Sib informazzjoni għal kull reġjun
Liema tip ta’ tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu?
X’jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin?
Introduzzjoni
It-tariffi fil-proċedimenti ċivili huma regolati mill-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qrati (Kawżi Ċivili) tat-28 ta’ Lulju 2005 (test konsolidat: Ġurnal tal-Liġijiet 2014, partita 1025). Bħala regola, trid titħallas tariffa għal kull dikjarazzjoni ta’ talba li tiġi ppreżentata, inkluż talbiet ippreżentati bħala parti mill-proċedimenti regolati mir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (l-EOP). Il-liġi Pollakka tipprovdi għall-possibiltà li ssir talba għal eżenzjoni minn dawn l-ispejjeż fl-Att li għadna kif semmejna (Titolu IV - Eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti).
Liema tip ta’ tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu?
It-tariffa applikabbli fil-każ tal-EOP hija tariffa proporzjonali.
Kemm għandi nħallas?
F’każijiet li jikkonċernaw drittijiet fuq propjetà u ammonti sa 5% tal-ammont tal-kawża titħallas tariffa proporzjonali (jiġifieri l-ammont speċifikat fid-dikjarazzjoni tat-talba); madankollu, ma tistax tkun inqas minn PLN 30 jew iktar minn PLN 100 000. F’każ ta’ talba biex tiġi miċħuda EOP, titħallas nofs it-tariffa.
X’jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin?
Skont l-Artikolu 1262(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tas-17 ta’ Novembru 1964 (Ġurnal tal-Liġijiet Nru 43, partita 269, kif emendat), il-qorti ma tieħux miżuri b’rispons għal dokumenti proċedurali li fuqu ma tħallsitx it-tariffa. Fi kliem ieħor, it-tariffa trid titħallas meta jiġi ppreżentat id-dokumenti proċedurali (dikjarazzjoni tat-talba) mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni jew meta jrid jiġi ppreżentat rikors għal eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti.
Il-konsegwenzi proċedurali għan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi għal dokumenti proċedurali huma speċifikati, fl-Artikoli 130 u
1302 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fost oħrajn.
Skont l-Artikolu 130 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk id-dokument proċedurali (inkluż id-dikjarazzjoni tat-talba) ma jistgħux jiġu proċessati minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa, l-imħallef presedenti jsejjaħ lill-partijiet biex iħallsu fi żmien ġimgħa, inkella fin-nuqqas jiġi mibgħut lura id-dokument. Jekk id-dokument proċedurali ġie ppreżentat minn persuna li tgħix barra l-pajjiż li ma għandha l-ebda rappreżentant fil-Polonja, l-imħallef presedenti għandu jispeċifika limitu taż-żmien għall-ħlas tat-tariffa, li ma jistax ikun iqsar minn xahar. Jekk it-tariffa ma titħallasx fil-ħin, il-dokument proċedurali jintbagħat lura lill-parti. Jekk it-tariffa titħallas fil-ħin, id-dokument proċedurali jipproduċi l-effetti legali mid-data tal-preżentata tiegħu.
Skont l-Artikolu 1302 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, dokument proċedurali ppreżentat minn avukat jew avukat tal-privattivi li ma tħallsitx it-tariffa tiegħu jiġi ritornat mingħajr sejħa għall-ħlas jekk it-tariffa hija fissa jew proporzjonali għall-ammont tat-tilwima kif speċifikat mill-parti. Madankollu, jekk it-tariffa għad-dokument proċedurali titħallas fi żmien ġimgħa min-notifika tad-deċiżjoni biex jiġi ritornat id-dokument, id-dokument ikollu effetti legali mid-data li fiha ġie ppreżentat.
Kif tħallas tariffa tal-qorti
L-arranġamenti għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti f’kawżi ċivili huma regolati mill- Ordinanza tal-Ministru għall-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2006 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti f’kawżi ċivili (Ġurnal tal-Liġijiet Nru 27, partita 199), li qiegħda timplimenta l-leġiżlazzjoni għall-imsemmi Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Kawżi Ċivili).
It-tariffi tal-qorti f’kawżi ċivili jistgħu jitħallsu f’forma mhux bi flus kontanti fil-kont kurrenti tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni (id-dettalji tal-kont jistgħu jinkisbu direttament mill-qorti jew minn fuq is-sit elettroniku tagħha jew dak tal-Ministeru tal-Ġustizzja), direttament fl-uffiċċju tal-kaxxier tal-qorti jew fil-forma ta’ bolol tat-tariffi tal-qorti li jistgħu jinxtraw mill-uffiċċju tal-kaxxier tal-qorti.
Il-passi li jmiss
Hekk kif jitħallsu t-tariffi u jiġu solvuti l-irregolaritajiet, il-qorti toħroġ ordni għal ħlas Ewropea.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.