Sib informazzjoni għal kull reġjun
X’inhuma t-tariffi applikabbli?
X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?
Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?
X’għandi nagħmel wara l-pagament?
Introduzzjoni
It-tariffi tal-Qorti applikabbli fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huma elenkati fl-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti tas-Slovenja (Zakon o sodnih taksah, Uradni list RS (Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja) Nri 37/08, 97/10, 63/13, id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali 58/14, id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali 19/15, 30/16 u 10/17–ZPP-E (l-Att li Jemenda l-Att dwar il-Proċedura Ċivili Kontenzjuża); minn hawn ’il quddiem: iż-ZST-1), li huwa l-liġi ġenerali dwar it-tariffi tal-qorti.
Iż-ZST-1 (l-Artikolu 6) jipprovdi bażi ġuridika għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti permezz ta’ flus kontanti, flus elettroniċi u mezzi oħra validi ta’ ħlas, li japplikaw ukoll għall-ħlas tat-tariffi skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Fil-prattika, it-tariffi tal-qorti jistgħu jitħallsu elettronikament permezz tas-servizzi ta’ ħlas online ta’ banek individwali.
X’inhuma t-tariffi applikabbli?
Skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, it-tariffa tal-qorti titħallas darba u tkopri l-proċedimenti kollha. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-tariffa tal-qorti hija l-pretendent, u l-ħlas għandu jsir meta jiġi ppreżentat ir-rikors għall-ftuħ tal-proċeduri fil-qorti.
Kemm għandi nħallas?
L-ammont tat-tariffa tal-qorti taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar li l-pretendent għandu jħallas meta jiġi ppreżentat ir-rikors għall-ftuħ tal-proċeduri fil-qorti jiddependi fuq il-valur tal-pretensjoni:
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa inqas minn EUR 300, it-tariffa hija ta’ EUR 54,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 301 u EUR 600, it-tariffa hija ta’ EUR 78,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 601 u EUR 900, it-tariffa hija ta’ EUR 102,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 901 u EUR 1,200, it-tariffa hija ta’ EUR 126,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 1,201 u EUR 1,500, it-tariffa hija ta’ EUR 150,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 1,501 u EUR 2,000, it-tariffa hija ta’ EUR 165,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 2,001 u EUR 2,500, it-tariffa hija ta’ EUR 180,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 2,501 u EUR 3,000, it-tariffa hija ta’ EUR 195,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 3,001 u EUR 3,500, it-tariffa hija ta’ EUR 210,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 3,501 u EUR 4,000, it-tariffa hija ta’ EUR 225,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 4,001 u EUR 4,500, it-tariffa hija ta’ EUR 240,
- jekk il-valur tal-pretensjoni huwa bejn EUR 4,501 u EUR 5,000, it-tariffa hija ta’ EUR 255.
X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?
Jekk il-pretendent ma jħallasx it-tariffa tal-qorti fil-ħin, il-qorti xorta tibda l-proċedimenti, u t-tariffa tal-qorti tiġi sussegwentement infurzata fejn meħtieġ.
Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?
Iż-ZST-1 (l-Artikolu 6) jipprovdi bażi ġuridika għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti permezz ta’ flus kontanti, flus elettroniċi u mezzi oħra validi ta’ ħlas, li japplikaw ukoll għall-ħlas tat-tariffi skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Fil-prattika, it-tariffi tal-qorti jistgħu jitħallsu elettronikament permezz tas-servizzi tal-ħlas online ta’ banek individwali, jew jistgħu jitħallsu direttament permezz tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew għand il-kaxxiera tal-qorti (fi flus kontanti jew permezz ta’ terminal POS).
Kull bank għandu s-servizz ta’ ħlas online tiegħu biex isiru l-pagamenti elettroniċi.
Il-persuna responsabbli tista’ tħallas it-tariffa tal-qorti bil-quddiem, jiġifieri meta jiġi ppreżentat ir-rikors għall-ftuħ ta’ kawża fil-qorti, jew tista' tippreżenta r-rikors u tistenna lill-qorti tibgħat avviż ta’ ħlas li jkun fih l-ammont applikabbli u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex isir il-ħlas.
X’għandi nagħmel wara l-pagament?
Jekk mal-ħlas tat-tariffa tal-qorti jiġi indikat in-numru ta’ referenza korrett (li jiġi kkomunikat lill-persuna responsabbli mill-qorti fl-avviż ta’ ħlas), m’hemmx bżonn li l-persuna responsabbli tipprovdi evidenza ta’ ħlas lill-qorti. F’tali każijiet, il-qorti tiġi mgħarrfa dwar il-ħlas permezz ta’ sistema bankarja elettronika speċjali (UJPnet), fejn in-numru ta’ referenza korrett huwa deċiżiv biex jiġu rikonoxxuti pagamenti individwali.
Madankollu, jekk it-tariffa tal-qorti titħallas mingħajr ma jiġi indikat in-numru ta’ referenza korrett, il-persuna responsabbli għandha tippreżenta evidenza ta’ ħlas lill-qorti. M’hemm l-ebda kundizzjoni formali speċjali dwar il-validità ta’ tali evidenza. Abbażi ta’ tali evidenza, jekk ikun meħtieġ, il-qorti tivverifika l-ħlas tat-tariffa tal-qorti fuq il-pjattaforma tal-UJPnet (speċjalment meta t-tariffa tal-qorti ma titħallasx għand il-kaxxier tal-qorti).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.