Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja
Introduzzjoni

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

Kemm għandi nħallas?

X'jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums) l-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja (tiesāšanās izdevumi) jinkludu:

1) tariffa tal-Istat (valsts nodeva)

2) tariffa tal-uffiċċju (kancelejas nodeva)

3) spejjeż relatati mal-eżami tal-kawża.

Għal kull rikors ippreżentat lill-qorti trid titħallas tariffa tal-Istat - talba oriġinali, kontrotalba, rikors imressaq minn parti terza b’talba separata fir-rigward tas-suġġett tal-kawża fi proċedimenti li jkunu diġà bdew, rikors f'forma speċjali ta' proċedura, jew rikors ieħor previst fl-Artikolu 34 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

Trid titħallas tariffa tal-uffiċċju:

  1. biex tinħareġ kopja ta’ dokument fil-kawża, kif ukoll biex tinħareġ mill-ġdid kopja tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tal-qorti, EUR 7.11
  2. biex jinħareġ ċertifikat, EUR 2.85
  3. biex tinħareġ kopja duplikata ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni, EUR 14.23
  4. biex jiċċertifika d-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-qorti, jekk is-sentenza tkun trid tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet barranin, EUR 4.27
  5. biex jitħarrku x-xhieda, EUR 4.27 għal kull persuna.
Spejjeż relatati mal-eżami tal-kawża:
  1. ammonti pagabbli lix-xhieda u lill-esperti
  2. spejjeż assoċjati mal-interrogazzjoni tax-xhieda jew it-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post
  3. spejjeż imġarrba biex jiġi rintraċċat il-konvenut
  4. spejjeż relatati mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti
  5. spejjeż relatati man-notifika, il-ħruġ u t-traduzzjoni ta’ avviżi tal-qorti u dokumenti ġudizzjarji oħrajn
  6. spejjeż għall-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti
  7. spejjeż assoċjati ma’ rahan jew garanzija

Tariffa tal-Istat ma tistax titħallas elettronikament.

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

Tariffa tal-Istat titħallas għal talba żgħira ppreżentata lill-qorti.

Titħallas tariffa tal-uffiċċju biex tinħareġ kopja ta’ dokument fil-kawża, kif ukoll biex tinħareġ mill-ġdid kopja tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tal-qorti; biex jinħareġ ċertifikat; biex tinħareġ kopja duplikata ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni; biex jiċċertifika d-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-qorti, jekk is-sentenza tkun trid tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet barranin; biex jitħarrku x-xhieda.

L-ispejjeż relatati mal-eżami tal-kawża huma pagabbli għall-ammonti pagabbli lix-xhieda u lill-esperti; spejjeż assoċjati mal-interrogazzjoni tax-xhieda jew it-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post; spejjeż imġarrba biex jiġi rintraċċat il-konvenut; spejjeż relatati mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti; spejjeż relatati man-notifika, il-ħruġ u t-traduzzjoni ta’ avviżi tal-qorti u dokumenti ġudizzjarji oħrajn; spejjeż għall-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti; spejjeż assoċjati ma’ rahan jew garanzija.

Kemm għandi nħallas?

Meta tippreżenta rikors, trid tħallas tariffa tal-Istat li tammonta għal 15% tat-total tat-talba, iżda mhux inqas minn EUR 71.41. Ma titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għal talbiet għall-manteniment tat-tfal jew tal-ġenituri.

Il-qorti tordna lill-parti telliefa biex tħallas lura l-ispejjeż kollha tal-qorti mħallsa mill-parti rebbieħa. Jekk talba tkun ġiet sodisfatta biss parzjalment, il-qorti tordna li l-ispejjeż tal-qorti jiġu rimborżati lill-attur fi proporzjon mal-parti tat-talbiet sodisfatti, u lill-konvenut fi proporzjon mal-parti tat-talbiet li jkunu ġew miċħuda. Ma hemm l-ebda rimborż tat-tariffa tal-Istat għal ilment anċillari (blakus sudzība) fir-rigward ta' deċiżjoni tal-qorti, jew għall-ftuħ mill-ġdid ta' proċeduri tal-qorti wara li tkun ingħatat sentenza b'kontumaċja.

Jekk attur jirtira talba, huwa jkollu jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti li jkun ġarrab il-konvenut. F'dak il-każ il-konvenut ma jkollux għalfejn jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mill-attur. Madankollu, jekk attur jirtira t-talbiet tiegħu minħabba li l-konvenut ikun volontarjament issodisfa dawk it-talbiet wara li t-talbiet ikunu ġew ippreżentati, il-qorti, wara talba mill-attur, tordna lill-konvenut jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mill-attur.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li ma tismax rikors, il-qorti, wara talba mill-konvenut, tordna lill-attur jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mill-konvenut.

Jekk attur ikun eżentat milli jħallas l-ispejjeż tal-qorti, il-konvenut jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti tal-attur lis-Servizz tad-Dħul tal-Istat fi proporzjon mal-parti tat-talba li tkun ġiet sodisfatta.

Trid titħallas tariffa tal-uffiċċju:

  1. biex tinħareġ kopja ta’ dokument fil-kawża, kif ukoll biex tinħareġ mill-ġdid kopja tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tal-qorti, EUR 7.11
  2. biex jinħareġ ċertifikat, EUR 2.85
  3. biex tinħareġ kopja duplikata ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni, EUR 14.23
  4. biex jiċċertifika d-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-qorti, jekk is-sentenza tkun trid tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet barranin, EUR 4.27
  5. biex jitħarrku x-xhieda, EUR 4.27 għal kull persuna.

X'jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Jekk rikors ma jkunx akkumpanjat mid-dokumenti li jikkonfermaw il-ħlas tat-tariffi tal-Istat u spejjeż oħra tal-qorti skont il-proċedura u fl-ammont stipulat bil-liġi, il-qorti, skont l-Artikolu 133 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, ma tipproċedix aktar bir-rikors, u tistabbilixxi limitu ta' żmien biex l-attur jelimina n-nuqqasijiet.

Jekk l-attur jelimina n-nuqqasijiet fil-limitu ta' żmien stabbilit, ir-rikors jitqies li ġie ppreżentat fil-ġurnata meta ġie ppreżentat għall-ewwel darba lill-qorti.

Jekk l-attur ma jeliminax in-nuqqasijiet fil-limitu ta' żmien stabbilit, ir-rikors jitqies li ma ġiex ppreżentat u jiġi rritornat lill-attur.

Jekk rikors jiġi rritornat lill-attur, dan ma jżommx lill-attur milli jerġa' jippreżentah lill-qorti, b'konformità mal-proċeduri ordinarji stabbiliti fil-Liġi.

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

It-tariffa tal-Istat u t-tariffa tal-uffiċċju jistgħu jitħallsu fil-kont tat-Teżor tal-Istat (Valsts kase). L-ispejjeż relatati mal-eżami tal-kawża jistgħu jitħallsu fil-kont tal-Uffiċċju tal-Qrati (Tiesu administrācija).

It-tariffa għall-attivitajiet tal-qorti (tariffa tal-Istat) (l-Artikolu 34 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili, bl-eċċezzjoni tal-Paragrafu sitta):

Benefiċjarju: Valsts kase

Numru tar-reġistrazzjoni 90000050138

Nru tal-Kont: LV55TREL1060190911200

Il-bank tal-benefiċjarju: Valsts kase

Kodiċi BIC TRELLV22

Għan tal-ħlas: dettalji li jidentifikaw il-persuna jew il-kawża: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi, l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-ħlas ta’ tariffa tal-Istat isir f’isem ħaddieħor, trid tingħata informazzjoni li tidentifika lil dik il-persuna: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi – isem u numru ta’ reġistrazzjoni.

It-tariffa għas-sottomissjoni għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' eżekuzzjoni jew dokument ieħor ta' eżekuzzjoni (tariffa tal-Istat) (l-Artikolu 34 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, Paragrafu sitta) għandha titħallas kif ġej:

Benefiċjarju: Valsts kase

Numru tar-reġistrazzjoni 90000050138

Nru tal-Kont: LV71TREL1060190911300

Il-bank tal-benefiċjarju: Valsts kase

Kodiċi BIC TRELLV22

Għan tal-ħlas: dettalji li jidentifikaw il-persuna jew il-kawża: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi, l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-ħlas ta’ tariffa tal-Istat isir f’isem ħaddieħor, trid tingħata informazzjoni li tidentifika lil dik il-persuna: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi – isem u numru ta’ reġistrazzjoni.

It-tariffa tal-uffiċċju (l-Artikolu 38 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili):

It-tariffa tal-uffiċċju f’istituzzjoni tal-qorti:

Benefiċjarju: Valsts kase

Numru tar-reġistrazzjoni 90000050138

Nru tal-Kont: LV39TREL1060190911100

Il-bank tal-benefiċjarju: Valsts kase

Kodiċi BIC TRELLV22

Għan tal-ħlas: dettalji li jidentifikaw il-persuna jew il-kawża: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi, l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-ħlas ta’ tariffa tal-uffiċċju jsir f’isem ħaddieħor, trid tingħata informazzjoni li tidentifika lil dik il-persuna: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi – isem u numru ta’ reġistrazzjoni.

Spejjeż relatati mal-eżami tal-kawża (l-Artikolu 39 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili);

Il-qrati tad-distrett (tal-belt) u l-qrati reġjonali:

Benefiċjarju: Tiesu administrācija

Numru tar-reġistrazzjoni 90001672316

Nru tal-Kont: LV51TREL2190458019000

Il-bank tal-benefiċjarju: Valsts kase

Kodiċi BIC TRELLV22

Għan tal-ħlas: “21499”, u indika d-data li tidentifika l-persuna jew il-kawża: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi, l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-ħlas tal-ispejjeż relatati mal-eżami tal-kawża jsir f’isem ħaddieħor, trid tingħata informazzjoni li tidentifika lil dik il-persuna: in-numru tal-kawża (jekk magħruf); għall-persuni fiżiċi, l-isem, il-kunjom, u n-numru tal-identità personali; għall-persuni ġuridiċi, l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni.

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Meta tippreżenta rikors lill-qorti, trid tehmeż id-dokumenti li jikkonfermaw il-ħlas tat-tariffi tal-Istat u ta’ spejjeż oħra tal-qorti skont il-proċedura u fl-ammont stipulat mil-liġi.

L-aħħar aġġornament: 23/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.