minuri wara li jagħlaq 16-il sena għall-kura personali tat-tfal minuri tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29 tal-Att dwar il-Familja.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Iva. Jekk iż-żewġ ġenituri ta’ tfal minuri ma jkollhomx kapaċità ġuridika, l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom ġew sospiżi, jew ġew miċħuda mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom, jew huma mejta, il-qorti trid taħtar tutur sabiex irabbi lit-tfal, jirrapreżentahom u jamministra l-propjetà tagħhom.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Il-qorti trid tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (anke meta’ ż-żewġ ġenituri jkomplu jeżerċitawhom flimkien) jew tista’ tapprova ftehim li jkun sar bejniethom.

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Att dwar il-Familja “il-ġenituri ta’ tfal minuri li jgħixu separatament jistgħu jaqblu dwar arranġament għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’kull ħin. Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim, il-qorti tista’ tiddeċiedi kif għandhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet u obbligi, anke jekk ma jkunx sar rikors għal dan il-għan; b’mod partikolari il-qorti trid tiddeċiedi liem ġenitur se jingħata l-kustodja (osobná starostlivosť – il-kura personali) tat-tfal minuri. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 24, 25 u 26 japplikaw mutatis mutandis

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ftehim bejn il-ġenituri dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom jrid jiġi approvat mill-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Riżoluzzjoni barra l-qorti tat-tilwim hija possibbli permezz tal-medjazzjoni skont l-Att Nru 420/2004 dwar il-medjazzjoni. Dan l-Att japplika wkoll għal tilwim ġej minn relazzjonijiet regolati mil-liġi tal-familja. Il-medjazzjoni hija proċedura li ssir barra l-qorti li fiha l-partijiet konċernati jkollhom l-assistenza ta’ medjatur biex isolvu tilwim li ġej mir-relazzjoni kuntrattwali jew legali oħra ta’ bejniethom. Kull ftehim milħuq permezz tal-medjazzjoni jrid isir bil-miktub u huwa vinkolanti fuq il-partijiet li ħadu sehem fil-proċedura.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista’, fil-prinċipju, tiddeċiedi dwar kollox ħlief li tagħti l-kustodja esklussiva (kura personali) tat-tfal lil ġenitur wieħed. Jekk ġenitur jiġi mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi, f’dak il-każ biss jista’ l-ġenitur l-ieħor jingħata l-kustodja esklussiva tat-tfal. Fil-prattika, madankollu, il-qorti tiddeċiedi liema ġenitur se jingħata l-kura personali tat-tfal, u min se jirrapreżentahom u jamministra l-propjetà tagħhom. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll kif il-ġenitur li ma ngħatax il-kustodja esklussiva tat-tfal għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tat-fal jew tapprova l-ftehim tal-ġenituri dwar il-ħlas tal-manteniment.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

It-terminu “ir-responsabbiltà tal-ġenituri” ma jistax jiġi tradott sew fil-kuntest tal-liġi tal-familja tas-Slovakkja. Il-liġi tal-familja tas-Slovakkja tirrikonoxxi t-terminu “id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri”, li dejjem jinqasmu bejn il-ġenituri (għalhekk qatt ma jista’ jkun hemm “kustodja esklussiva” sakemm il-ġenitur l-ieħor ma jkunx mejjet, ma jkollux kapaċità ġuridika jew ikun ġie mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi ta’ ġenitur tiegħu). Trid issir distinzjoni bejn dawn il-każijiet u l-għoti tal-“kura personali” tat-tfal lil xi ħaddieħor. Jekk il-kura personali tat-tfal tingħata lil wieħed mill-ġenituri, dak il-ġenitur jista’ jieħu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet ta’ rutina kollha marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tat-tfal mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor; iżda l-kwistjonijiet l-importanti marbuta mal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi (l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal, li t-tfal jittieħdu barra l-pajjiż, iċ-ċittadinanza, l-għoti tal-kunsens għall-kura tas-saħħa li qiegħda tingħata, it-tħejjija għal xogħol fil-futur) jeħtieġu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar xi deċiżjoni, il-qorti tiddeċiedi fuq talba ta’ wieħed minnhom.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-qorti tista’ tagħti l-kura personali liż-żewġ ġenituri fuq bażi alternanti (jiġifieri l-kustodja konġunta) jekk it-tnejn ikunu kapaċi jrabbu t-tfal u juru interess fil-kura personali tat-tfal, u jekk dan l-arranġament huwa fl-interessi tat-tfal sabiex il-bżonnijiet tagħhom jiġu moqdija aħjar. Jekk tal-inqas wieħed mill-ġenituri jaqbel li l-kura personali tat-tfal tinqasam bejniethom it-tnejn, il-qorti trid tqis jekk dan l-arranġament huwiex fl-interessi tat-tfal.

Ara t-tweġibiet preċedenti, b’mod partikolari t-tweġiba għad-domanda 8.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jgħixu t-tfal minuri hija l-qorti kompetenti li quddiemha jistgħu jsiru r-rikorsi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Ma jridu jitħarsu l-ebda formalitajiet u mhemmx għalfejn jiġu mehmuża l-ebda dokumenti, għaliex din il-proċedura tista’ ssir mill-qorti ex officio. Is-sottomissjoni tad-dokumenti tiddependi mill-kontentut tar-rikors; normalment ikun jinħtieġ iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Tapplika proċedura aktar sempliċi u inqas formali. Hemm il-possibiltà ta’ ordni provviżorju, li jieħu l-forma ta’ proċedura b’urġenza.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedimenti kollha għall-arranġamenti tad-drittjiet u l-obbligi tal-ġenituri jsiru mingħajr ħlas tat-tariffi tal-qorti. Is-sistema tal-għajnuna legali fis-Slovakkja attwalment hija limitata għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti u l-għoti ta’ rappreżentant mingħajr ħlas. Ftit huma dawk li jagħżlu li jiġu rappreżentati minn avukat, minħabba n-natura mhux kontenzjuża tal-proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Madankollum, jekk persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi għall-eżenzjoni personali mit-tariffi tal-qorti, il-qorti tista’, fis-diskrezzjoni tagħha, tipprovdilha rappreżentant mingħajr ħlas, inkluż avukat, jekk hija tqis illi r-rappreżentazzjoni hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tagħha.

Il-qorti tirreferi lill-partijiet li jitolbu avukat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti liċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali. Il-qorti tagħti parir lill-partijiet dwar din il-possibiltà. Il-qorti tista’ teżenti bis-sħiħ jew parzjalment lil parti mit-tariffi tal-qorti jekk dan ikun ġustifikat miċ-ċirkostanzi tagħha u fejn din id-deċiżjoni ma tkunx eżerċizzju arbitrarju jew mingħajr tama ta’ suċċess jew ostakular tal-ġustizzja. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-eżenzjoni tapplika għall-proċedimenti kollha u għandha effett retroattiv. Madankollu, it-tariffi mħallsa qabel l-għoti ta’ deċiżjoni dwar l-eżenzjoni ma jiġux rifużi.

Iċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali jipprovdi s-sistema ta’ sigurtà u għajnuna legali għall-persuna fiżiċi li ma jistgħux jagħmlu użu mis-servizzi legali sabiex jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet tagħhom minħabba ċ-ċirkostanzi ekonomiċi tagħhom. Il-wesgħa tal-għajnuna legali mogħtija hija regolata mill-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta’ għajnuna legali lil persuni f’ċirkostanzi ekonomiċi ħżiena.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, jista’ jsir appell minn deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’kawżi rigawrd minuri, il-qorti tad-distrett fejn jgħix il-minuri għandha ġuriżdizzjoni, kif determinat bi ftehim bejn il-ġenituri jew b’mezzi legali oħra. Il-proċedura applikata fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni hija regolata mill-Att Nru 161/2015, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża. Id-dettalji tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’kawżi marbuta ma’ minuri huma stipulati fid-Digriet Nru 207/2016 tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, li japplika wkoll għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet barranin.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor huma rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr xi proċedura speċjali fir-Repubblika tas-Slovakkja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (l-Artikolu 21(1)), jiġifieri mingħajr il-bżonn li d-deċiżjoni tiġi ddikjarata eżegwibbli.

Madankollu, parti interessata tista’ titlob illi deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi dikjarata eżegwibbli, u mbagħad tapplika l-proċedura fil-Kapitolu III, Taqsima 2 tar-Regolament.

Ir-rikorsi jsiru quddiem il-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jgħixu t-tfal jew, jekk it-tfal mhux residenti hemmhekk, quddiem il-qorti li fid-distrett tagħha jgħixu attwalment it-tfal, u jekk mhemmx qorti ta’ din ix-xorti, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Distrettwali I ta’ Bratislava.

Ir-rikors għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni jew għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni jrid jiġi akkumpanjat minn kopja tad-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jissodisfaw ir-rekwiżiti rigward il-prova tal-awtentiċità u minn dokument li jiċċertifika d-deċiżjoni, li ġie maħruġ fuq talba tal-parti interessata mill-qorti rilevanti tal-oriġini, jiġifieri il-qorti li tat id-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-appelli jiġi ppreżentati dejjem quddiem il-Qorti Distrettwali li tat id-deċiżjoni oriġinali iżda l-appelli jinqatgħu mill-Qorti Reġjonali. L-appelli kontra r-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri jinstemgħu u jinqatgħu skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati tas-Slovakkja jiddeċiedu biss fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri jekk it-tfal huma abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka. Jekk it-tfal ma jgħixux fir-Repubblika Slovakka iżda għandhom ir-residenza abitwali hawnhekk, jew jekk il-ġenituri ma jgħixux fir-Repubblika Slovakka jew huma ċittadini ta’ pajjiżi differenti, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Slovakka jiġu applikati skont il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (Ref. Nru. 334/2002) (Kapitolu III tal-Konvenzjoni).

L-Att Nru 97/1963 dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jgħid illi r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż l-istabbiliment jew it-tmiem tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huma regolati mil-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tat-tfal. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ tqis il-liġi ta’ pajjiż ieħor fejn ikun hemm rabta sinifikanti mal-kwistjoni konċernata u jekk dan ikun meħtieġ sabiex jitħarsu t-tfal jew il-propjetà tagħhom. Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri li joriġinaw fil-pajjiż tar-residenza abitwali oriġinali tat-tfal jibqgħu validi anke jekk tinbidel ir-residenza abitwali tat-tfal. Jekk xi ħadd mill-ġenituri ma għandux id-drittijiet u l-obbligi ta’ ġenitur li huma rikonoxxuti mil-liġi Slovakka, dawk id-drittijiet u obbligi jidħlu fis-seħħ meta t-tfal ikunu abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka. L-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huwa regolat mil-liġi tal-pajjż fejn huma abitwalment residenti t-tfal.

Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali japplika biss fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali jew jekk ftehim internazzjonali eżistenti ma jkunx fih kriterji dwar il-kunflitt tal-liġijiet sabiex issir l-għażla tal-liġi applikabbli.

Minbarra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, ir-Repubblika Slovakka hija marbuta b’numru ta’ ftehimiet bilaterali li għandhom dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli, u dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Il-ftehimiet konċernati huma:

Il-Bulgarija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Sofia, 25 ta’ Novembru 1976, Digriet Nru 3/1978)

Il-Kroazja, is-Slovenja: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Yugoslavja dwar ir-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Belgrad, 20 ta’ Jannar 1964, Digriet Nru 207/1964)

L-Ungerija: Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Ungerija dwar l-Assistenza Legali u r-Regolament tar-Relazzjonijiet Legali fi Kwistjonijiet Ċivili, tal-Familja u Kriminali (Bratislava, 28 ta’ Marzu 1989, Ref. Nru 63/1990)

Il-Polonja: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Varsavja, 21 ta’ Diċembru 1987, Digriet Nru 42/1989)

Ir-Rumanija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tar-Rumanija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Praga, 25 ta’ Novembru 1958, Digriet Nru 31/1959)

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 03/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.