Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Skont l-Att tas-Slovenja dwar il-Familja (l-Att Nru 36/2005 dwar il-familja u li jemenda ċerti atti) u l-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà tal-ġenituri (jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri u l-kustodja) tinkludi primarjament it-tħaris tal-wild minuri, l-obbligi ta’ manteniment, ir-rappreżentazzjoni tal-wild minuri u l-amministrazzjoni tal-propjetà tal-wild minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Iż-żewġ ġenituri flimkien jaqsmu d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri fir-rigward tal-wild minuri, irrispettivament minn jekk il-wild minuri jkunx twieled fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ, jew jekk il-ġenituri jgħixux flimkien (kemm hekk miżżewġin, separati jew divorzjati).

Il-ġenituri jistgħu jiġu mċaħħda (jew jiġu ristretti) mid-drittijiet u mill-obbligi tagħhom bħala ġenituri minn qorti f’ċirkostanzi serji, kif previst fl-Artikolu 38(4) tal-Att dwar il-Familja.

Qorti tista’ tagħti wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri lil ġenitur li jkun minuri iżda li jkollu aktar minn 16-il sena fir-rigward tal-kustodja tal-wild minuri, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 tal-Att dwar il-Familja.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Iva. Jekk iż-żewġ ġenituri ta’ wild minuri ma jkollhomx kapaċità ġuridika sħiħa, jew l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom bħala ġenituri jkun ġie sospiż, jew ġew imċaħħda mid-drittijiet u mill-obbligi tagħhom bħala ġenituri, jew ikunu mejta, il-qorti jeħtiġilha taħtar tutur sabiex irabbi lill-wild minuri, jirrappreżentah u jamministra l-propjetà tiegħu.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Il-qorti trid tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (anke meta’ ż-żewġ ġenituri jkomplu jeżerċitawhom flimkien) jew tista’ tapprova ftehim li jkun sar bejniethom.

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Att dwar il-Familja, “fi kwalunkwe waqt, il-ġenituri ta’ wild minuri li jgħixu separati jistgħu jiftiehmu dwar arranġament għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom bħala ġenituri. Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim, il-qorti tista’ tiddetermina kif għandhom jiġu eżerċitati d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, anke jekk ma jkun sar l-ebda rikors għal dan l-għan; b’mod partikolari, il-qorti trid tiddeċiedi liema mill-ġenituri għandu jingħata l-kustodja fiżika tal-wild minuri. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 24, 25 u 26 għandhom japplikaw mutatis mutandis”.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ftehimiet bejn il-ġenituri dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala ġenituri jridu jiġu approvati minn qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Riżoluzzjoni barra l-qorti tat-tilwim hija possibbli permezz tal-medjazzjoni skont l-Att Nru 420/2004 dwar il-medjazzjoni. Dan l-att japplika wkoll għal tilwimiet dwar il-liġi tal-familja. Il-medjazzjoni hija proċedura li ssir barra mill-qorti li fiha l-partijiet ikkonċernati jużaw l-assistenza ta’ medjatur biex isolvu tilwima li tinvolvi relazzjoni kuntrattwali jew relazzjoni legali oħra ta’ bejniethom. Kull ftehim milħuq permezz tal-medjazzjoni jrid isir bil-miktub u jkun vinkolanti fuq il-partijiet li jieħdu sehem fil-proċedura.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Fil-prinċipju, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar kollox ħlief li tagħti l-kustodja esklużiva lil wieħed mill-ġenituri. Huwa biss jekk ġenitur wieħed jiġi mċaħħad mid-drittijiet u mill-obbligi tiegħu bħala ġenitur li l-ġenitur l-ieħor ikun jista’ jingħata l-kustodja esklużiva tal-wild minuri. Madankollu, fil-prattika, il-qorti tiddeċiedi liema mill-ġenituri jingħata l-kustodja fiżika tal-wild minuri, u min jirrappreżenta lill-wild minuri u jamministra l-propjetà tiegħu. Il-qorti tiddeċiedi wkoll kif il-ġenitur li ma ngħatax il-kustodja fiżika tal-wild minuri għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tal-wild minuri, inkella l-qorti tapprova l-ftehim bejn il-ġenituri dwar il-ħlasijiet tal-manteniment.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” ma għandux ekwivalenti preċiż fil-liġi tal-familja tas-Slovakkja. It-terminu użat fil-liġi tal-familja tas-Slovakkja huwa “drittijiet u obbligi tal-ġenituri”, li dejjem jinqasmu bejn iż-żewġ ġenituri, li jfisser li qatt ma jista’ jkun hemm “kustodja esklużiva” sakemm il-ġenitur l-ieħor ma jkunx miet, ma jkollux kapaċità ġuridika jew jiġi mċaħħad mid-drittijiet u mill-obbligi tiegħu bħala ġenitur. Jeħtieġ li tiġi ċċarata d-distinzjoni minn kustodja fiżika. Jekk tingħata kustodja fiżika lil wieħed mill-ġenituri, dak il-ġenitur jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar kull aspett tar-rutina relatat mal-ħajja ta’ kuljum tal-wild minuri mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor; iżda kull kwistjoni importanti relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-obbligi tal-ġenituri (l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-wild minuri, it-teħid tal-wild minuri barra l-pajjiż, iċ-ċittadinanza, l-għoti tal-kunsens għall-provvista ta’ kura medika, it-taħriġ vokazzjonali) teħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu bejniethom, id-deċiżjoni tittieħed minn qorti fuq it-talba ta’ wieħed mill-ġenituri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-qorti tista’ tagħti l-kustodja fiżika fuq bażi alternanti (jiġifieri kustodja konġunta) lill-ġenituri jekk it-tnejn ikunu kapaċi jrabbu lill-wild minuri u juru interess fil-kustodja fiżika tal-wild minuri, u jekk dan l-arranġament ikun fl-interess tal-wild minuri u jaqdi aħjar il-bżonnijiet tagħhom. Jekk tal-anqas wieħed mill-ġenituri jaqbel mal-kustodja konġunta, il-qorti jeħtiġilha teżamina jekk il-kustodja konġunta tkunx fl-interess tal-wild minuri.

Ara t-tweġibiet preċedenti, b’mod partikolari t-tweġiba għad-domanda 8.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jgħix il-wild minuri hija l-qorti kompetenti li quddiemha jistgħu jsiru r-rikorsi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Ma hemm l-ebda formalità li jrid ikun hemm konformità magħha u ma hemmx għalfejn jiġi mehmuż xi dokument, għaliex din hija proċedura li l-qorti tista’ tibda fuq inizjattiva proprja. Liema dokumenti jridu jiġu ppreżentati jiddependi mill-kontenut tar-rikors; normalment ikun meħtieġ iċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild minuri.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Tapplika proċedura aktar sempliċi u inqas formali. Hemm il-possibbiltà ta’ ordni provviżorju, li jieħu l-forma ta’ proċedura b’urġenza.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedimenti kollha għall-arranġamenti tad-drittjiet u l-obbligi tal-ġenituri jsiru mingħajr ħlas tat-tariffi tal-qorti. Is-sistema tal-għajnuna legali fis-Slovakkja attwalment hija limitata għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti u l-għoti ta’ rappreżentant mingħajr ħlas. Ftit huma dawk li jagħżlu li jiġu rappreżentati minn avukat, minħabba n-natura mhux kontenzjuża tal-proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Madankollu, jekk persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi għall-eżenzjoni personali mit-tariffi tal-qorti, il-qorti tista’, fis-diskrezzjoni tagħha, tipprovdilha rappreżentant mingħajr ħlas, inkluż avukat, jekk hija tqis illi r-rappreżentazzjoni hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tagħha.

Il-qorti tirreferi lill-partijiet li jitolbu avukat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti liċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali. Il-qorti tagħti parir lill-partijiet dwar din il-possibbiltà. Il-qorti tista’ tagħti eżenzjoni sħiħa jew parzjali mit-tariffi tal-qorti jekk din tkun ġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-ġenituri u dment li r-rikors ma jkunx jikkostitwixxi eżerċizzju jew difiża vessatorja jew manifestament fiergħa ta’ dritt. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-eżenzjoni tapplika għall-proċedimenti kollha u għandha effett retroattiv. Madankollu, it-tariffi mħallsa qabel l-għoti ta’ deċiżjoni dwar l-eżenzjoni ma jiġux rifużi.

Is-sistema tal-għajnuna legali u dak li tkopri l-għajnuna huma stabbiliti fl-Att Nru 327/2005 dwar il-provvista ta’ għajnuna legali lil persuni bi bżonn materjali, li jwaqqaf ukoll Ċentru għall-Għajnuna Legali sabiex jagħti l-għajnuna lil persuni fiżiċi li ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji sabiex iħallsu għas-servizzi legali bl-għan li jeżerċitaw u jħarsu drittijiethom.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, jista’ jsir appell minn deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’kawżi rigward minuri, il-qorti tad-distrett fejn jgħix il-minuri għandha l-ġuriżdizzjoni ratione loci, kif determinat bi ftehim bejn il-ġenituri jew b’mezzi legali oħra. Il-proċedura applikata fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni hija regolata mill-Att Nru 161/2015, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża. Id-dettalji tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’kawżi marbuta ma’ minuri huma stipulati fid-Digriet Nru 207/2016 tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, li japplika wkoll għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet barranin.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor huma rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr xi proċedura speċjali fir-Repubblika tas-Slovakkja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (l-Artikolu 21(1)), jiġifieri mingħajr il-bżonn li d-deċiżjoni tiġi ddikjarata eżegwibbli.

Madankollu, parti interessata tista’ titlob illi deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi dikjarata eżegwibbli, u mbagħad tapplika l-proċedura fil-Kapitolu III, Taqsima 2 tar-Regolament.

Ir-rikorsi jiġu ppreżentati quddiem il-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha jgħix il-wild minuri, jekk il-wild minuri ma jkunx residenti hemmhekk, quddiem il-qorti li fid-distrett tagħha jkun qed jgħix attwalment il-wild minuri, u jekk ma jkunx hemm qorti bħal din, il-qorti kompetenti tkun il-Qorti Distrettwali I ta’ Bratislava.

Ir-rikors għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni jew għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni jrid jiġi akkumpanjat minn kopja tad-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jissodisfaw ir-rekwiżiti rigward il-prova tal-awtentiċità u minn dokument li jiċċertifika d-deċiżjoni, li ġie maħruġ fuq talba tal-parti interessata mill-qorti rilevanti tal-oriġini, jiġifieri il-qorti li tat id-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-ġuriżdizzjoni għar-rikorsi għar-rikonoxximent (kif ukoll għar-rikorsi għaċ-ċaħda tar-rikonoxximent) ta’ deċiżjoni relatata mad-drittijiet u mal-obbligi tal-ġenituri hija tal-Qorti Distrettwali fil-post fejn jirresjedi l-wild minuri, jew tal-Qorti Distrettwali I ta’ Bratislava (Okresný súd Bratislava I) jekk il-wild minuri ma jirresjedix fir-Repubblika Slovakka.

Il-ġuriżdizzjoni għar-rikorsi għall-eżekuzzjoni (kif ukoll għar-rikorsi għaċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni) ta’ deċiżjoni relatata mad-drittijiet u mal-obbligi tal-ġenituri hija tal-Qorti Distrettwali fil-post fejn jirresjedi l-wild minuri, jew tal-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jkun qed jirresjedi l-minuri jekk il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione loci ma tkunx magħrufa jew ma tkunx tista’ tintervjeni fil-ħin.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Deċiżjonijiet fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri jittieħdu minn qorti Slovakka biss jekk il-wild minuri jkun residenti abitwali fir-Repubblika Slovakka. Jekk il-wild minuri ma jkunx qed jgħix fir-Repubblika Slovakka iżda jkollu r-residenza abitwali tiegħu hawnhekk, jew jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu fir-Repubblika Slovakka jew ikunu ċittadini ta’ pajjiżi differenti, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Slovakka jiġu applikati skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (Ref. Nru. 344/2002) (il-Kapitolu III tal-Konvenzjoni).

L-Att Nru 97/1963 dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jgħid illi r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-wild minuri, inkluż l-istabbiliment jew it-tmiem tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huma regolati mil-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-wild minuri. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ tqis il-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu l-kawża jkollha rabta sinifikanti u jekk din tkun neċessarja sabiex jitħares il-wild minuri jew il-propjetà tiegħu. Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri li joriġinaw fil-pajjiż tar-residenza abitwali oriġinali tal-wild minuri jibqgħu validi anke jekk tinbidel ir-residenza abitwali tal-wild minuri. Jekk xi wieħed mill-ġenituri ma jkollux id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri li jkollu ġenitur skont il-liġi tas-Slovakkja, huwa jikseb dawk id-drittijiet u l-obbligi malli r-Repubblika Slovakka ssir il-post tar-residenza abitwali tal-wild minuri. L-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huwa regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn huwa abitwalment residenti l-wild minuri.

Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali japplika biss fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali jew jekk ftehim internazzjonali eżistenti ma jkunx fih kriterji dwar il-kunflitt tal-liġijiet sabiex issir l-għażla tal-liġi applikabbli.

Minbarra l-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996, ir-Repubblika Slovakka hija marbuta b’numru ta’ ftehimiet bilaterali li għandhom dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli, u dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Il-ftehimiet konċernati huma:

il-Bulgarija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Sofia, 25 ta’ Novembru 1976, Digriet Nru 3/1978)

il-Kroazja, is-Slovenja: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja dwar ir-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Belgrad, 20 ta’ Jannar 1964, Digriet Nru 207/1964)

l-Ungerija: Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Ungerija dwar l-Assistenza Legali u r-Regolament tar-Relazzjonijiet Legali fi Kwistjonijiet Ċivili, tal-Familja u Kriminali (Bratislava, 28 ta’ Marzu 1989, Ref. Nru 63/1990)

il-Polonja: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Varsavja, 21 ta’ Diċembru 1987, Digriet Nru 42/1989)

ir-Rumanija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tar-Rumanija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Praga, 25 ta’ Novembru 1958, Digriet Nru 31/1959)

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 06/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.