Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

“Ir-responsabbiltà tal-ġenituri” tkopri, fost affarijiet oħra, id-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-kura tal-persuna u tal-proprjetà tal-wild minuri u tinkludi kwistjonijiet relatati mal-kustodja tal-wild minuri, fejn jgħix il-wild minuri, il-kuntatt mal-wild minuri u t-tutela.

Il-kustodja tirreferi għar-responsabbiltà legali għall-persuna tal-wild minuri. Il-persuna li jkollha l-kustodja għandha dritt u obbligu li tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet personali fir-rigward tal-wild minuri, bħal fejn għandu jgħix il-wild minuri u liema skola għandu jmur. Il-persuna li jkollha l-kustodja hija responsabbli biex tiżgura li l-ħtiġijiet tal-wild minuri għal kura, sigurtà u trobbija tajba jiġu ssodisfati. Il-persuna li jkollha l-kustodja hija responsabbli wkoll biex tiżgura li l-wild minuri jirċievi s-superviżjoni meħtieġa skont l-età u l-iżvilupp tiegħu u skont ċirkustanzi oħrajn u trid tikkontrolla jekk il-wild minuri huwiex jirċievi appoġġ u edukazzjoni sodisfaċenti. Aktar ma jikber u jiżviluppa l-wild minuri, aktar il-persuna li jkollha l-kustodja trid tqis l-opinjonijiet u x-xewqat tal-wild minuri stess.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Normalment, huma l-ġenituri tal-wild minuri jew wieħed minnhom li jkun il-gwardjan legali tal-wild minuri. Jekk il-ġenituri tal-wild minuri jkunu miżżewġin lil xulxin fil-mument tat-twelid, huma jkollhom awtomatikament kustodja konġunta. Jekk il-ġenituri jiżżewġu biss aktar tard, awtomatikament jingħataw kustodja konġunta permezz taż-żwieġ. Jekk il-ġenituri tal-minuri ma jkunux miżżewġin lil xulxin meta jitwieled il-wild minuri, l-omm tingħata l-kustodja tal-wild minuri. Madankollu, il-ġenituri jistgħu faċilment jingħataw kustodja konġunta permezz ta’ reġistrazzjoni. Il-ġenitur li ma jkollux kustodja jista’ wkoll jitlob lill-qorti biex jingħata kustodja konġunta jew kustodja unika tal-wild minuri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

F’ċerti każijiet il-kustodja tal-wild minuri tista’ tiġi trasferita mill-ġenituri tal-wild minuri, jew minn wieħed minnhom, lil tutur maħtur apposta. Trasferiment ta’ din in-natura jista’ jsir rilevanti jekk ġenitur jinstab ħati ta’ abbuż jew abbandun jew b’mod ieħor jonqos fil-kura tiegħu tal-wild minuri b’mod li jpoġġi f’riskju permanenti s-saħħa jew l-iżvilupp tal-wild minuri. Trasferiment jista’ jkun xieraq ukoll jekk wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jitwaqqfu b’mod permanenti milli jeżerċitaw il-kustodja tal-wild minuri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw, il-kustodja konġunta tkompli mingħajr ma l-qorti tkun teħtieġ tieħu ebda deċiżjoni dwar dan b’rabta mad-divorzju. Jekk wieħed mill-ġenituri jkun irid bidla fil-kustodja, dawn iridu jagħmlu rikors biex il-kustodja konġunta tiġi xolta.

Jekk wieħed mill-ġenituri jkun irid bidla fil-kustodja, il-kwistjoni tal-kustodja tista’ tiġi solvuta fil-qorti. Il-ġenituri tal-wild minuri jridu jkunu pparteċipaw f’intervista ta’ informazzjoni mal-Bord tal-Protezzjoni Soċjali qabel ma jressqu kwalunkwe kawża quddiem il-qorti għall-kustodja, ir-residenza u d-drittijiet ta’ aċċess (ara wkoll it-Taqsima 6 hawn taħt).

Jekk il-ġenituri jaqblu dwar bidla, dawn jistgħu jsolvu l-kwistjoni bi ftehim, mingħajr ma jinvolvu l-qorti. Dan il-ftehim irid jiġi approvat mill-Bord tal-Protezzjoni Soċjali biex ikun validu. L-istess japplika għal kwistjonijiet li jikkonċernaw ma’ liema mill-ġenituri għandhom jgħixu l-minuri u kif għandu jiġi organizzat il-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim irid ikun bil-miktub u jrid jiġi ffirmat miż-żewġ ġenituri. Barra minn hekk, irid jiġi approvat mill-Bord tal-Protezzjoni Soċjali tal-muniċipalità fejn ikun irreġistrat il-wild minuri.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-muniċipalità għandha obbligu, permezz tal-Bord tal-Protezzjoni Soċjali, li toffri medjazzjoni professjonali lill-ġenituri bil-għan li jintlaħaq ftehim fi kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt. Il-medjazzjoni hija volontarja. Għaldaqstant, teħtieġ li ż-żewġ ġenituri jitolbuha flimkien. Jekk il-ġenituri jistgħu jaqblu fuq kwistjonijiet rigward il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, dawn jistgħu jiffirmaw ftehim li, ladarba jiġi approvat mill-Bord tal-Protezzjoni Soċjali, ikollu l-istess effett bħal sentenza tal-qorti.

Bħala regola ġenerali, mill-1 ta’ Marzu 2022, il-ġenituri tal-wild minuri jridu l-ewwel ikunu pparteċipaw f’laqgħat ta’ informazzjoni mal-muniċipalità qabel ma jkun possibbli li jressqu proċedimenti quddiem qorti. Dan ifisser li l-ġenituri jridu l-ewwel jirrikorru għand il-muniċipalità biex jippruvaw isolvu t-tilwima bl-għajnuna tal-Bord tal-Protezzjoni Soċjali muniċipali (normalment dan ikun dipartiment magħruf bħala d-dipartiment tal-liġi tal-familja). Huwa l-Bord tal-Protezzjoni Soċjali tal-muniċipalità li fiha jkun irreġistrat il-wild minuri li jkun responsabbli biex jiżgura li dawn il-laqgħat ikunu jistgħu jsiru. Fil-laqgħat ta’ informazzjoni, il-ġenituri jingħataw informazzjoni rilevanti mmirata biex isibu l-aħjar soluzzjoni għall-wild minuri f’materji ta’ kustodja, residenza u aċċess. Il-ġenituri, bħala punt tat-tluq, jiġu offruti l-medjazzjoni u, skont kif ikun meħtieġ, jiġu offruti jew iggwidati lejn appoġġ u assistenza f’forom oħra. Wara l-laqgħa, jinħareġ rapport li jintuża jekk il-ġenituri jkunu għadhom ma qablux u jagħżlu li jressqu l-kwistjoni quddiem qorti. Jekk, wara l-laqgħa ta’ informazzjoni, il-ġenituri jmorru l-qorti, il-qorti tista’ tirreferihom lill-Bord tal-Protezzjoni Soċjali għall-medjazzjoni, jekk dik il-medjazzjoni ma tkunx saret qabel u l-qorti tqis li jkun hemm lok biex jintlaħqu soluzzjonijiet bonarji. Jekk il-ġenituri jkunu għamlu medjazzjoni iżda ma jkunx intlaħaq ftehim, il-qorti tista’ minflok taħtar lil xi ħadd li jagħmilha ta’ medjatur bejn il-ġenituri. Il-qorti għandha obbligu ġenerali li taħdem biex jinstabu soluzzjonijiet bonarji f’każijiet ta’ kustodja, residenza u kuntatt.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-kustodja (unika jew konġunta), ir-residenza tal-wild minuri (ma’ liema ġenitur għandu jgħix il-wild minuri jew jekk il-wild minuri għandux jgħix b’mod alternat maż-żewġ ġenituri), u d-drittijiet ta’ aċċess (id-dritt tal-wild minuri li jkollu aċċess għall-ġenitur li ma jkunx jgħix miegħu).

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-ġenituri li jkollhom kustodja unika tal-wild minuri tagħhom għandhom id-dritt li jieħdu deċiżjonijiet waħedhom dwar kwistjonijiet personali relatati mal-wild minuri. Il-persuna li jkollha l-kustodja m’għandhiex għalfejn tikkonsulta mal-ġenitur l-ieħor jew ikollha l-approvazzjoni tiegħu f’dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, il-minuri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt mal-ġenitur l-ieħor, u l-persuna li jkollha l-kustodja għandha obbligu li ttihom dan id-dritt. Il-persuna li jkollha l-kustodja għandha wkoll obbligu li tagħti informazzjoni lill-ġenitur l-ieħor biex jiffaċilita l-kuntatt mal-wild minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Kustodja konġunta tfisser li l-ġenituri jridu jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet personali tal-wild minuri flimkien. Il-punt tat-tluq huwa li l-ġenituri jridu jaqblu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-wild minuri. Madankollu, jekk ma jkunx hemm qbil dwar kwistjonijiet relatati mal-kuntatt u mar-residenza tal-wild minuri, tista’ tittieħed deċiżjoni minn qorti (ara hawn fuq).

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

F’materji relatati mal-kustodja, mar-residenza jew mal-kuntatt, ġenitur jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qorti distrettwali (tingsrätt) fejn ikun domiċiljat il-wild minuri. Jekk ma jkun hemm l-ebda qorti distrettwali kompetenti, il-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt) għandha l-ġuriżdizzjoni. Kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt jistgħu jiġu indirizzati wkoll waqt proċeduri ta’ divorzju.

Rikorsi għal taħrika jridu jsiru bil-miktub u jridu jkunu ffirmati personalment mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Ir-rikors irid jinkludi informazzjoni dwar il-partijiet, talba speċifika (jiġifieri dwar liema kwistjoni qed tiġi mitluba biex tiddeċiedi l-qorti), l-isfond tat-talba, informazzjoni dwar il-provi mressqa u x’inhu mistenni li jiġi stabbilit b’kull prova, u l-informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom għandha ġuriżdizzjoni l-qorti. Il-provi bil-miktub imressqa għandhom jiġu ppreżentati flimkien mar-rikors.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt mhumiex diskrezzjonarji.

B’mod ġenerali, kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt irid jitqiesu minnufih. Il-qorti tista’ tieħu deċiżjoni interim dwar il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt. Deċiżjoni interim, pereżempju, tista’ tkun marbuta ma’ fejn għandu jgħix il-wild minuri waqt li tkun għaddejja t-tilwima u tapplika sakemm il-kwistjoni tkun ġiet deċiża b’deċiżjoni li tkun akkwistat forza legali.

Għalkemm m’hemm l-ebda proċedura formali speċjali li tħaffef il-konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt, f’kull każ individwali ssir valutazzjoni ta’ kemm hija urġenti il-kwistjoni.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F’każijiet li jikkonċernaw il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, ir-regola ġenerali hija li kull parti ġġarrab l-ispejjeż legali tagħha stess.

Tista’ tingħata għajnuna legali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jista’ jsir appell għal sentenza jew deċiżjoni tal-qorti distrettwali rigward il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt quddiem il-qorti tal-appell (hovrätt). Madankollu, sabiex il-qorti tal-appell tqis l-appell, l-ewwel irid jingħata l-permess biex tappella.

Jista’ jsir appell minn sentenza jew deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-Qorti Suprema (Högsta Domstolen). Sabiex il-Qorti Suprema tqis l-appell, jeħtieġ permess biex tappella.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Huwa possibbli li jiġu eżegwiti sentenzi, deċiżjonijiet jew ftehimiet dwar il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt. L-eżekuzzjoni tintalab fil-qorti distrettwali fil-post fejn ikun domiċiljat il-wild minuri. Jekk ma jkun hemm l-ebda qorti kompetenti, il-kwistjoni tal-eżegwibbiltà titqies fil-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma.

Il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi dwar diversi miżuri. Fl-ewwel lok, normalment il-qorti tfittex li l-wild minuri jingħadda b’mod volontarju. Jekk dan ma jkunx possibbli, fl-aħħar nett il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar multa kundizzjonali jew irkupru tal-wild minuri. L-impożizzjoni ta’ multa kundizzjonali tfisser li l-persuna li tkun qed tieħu ħsieb il-minuri tkun mhedda li jkollha tħallas somma konsiderevoli ta’ flus jekk ma tgħaddix lill-wild minuri. L-irkupru tal-wild minuri huwa miżura pjuttost mhux tas-soltu, li tiġi adottata biss jekk ma jkunx possibbli li s-sitwazzjoni tissolva b’xi mod ieħor u sabiex jiġi evitat li l-wild minuri jġarrab ħsara serja. Jinvolvi lill-pulizija li jirkupraw lill-wild minuri u jgħadduh lill-persuna li jkollha l-kustodja.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

F’ċerti każijiet japplika r-Regolament Brussell II. Fil-każ ta’ deċiżjonijiet li għalihom japplika r-Regolament, il-punt tat-tluq huwa li d-deċiżjoni tkun rikonoxxuta u, fejn xieraq, eżegwibbli mingħajr ebda proċedura speċjali.

F’każijiet oħrajn għal pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, japplikaw dawk il-konvenzjonijiet. Skont il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980, ir-rikorsi għal eżekuzzjoni jitressqu quddiem il-qorti distrettwali fil-post fejn ikun iddomiċiljat il-wild minuri. Skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996, ir-rikorsi għal eżegwibbiltà jitressqu quddiem il-qorti distrettwali.

Għal deċiżjonijiet li jkunu eżegwibbli jew li jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli fl-Iżvezja, jista’ jsir rikors għall-eżekuzzjoni (ara t-Taqsima 15).

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

F’ċerti każijiet japplika r-Regolament Brussell II. Għal deċiżjonijiet li għalihom japplika r-Regolament, il-punt tat-tluq huwa li d-deċiżjoni tkun rikonoxxuta u, fejn xieraq, eżegwibbli mingħajr ebda proċedura speċjali. Madankollu, hemm il-possibbiltà li rikors imressaq fl-Iżvezja għal deċiżjoni adottata f’pajjiż ieħor ma jiġix rikonoxxut jew eżegwit fl-Iżvezja. Hemm ukoll il-possibbiltà li jitressaq rikors għal dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda raġuni għar-rifjut tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni adottata f’pajjiż ieħor. Ir-rikors isir quddiem il-qorti distrettwali.

Deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar kwistjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni taħt ir-Regolament Brussell II tista’ tiġi appellata quddiem il-qorti tal-appell, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti Suprema.

Tista’ anke titqajjem oġġezzjoni li deċiżjoni ma tkunx applikabbli jew ma tkunx eżegwibbli f’każijiet fejn titqajjem il-kwistjoni.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fil-prinċipju, tapplika l-liġi tal-pajjiż li fih il-wild minuri jkun domiċiljat.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 03/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.