

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-liġi Spanjola, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tissejjaħ “patria potestad” (awtorità tal-ġenituri). Hija tinkludi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni fiżiċi, normalment il-ġenituri, jew persuni ġuridiċi li jkunu fdati bil-protezzjoni tal-persuna u l-proprjetà tal-minuri bil-liġi jew b’deċiżjoni tal-qorti.
L-awtorità tal-ġenituri trid dejjem tiġi eżerċitata għall-benefiċċju tat-tfal, skont il-personalità tagħhom u b’rispett għall-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom. Hija tinkludi d-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:
Huma l-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri.
F’każ li l-ġenituri jisseparaw, jiddivorzjaw, iħassru jew ma jkunux jgħixu flimkien, id-drittijiet u d-dmirijiet dwar il-minuri, il-persuna u l-beni tagħhom huma taż-żewġ ġenituri, ħlief għal xi ċirkostanzi eċċezzjonali.
Jekk il-ġenituri jgħixu separati, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenitur li t-tifel jgħix miegħu. Madankollu, il-Qorti tista’, wara talba motivata mill-ġenitur l-ieħor, fl-interess tat-tifel, tattribbwixxi lil dak il-ġenitur l-awtorità tal-ġenituri li jeżerċita konġuntament mal-ġenitur l-ieħor jew tqassam bejn il-missier u l-omm, il-funzjonijiet inerenti fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.
Fil-liġi Spanjola, jistgħu jiġu nominati qraba, persuni jew istituzzjonijiet oħrajn, dejjem taħt sorveljanza ġudizzjarja, biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri, f’każ li l-ġenituri jonqsu milli jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ protezzjoni stipulati mil-liġi dwar it-trobbija tal-minuri jew ma jaqduhomx b’mod sodisfaċenti.
Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tiġi ddeterminata:
Ir-responsabbiltà tal-ġenituri bħala istituzzjoni protettriċi tal-minuri hija r-responsabbiltà taż-żewġ ġenituri.
L-arranġamenti għall-kura u l-kustodja tal-minuri jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
F’każijiet fejn tkun l-Amministrazzjoni li tkun responsabbli għat-tutela tal-minuri, dik is-sitwazzjoni tibqa’, u l-kustodja ma tingħata lil ebda ġenitur.
Is-sistema speċifika tal-kustodja hija deċiża każ b’każ, skont l-interessi tal-minorenni.
Il-ġenituri li jiftiehmu dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri jridu jippreżentaw Ftehim Regolatur iffirmat bil-punti kollha ta’ qbil, li jkun fih espressament, flimkien ma’ miżuri oħrajn:
Il-Ftehim ta’ Regolamentazzjoni huwa ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni lill-Qorti tal-Ewwel Istanza xierqa. Dan irid jiġi rratifikat mill-ġenituri fil-qorti. Il-minuri jinstemgħu meta dan jitqies neċessarju fuq bażi ex officio jew fuq talba tal-prosekutur, il-partijiet, membri tat-tim tekniku tal-qorti jew tal-minorenni. Wara li jitlob l-opinjoni tal-prosekutur pubbliku, l-imħallef jivvaluta l-ftehimiet.
Il-ftehimiet ta’ bejn il-miżżewġin, adottati biex jirregolaw il-konsegwenzi ta’ annullament, separazzjoni jew divorzju jkunu approvati mill-imħallef, sakemm ma jkunux ta’ dannu għall-ulied. Jekk il-partijiet jipproponu arranġamenti ta’ żjarat u komunikazzjoni bejn in-neputijiet u nannithom, l-imħallef jista’ japprovahom wara li jisma’ lin-nanniet li jagħtu l-kunsens tagħhom.
Jekk il-ftehimiet jiġu rrifjutati, dan irid isir permezz ta’ deċiżjoni akkumpanjata mir-raġunijiet. F’dan il-każ, il-konjuġi jridu jippreżentaw proposta ġdida għall-approvazzjoni tal-imħallef, jekk applikabbli.
L-aqwa mezz alternattiv għal deċiżjoni ġudizzjarja, biex il-partijiet jaslu għal ftehim, hija l-Medjazzjoni Familjari.
Biex ikollhom setgħa eżekuttiva, il-Ftehimiet adottati dejjem iridu jkunu approvati minn deċiżjoni ġudizzjarja.
Fid-deċiżjoni ġudizzjarja l-Imħallef irid dejjem jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin fl-interess tal-ulied minuri, u jara li jevita milli jifred l-aħwa, u wara li jismagħhom jekk ikollhom il-kapaċitajiet fakultattivi:
L-awtorità tal-ġenituri, bħala regola ġenerali, tappartjenti għaż-żewġ ġenituri. Għalhekk, is-setgħa li jiddeċiedu u jsolvu kull kwistjoni li tolqot lil minuri hija taż-żewġ ġenituri, anki jekk wieħed minnhom biss ikollu l-kustodja.
F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri dwar x’deċiżjonijiet jistgħu jew jinħtieġ li jieħdu għall-wild minuri, pereżempju dwar l-iskola jew l-edukazzjoni, xi skola ħa jibagħtuh jew x’attivitajiet ekstrakurrikulari se jagħmel, dwar il-kura tas-saħħa u l-għażla ta’ tabib, dwar kwistjonijiet personali, bħall-għażla tal-isem jew x’reliġjon se jħaddan, jew dwar l-għażla tal-lokalità jew pajjiż fejn se jgħix il-minuri, eċċ. u meta jidher li ma jkunx possibbli li l-ġenituri jaslu għal ftehim bejniethom, kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jista’ jirrikorri l-Qorti biex taqta’ l-kwistjoni hi.
L-imħallef, wara li jisma’ liż-żewġ ġenituri u lill-wild (jekk ikollu biżżejjed kapaċitajiet fakultattivi), jagħti s-setgħa tad-deċiżjoni lill-missier jew lill-omm. Jekk jerġa’ jkun hemm nuqqasijiet ta’ qbil jew tinqala’ xi raġuni oħra li timpedixxi serjament l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, l-imħallef jista’ jassenja s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet kompletament jew parzjalment lil wieħed mill-ġenituri, jew jista’ jqassam dawk il-funzjonijiet bejniethom. Dawn il-miżuri kollha jistgħu jiġu adottati għal perjodu massimu ta’ sentejn.
F’każijiet fejn il-kustodja ta’ minorenni tingħata b’mod konġunt liż-żewġ ġenituri, fil-prattika l-kura ta’ kuljum tal-minorenni u l-attenzjoni diretta lilu talterna għal perjodi predeterminati. L-arranġament tal-kustodja konġunta jista’ jvarja; il-prattika normali hija l-alternar tal-ġimgħat jew li jinqasmu l-ġranet tal-ġimgħa, bil-ġenituri jalternaw il-weekends.
Il-perjodi kollha tal-btajjel jinqasmu bejn iż-żewġ ġenituri.
Fil-proċedimenti matrimonjali tas-separazzjoni jew tad-divorzju bonarji, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-aħħar domiċilju komuni taż-żwieġ, jew dak ta’ xi wieħed mir-rikorrenti.
Fil-proċessi matrimonjali kontenzjużi, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-post tad-domiċilju matrimonjali, u f’każ li l-miżżewġin ikunu jirrisjedu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn l-aħħar domiċilju taż-żwieġ u r-residenza tal-intimat.
Dawk li ma għandhomx indirizz jew residenza fissi jistgħu jiġu mħarrka fil-post fejn ikunu attwalment ibbażati jew dak tal-aħħar residenza tagħhom, skont l-għażla tar-rikorrent; jekk il-ġuriżdizzjoni tkun għadha ma tistax tiġi ddeterminata, din tingħata lill-qorti tal-post tal-indirizz tar-rikorrent.
Fi proċedimenti li jikkonċernaw biss il-kura, il-kustodja u l-manteniment ta’ tfal minuri, li fihom il-ġenituri ma jkunux miżżewġin ma xulxin, il-Qorti tal-Ewwel Istanza li għandha l-ġuriżdizzjoni hi dik fil-post tal-aħħar residenza kondiviża tal-ġenituri. Jekk ikunu jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti fiż-żona ta’ residenza tal-konvenut jew dik fiż-żona ta’ residenza tal-minuri.
Ċertifikazzjoni tar-reġistrazzjoni taż-żwieġ fir-Reġistru Ċivili u, kif xieraq, iċ-ċertifikati tat-twelid ta’ kwalunkwe wild għandhom ikunu mehmuża mal-applikazzjoni, flimkien mad-dokument jew dokumenti li fuqhom il-konjugi jista’ jibbaża d-drittijiet tiegħu jew tagħha. Jekk jintalbu miżuri dwar id-diviżjoni tal-proprjetà, ir-rikorrent irid jipprovdi d-dokumenti fil-pussess tiegħu li jippermettu li jiġu vvalutati ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-konjuġi u, kif xieraq, dawk tat-tfal, bħal dikjarazzjonijiet tat-taxxa, payslips, dikjarazzjonijiet bankarji, atti tal-proprjetà jew ċertifikati ta’ reġistrazzjoni.
Il-proċedimenti applikabbli f’dawn il-każijiet huma dawn li ġejjin:
F’każijiet fejn ikun hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment dwar ftehim reċiproku previst fl-Artikolu 777 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, għas-separazzjoni, id-divorzju, u l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi dwar il-kura u l-kustodja u l-manteniment ta’ tfal minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ.
Meta ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment kontenzjuż, previst fl-Artikoli 770 u 774 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili applikabbli wkoll għall-proċessi familjari u tal-minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ bejn il-ġenituri.
F’każijiet urġenti tista’ tintalab l-adozzjoni ta’ miżuri għall-proċedimenti li ġejjin:
Miżuri proviżorji qabel il-preżentata tat-talba għal annullament, separazzjoni, divorzju jew fil-proċessi li jikkonċernaw il-kura u l-kustodja tat-tfal minuri u l-manteniment. Dan huwa rregolat mill-Artikoli 771 u 772 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.
Huwa previst espressament li jekk ikun hemm raġunijiet ta’ urġenza jistgħu jiġu adottati miżuri fl-ewwel deċiżjoni li tittieħed, b’effett immedjat.
Miżuri proviżorji li jkunu ġejjin mill-ammissjoni tat-talba għall-proċediment matrimonjali jew tal-minuri, bħal fil-każijiet preċedenti. Dan huwa previst fl-Artikolu 773 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.
Jistgħu jinkisbu benefiċċji tal-għajnuna legali totali jew parzjali, sakemm ikun hemm provi li r-rekwiżiti għad-dritt għall-għajnuna legali jkunu ssodisfati, b’konfomità mal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali b’Xejn. (Ara “L-Għajnuna Legali - Spanja”).
Biex tkun taf x’deċiżjonijiet jistgħu jiġu appellati trid issir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet kollha possibbli, f’dan il-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, pereżempju:
Il-liġi ma tipprevedi l-ebda appell kontra deċiżjonijiet dwar Miżuri Proviżorji Kawtelatorji, jew Miżuri Proviżorji, jew deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.
F’każijiet fejn deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma jiġux volontarjament osservati, tista’ tiġi ppreżentata talba eżekuttiva quddiem l-istess Qorti tal-Ewwel Istanza li tkun ħadet id-deċiżjonijiet, fejn tintalab l-eżekuzzjoni bil-forza tal-miżura jew miżuri li ma ġewx osservati.
Iridu jiġu identifikati s-sentenza jew id-deċiżjoni li qed tiġi pretiża l-osservanza tagħha u l-persuna li l-eżekuzzjoni qed tiġi pretiża kontriha.
Deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru dwar l-eżerċizzju tar-responsabilità tal-ġenituri fi proċedimenti matrimonjali li jikkonċernaw wild komuni, li kienu eżekuttivi f’dak l-Istat Membru u li kienu nnotifikati, ikunu rikonoxxuti fi Spanja fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata mingħajr il-bżonn ta’ proċediment, b’konformità għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Dan ir-Regolament japplika għal deċiżjonijiet mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal ftehimiet li saru inforzabbli fl-Istat Membru fejn ikunu ġew konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2022. Minn hawn ’il quddiem se japplika r-Regolament 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019.
Sabiex jintalab l-infurzar, talba għall-infurzar trid tiġi ppreżentata lill-qorti tal-post fejn ikun jinsab il-minuri u fejn ikun intalab l-infurzar. Kopja tad-deċiżjoni li l-infurzar tagħha jkun qed jiġi mfittex trid tiġi mehmuża mat-talba u trid tissodisfa r-rekwiżiti kollha biex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tagħha, f’konformità mal-forma standardizzata stabbilita fl-Anness V. Avukat u rappreżentant legali huma neċessarji.
Fi Spanja, biex topponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri adottata minn Stat Membru ieħor, il-parti interessata trid tirrikorri għall-Qorti tal-Ewwel Istanza fejn ikun pretiż ir-rikonoxximent u tallega li teżisti waħda mir-raġunijiet kontra r-rikonoxximent previsti fir-Regolament 2201/2003 u, eventwalment, dawk rikonoxxuti mir-Regolament 2019/1111.
Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu allegati fil-preżent huma:
Il-liġi applikabbli hija dik tar-residenza abitwali tal-minorenni, skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.