Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

Daħla

Ir-regoli applikabbli fl-Iżvezja dwar it-tariffa tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea jikkonsistu f’dawn:

L-Att (2008:879) dwar ordni ta’ ħlas Ewropea (Lag (2008:879) om europeiskt betalningsföreläggande) 5 § Applikant għal ordni Ewropea jeħtieġlu jħallas tariffa tal-applikazzjoni. Il-Gvern jista’ joħroġ regolamenti fuq l-ammont tat-tariffa.

It-tariffa tal-applikazzjoni trid titħallas bil-quddiem.

Jekk l-applikant jonqos milli jikkonforma ma’ ordni sabiex iħallas it-tariffa tal-applikazzjoni, l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

Ir-Regolament (2008:892) dwar ordni ta’ ħlas Ewropea (Förordning (2008:892) om europeiskt betalningsföreläggande) 3 § Meta jħallas it-tariffa tal-applikazzjoni, l-applikant jeħtieġlu jindika n-numru tal-identità personali tal-intimat jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni.

Liema tariffi japplikaw?

Jekk qed titlob ordni ta’ ħlas Ewropea fl-Iżvezja, jeħtieġlek tħallas tariffa tal-applikazzjoni. It-tariffa tal-applikazzjoni trid titħallas bil-quddiem. Dan ifisser li t-tariffa tal-applikazzjoni trid tkun tħallset sabiex l-Awtorità tal-Eżekuzzjoni Żvediża (Kronofogdemyndigheten) tibda tipproċessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Meta tissottometti l-applikazzjoni, tirċievi ordni mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni Żvediża li jkun fiha informazzjoni dwar kif għandek tħallas it-tariffa tal-applikazzjoni.

Kemm jeħtieġli nħallas?

Bħalissa, jeħtieġlek tħallas tariffa ta’ SEK 300 għall-applikazzjoni.

X’jiġri jekk nonqos milli nħallas it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Jekk it-tariffa tal-applikazzjoni ma titħallasx fil-ħin, l-applikazzjoni tiġi miċħuda qabel ma jibda l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

Tħallasx it-tariffa tal-applikazzjoni minn qabel. Stenna sakemm tirċievi ittra mingħand l-Awtorità tal-Eżekuzzjoni Żvediża li tagħtik id-dettalji kollha dwar kif għandek tħallas.

Xi rrid nagħmel wara l-ħlas?

M’għandek bżonn tagħmel xejn wara li tkun ħallast it-tariffa tal-applikazzjoni fil-ħin. L-Awtorità tal-Eżekuzzjoni Żvediża tissorvelja r-riċevuta tal-pagament mill-awtorità. Imbagħad, ladarba l-ħlas ikun iddaħħal fil-kotba finanzjarji, l-Awtorità tal-Eżekuzzjoni Żvediża tibda tipproċessa l-applikazzjoni tiegħek għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

L-aħħar aġġornament: 14/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.