Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u l-obbligi kollha lejn wild u l-assi tiegħu / tagħha. Dan il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jvarja bejn l-Istati Membri, madankollu normalment ikopri d-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess. Jekk intom koppja internazzjonali b’tifel wieħed jew aktar u issa qed tisseparaw, ikollkom bżonn taqblu dwar l-arranġamenti tal-kustodja għalihom.

Fejn għandek tibda?

X’inhuma d-drittijiet ta’ aċċess? X’inhi l-kustodja?

Sakemm il-ġenituri jgħixu flimkien, huma normalment għandhom il-kustodja tat-tfal tagħhom b’mod konġunt. Madankollu, meta l-ġenituri jkunu ddivorzjati jew separati, jenħtieġ li jiddeċiedu kif din ir-responsabbiltà se tiġi eżerċitata fil-futur.

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li t-tfal għandhom jgħixu alternattivament maż-żewġ ġenituri, jew ma’ ġenitur wieħed biss. Fil-każ tal-aħħar, il-ġenitur l-ieħor normalment ikollu d-dritt għall-aċċess u jikkuntattja lill-wild minuri f’ċerti żminijiet stabbiliti.

Id-drittijiet tal-kustodja jkopru wkoll drittijiet u dmirijiet oħra marbutin mal-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, inkluż id-dritt li jieħdu ħsieb it-tfal u l-assi tagħhom. Normalment huma l-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-minuri, iżda hemm każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tingħata lil istituzzjoni li tiġi fdata bil-minuri.

Min jiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess?

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet bi ftehim reċiproku. Medjatur jew avukat jista’ jgħin jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim. Biex issib medjatur, tista’ żżur il-link f’qiegħ il-paġna.

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim jista’ jkollhom imorru l-qorti. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li ż-żewġ ġenituri għandu jkollhom il-kustodja jew tat-tfal (kustodja konġunta) jew li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja (kustodja unika). F’każ li ġenitur wieħed biss ikollu l-kustodja, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ aċċess għall-ġenitur l-ieħor.

Fil-każ ta’ koppja internazzjonali, ir-regoli tal-UE jiddeterminaw liema qorti għandha r-responsabbiltà li tittratta l-każ. Biex issib il-qorti responsabbli, tista’ żżur il-link f’qiegħ din il-paġna

L-għan ewlieni għal regoli komuni tal-UE huwa li jiġi evitat li ż-żewġ ġenituri jindirizzaw il-qorti f’pajjiżhom stess u li jinħarġu żewġ deċiżjonijiet dwar l-istess każ. Ir-regola hija li l-qorti responsabbli biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, kustodja u drittijiet għall-aċċess hija l-qorti fil-pajjiż fejn il-minuri jirresjedi abitwalment.

Id-deċiżjoni tal-qorti tiġi infurzata fil-pajjiż l-ieħor tal-UE?

Mekkaniżmu għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet jiżgura li d-deċiżjoni tal-qorti tiġi applikata f’pajjiżi oħra tal-UE ladarba tkun inħarġitilha ċertifikat mill-qorti kompetenti tal-UE. Dan jagħmilha aktar faċli għal dawk il-persuni jew istituzzjonijiet b’responsabbiltà tal-ġenituri biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Għal proċedimenti ta’ responsabbiltà tal-ġenituri mibdija fl-1 ta’ Awwissu 2022 jew wara, ma huma meħtieġa l-ebda proċeduri speċjali biex id-deċiżjoni li tirriżulta ssir infurzabbli fi Stati Membri oħra, u b’hekk tiġi appoġġata r-relazzjoni bejn il-minuri u ż-żewġ ġenituri. Dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà xorta tista’ tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet meħuda fi proċedimenti ta’ responsabbiltà tal-ġenituri mibdija qabel l-1 ta’ Awwissu 2022.

Liema regoli tal-UE japplikaw?

Ir-regoli li jsolvu kwistjonijiet transfruntiera bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom huma parti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 - Brussell IIb tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri. Ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 2201/2003 - ir-Regolament Brussell IIa, li, madankollu, ikompli japplika għall-proċedimenti istitwiti qabel ma jibda japplika r-Regolament (UE) 2019/1111 fl-1 ta’ Awwissu 2022. Dawn ir-regoli japplikaw bl-istess mod għat-tfal kollha, kemm jekk twieldu fiż-żwieġ kif ukoll jekk le. Ir-Regolament Brussell IIb huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Ir-Regolament japplika fil-pajjiżi kollha tal-UE ħlief għad-Danimarka.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Ħoloq relatati

L-aħħar aġġornament: 01/08/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.