Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Kulħadd għandu d-dritt li jippreżenta rikors mal-qorti għall-protezzjoni ta’ dritt li jkun ġie mhedded jew miksur. Huwa dejjem irrakkomandat li l-ewwel tipprova ssolvi t-tilwima b’mod amikevoli. Jistgħu jintużaw ukoll metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. F’ċerti oqsma tad-dritt ċivili, l-Istat jippermetti lill-partijiet fir-relazzjoni legali kkonċernata li jafdaw tilwima legali lil korp privat ieħor. Fir-Repubblika Ċeka, dan iseħħ permezz ta’ arbitraġġ, irregolat mill-Att Nru 216/1994 dwar il-proċedimenti tal-arbitraġġ u dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, kif emendat. Il-proċedimenti tal-arbitraġġ jirriżultaw f’deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li torbot liż-żewġ partijiet fit-tilwima u li għandha l-piż ta’ titolu eżekuttiv. Il-medjazzjoni f’materji mhux kriminali hija rregolata mill-Att Nru 202/2012 dwar il-medjazzjoni u li jemenda ċerti Atti (l-Att dwar il-Medjazzjoni). Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għal “Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim – Ir-Repubblika Ċeka”.

Anki wara li tkun ressaqt rikors quddiem il-qorti, huwa possibbli, skont in-natura tal-kawża, li tipproponi li l-qorti tfittex soluzzjoni bonarja (ara l-Artikoli 67-69 u l-Artikolu 99 tal-Att Nru 99/1963 – il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat). Soluzzjoni ġudizzjarja approvata għandha l-istess effett bħal sentenza finali. Hija wkoll titolu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (eżekuzzjoni). Soluzzjoni ġudizzjarja approvata tikkostitwixxi ostakolu għal kawża deċiża.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini jvarjaw skont kawżi individwali, li hija r-raġuni għala huwa preferibbli li jintalab parir legali mill-aktar fis possibbli. Azzjoni trid titressaq quddiem il-qorti kompetenti qabel jiskadi l-perjodu ta’ limitazzjoni (l-azzjoni trid tiġi nnotifikata quddiem il-qorti fil-perjodu ta’ limitazzjoni).

Fil-każ ta’ preskrizzjoni li tirriżulta mill-iskadenza tal-perjodu statutorju, l-obbligu ta’ debitur ma jitħassarx, iżda jiddgħajjef. Dan ifisser li ma jistax jinfeda jekk id-debitur jinvoka l-istatut tal-limitazzjonijiet. L-istatut tal-limitazzjonijiet huwa rregolat b’mod ġenerali fl-Artikoli 609 – 653 tal-Att Nru 89/2012 (il-Kodiċi Ċivili). Il-perjodu ta’ limitazzjoni ġenerali huwa ta’ tliet snin u jibda mill-jum meta d-dritt ikun jista’ jiġi eżerċitat għall-ewwel darba. It-tul ta’ perjodu ta’ limitazzjoni speċjali individwali jiddependi fuq in-natura tad-dritt eżerċitat.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara “Ġuriżdizzjoni – Ir-Repubblika Ċeka”.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tiġi stabbilita mir-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali, ratione materiae u funzjonali.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni ta’ qrati individwali tal-istess tip. Hija tiddetermina liema qorti speċifika tal-prim’istanza għandha tisma’ u tiddeċiedi dwar kawża speċifika. Ir-regoli bażiċi tal-ġuriżdizzjoni territorjali huma stabbiliti fl-Artikoli 84 sa 89a tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat). Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, f’ċerti każijiet, il-ġuriżdizzjoni territorjali tista’ tiġi rregolata mil-liġi tal-UE li tapplika direttament, li tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li mhux biss jirregola l-ġuriżdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll territorjali), li jfisser li r-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali skont il-liġi Ċeka mhux dejjem japplikaw.

Il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti ġenerali tal-parti li kontriha ssir il-pretensjoni (il-konvenut), sakemm ma jiġix previst mod ieħor fl-Att. Il-qorti ġenerali dejjem tkun qorti distrettwali. Meta qorti reġjonali jkollha ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza (ara l-mistoqsija 2.1), il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun tal-qorti reġjonali (distrettwali) tal-parti li l-qorti ġenerali tkun tinsab fid-distrett tagħha. Meta ssir pretensjoni kontra diversi konvenuti, il-qorti ġenerali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom għandha ġuriżdizzjoni territorjali.

  • Il-qorti ġenerali ta’ persuna fiżika hija l-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha jkollha r-residenza tagħha, u jekk il-parti ma jkollha ebda residenza, tkun il-qorti lil-persuna tkun qed toqgħod fid-distrett tagħha. Residenza tinftiehem bħala li tfisser il-post fejn jgħix individwu bl-intenzjoni li joqgħod hemmhekk b’mod permanenti (huwa possibbli li jkun hemm għadd ta’ postijiet bħal dawn, f’liema każ dawn il-qrati kollha jkunu l-qorti ġenerali).
  • Il-qorti ġenerali ta’ persuna fiżika involuta fin-negozju hija, għall-kawżi li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ negozju, il-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha hija jkollha l-post tan-negozju tagħha (il-post tan-negozju huwa l-indirizz imdaħħal fir-reġistru pubbliku); jekk hija ma jkollha ebda post tan-negozju, il-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha jkollha r-residenza tagħha u, jekk il-parti ma jkollha ebda residenza, il-qorti distrettwali li l-parti tkun qed toqgħod fid-distrett tagħha.
  • Il-kriterju sabiex tiġi ddeterminata l-qorti ġenerali ta’ entità ġuridika huwa l-uffiċċju rreġistrat tagħha – ara l-Artikoli 136–137 tal-Att Nru 89/2012 (il-Kodiċi Ċivili).
  • Il-qorti ġenerali ta’ fiduċjarju f’insolvenza matul il-qadi tal-mandat tiegħu hija l-qorti distrettwali li jkollu uffiċċju rreġistrat fid-distrett tagħha.
  • Japplikaw regoli speċjali għall-qorti ġenerali tal-Istat (il-qorti li fid-distrett tagħha l-unità organizzattiva tal-Istat b’ġuriżdizzjoni skont regolament legali speċjali jkollu l-uffiċċju rreġistrat tagħha u, jekk il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata b’dan il-mod, il-qorti li fid-distrett tagħha seħħew iċ-ċirkostanzi li wasslu sabiex jintalab id-dritt), muniċipalità (il-qorti li fid-distrett tagħha tinsab il-muniċipalità) u unità territorjali superjuri ta’ awtogovernanza (il-qorti li fid-distrett tagħha l-korpi amministrattivi tagħha jkollhom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom).

Jekk il-konvenut, bħala ċittadin tar-Repubblika Ċeka, ma jkollu ebda qorti ġenerali, jew ma jkollu ebda qorti ġenerali fir-Repubblika Ċeka, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti li fid-distrett tagħha huwa kellu l-aħħar residenza magħrufa tiegħu fir-Repubblika Ċeka. Id-drittijiet tal-proprjetà jistgħu jiġu eżerċitati kontra xi ħadd li ma għandu ebda qorti kompetenti oħra fir-Repubblika Ċeka, mill-qorti li fid-distrett tagħha jinsabu l-assi tiegħu.

Azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti) kontra persuna barranija tista’ titressaq ukoll quddiem qorti li fid-distrett tagħha fir-Repubblika Ċeka jinsabu l-impjant tagħha, jew unità organizzattiva tal-impjant tagħha.

Il-ġuriżdizzjoni ratione materiae tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni bejn tipi individwali ta’ qorti billi tiddetermina liema qorti se tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Fi proċeduri tal-qorti ċivili, il-ġuriżdizzjoni ratione materiae tal-qrati tgħid li l-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni fuq il-proċedimenti fil-prim’istanza, sakemm il-liġi ma tiddikjarax espressament li l-qrati reġjonali jew il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae.

Il-ġuriżdizzjoni funzjonali tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta’ tipi differenti involuti fis-smigħ tal-istess kawżi dwar suċċessjoni f’sitwazzjonijiet li jinvolvu t-tressiq ta’ appelli ordinarji u straordinarji (fi kliem ieħor, hija tiddefinixxi liema qorti se tiddeċiedi dwar appelli ordinarji u straordinarji).

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Kif ġie rrimarkat diġà hawn fuq (ara r-risposta għall-mistoqsija nru 4), il-ġuriżdizzjoni ratione materiae tal-qrati fi proċeduri tal-qorti ċivili tgħid li l-proċedimenti fil-prim’istanza huma essenzjalment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati distrettwali.

Saru eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju favur il-qrati reġjonali, li jisimgħu u jiddeċiedu dwar il-kawżi elenkati fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tal-Att Nru 99/196 (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat). Dan jikkonċerna primarjament deċiżjonijiet dwar materji li, minħabba n-natura tagħhom, jirrikjedu ċertu livell ta’ speċjalizzazzjoni u dwar materji li huma fattwalment u legalment aktar kumplessi. Il-qrati reġjonali jiddeċiedu bħala qrati tal-prim’istanza fil-każijiet li ġejjin:

  1. f’tilwimiet bejn min iħaddem u l-benefiċjarju dwar il-ftehim reċiproku ta’ pagamenti eċċessivi ta’ allowance tal-assigurazzjoni tal-pensjoni, assigurazzjoni tal-mard, appoġġ soċjali mill-Istat u assistenza għal ħtiġijiet materjali u f’tilwimiet dwar il-ftehim reċiproku tal-kumpens rigressiv imħallas bħala riżultat tad-dritt għall-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-mard,
  2. f’tilwimiet li jikkonċernaw l-illegalità ta’ strajk jew lock-out,
  3. f’tilwimiet li jikkonċernaw Stat barrani jew persuni li jgawdu minn immunitajiet diplomatiċi u privileġġi, jekk dawn it-tilwimiet jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qrati Ċeki,
  4. f’tilwimiet li jikkonċernaw l-annullament tad-deċiżjoni tal-arbitru dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv,
  5. f’kawżi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet legali konnessi mal-istabbiliment ta’ kumpaniji tan-negozju, ġeneralment kumpaniji benefiċjarji, dotazzjonijiet u fondi ta’ dotazzjoni u f’tilwimiet bejn korporazzjonijiet kummerċjali, is-sħab jew il-membri tagħhom, kif ukoll f’tilwimiet reċiproċi bejn is-sħab u l-membri, li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-korporazzjoni kummerċjali,
  6. f’tilwimiet bejn korporazzjonijiet kummerċjali, is-sħab jew il-membri tagħhom u l-membri tal-korpi statutorji tagħhom jew il-likwidaturi, fir-rigward tar-relazzjonijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tal-mandat tal-membri tal-korpi statutorji jew il-likwidazzjoni,
  7. f’tilwimiet li jirriżultaw mil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur,
  8. f’tilwimiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet miksura jew mhedda minn kompetizzjoni inġusta jew restrizzjonijiet illegali fuq il-kompetizzjoni,
  9. f’materji li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-isem u r-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika,
  10. f’tilwimiet li jikkonċernaw il-garanzija finanzjarja u tilwimiet li jirrigwardaw kambjali, ċedoli u strumenti ta’ investiment,
  11. f’tilwimiet li jirriżultaw minn komoditajiet innegozjati fil-borża,
  12. f’materji li jirrigwardaw l-Assemblej Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tas-Sidien u tilwimiet li jirriżultaw minnhom, bl-eċċezzjoni tat-tilwimiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-Assoċjazzjoni għall-immaniġġjar tad-djar u tal-artijiet, it-tilwimiet li jikkonċernaw il-ħlasijiet akkont għas-servizzi u l-metodu tad-distribuzzjoni tal-ispiża tas-servizzi,
  13. f’materji li jirrigwardaw it-trasformazzjoni ta’ kumpaniji u kooperattivi, (inklużi kwalunkwe proċedimenti ta’ kumpens), skont regolament legali speċjali,
  14. f’tilwimiet li jikkonċernaw ix-xiri ta’ impjant, il-lokazzjoni ta’ impjant jew parti minnu,
  15. f’tilwimiet li jikkonċernaw kuntratti għal xogħol ta’ bini, li huma kuntratti pubbliċi ’l fuq mil-limitu, inklużi l-provvisti meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti bħal dawn,
  16. f’materji ta’ responsabbiltà ġuridika fejn parti tonqos milli taġixxi bid-diliġenza dovuta,
  17. f’tilwim li jiġi mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-gruppi tan-negozju,
  18. f’tilwim li jikkonċerna s-salvagwardjar tat-talbiet tal-kredituri meta l-kapital tal-ishma tal-kumpanija jkun tnaqqas jew meta l-investiment bażiku mill-membri ta’ kooperattiva jitnaqqsu.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka għandha ġuriżdizzjoni fl-ewwel u l-unika istanza fi proċedimenti sabiex tirrikonoxxi sentenzi barranin dwar materji matrimonjali (dan ma japplikax għar-rikonoxximent ta’ sentenzi minn Stati Membri oħrajn tal-UE, jekk japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000) u f’materji li jiddeterminaw u jiċħdu l-filjazzjoni skont il-para. 1 tal-Artikoli 51 u 55 tal-Att Nru 91/2012 dwar id-dritt internazzjonali privat.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Ma hemm ebda obbligu ġenerali fil-proċedimenti tad-dritt ċivili Ċeki sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rrappreżentati minn avukat.

Il-kapaċità li persuna tħarrek u li tiġi mħarrka

Kulħadd jista’ jaġixxi b’mod indipendenti quddiem il-qorti bħala parti fi proċedimenti legali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kapaċità ġuridika tiegħu/tagħha (l-Artikolu 20(1) tal-Att Nru 99/1963 [il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat]). Persuna fiżika takkwista kapaċità sħiħa li tħarrek meta jkollha età maġġuri. L-età maġġuri tintlaħaq meta l-persuna tagħlaq tmintax-il sena. Qabel tintlaħaq din l-età, l-età maġġuri tista’ tintlaħaq permezz tal-għoti ta’ rikors għall-kapaċità ġuridika – ara l-Artikolu 37 tal-Att Nru 89/2012, (il-Kodiċi Ċivili) – jew billi l-persuna tiżżewweġ. F’każ li parti fil-proċedimenti ma jkollhiex kapaċità sħiħa li tħarrek, hija tista’ tkun irrappreżentata fil-proċedimenti. Jista’ jkun ukoll li persuna ta’ età maġġuri li jkollha kapaċità ġuridika ristretta ma jkollhiex il-kapaċità li tħarrek u li tiġi mħarrka.

Ir-rappreżentanza tinħoloq fuq il-bażi tal-liġi jew ta’ deċiżjoni minn aġenzija tal-gvern (rappreżentanza statutorja) jew fuq il-bażi ta’ prokura. Kull min jattendi proċedimenti bħala rappreżentant ta’ parti jrid jipprovdi evidenza ta’ tali rappreżentanza.

Persuna fiżika li ma tkunx tista’ taġixxi b’mod indipendenti quddiem il-qorti trid tkun irrappreżentata minn kustodju jew kuratur tagħha (l-Artikoli 22-23 u l-Artikolu 29an. tal-Att Nru 99/1963, [il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat]).

Il-partijiet fil-proċedimenti (b’kapaċità ġuridika) jistgħu jkunu rrappreżentati wkoll minn persuna tal-għażla tagħhom fuq il-bażi ta’ prokura (l-Artikoli 24-28a tal-Att Nru 99/1963 [il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat]).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Azzjoni (rikors għall-bidu tal-proċedimenti) tiġi ddepożitata mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni ratione materiae, territorjali u funzjonali. L-indirizzi tal-qrati Ċeki individwali jinsabu fuq il-paġna web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-partijiet kollha għandhom status ugwali fil-proċeduri tal-qorti ċivili u għandhom id-dritt għal seduta ta’ smigħ fil-qorti bil-lingwa materna tagħhom (ara l-Artikolu 18 tal-Att Nru 99/1963 [il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat]). Id-dritt għal smigħ fil-qorti fil-lingwa materna ta’ dak li jkun huwa limitat għall-proċeduri orali tal-qorti u ma japplikax għall-komunikazzjoni bil-miktub bejn il-qorti u l-partijiet (u viċi versa) – għalhekk talba trid tiġi ppreżentata biċ-Ċek.

Talba għall-ftuħ tal-proċedimenti tista’ ssir bil-miktub – ara l-Artikolu 42 tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat). Preżentata bil-miktub issir fuq karta jew f’forma elettronika permezz ta’ netwerk ta’ data pubblika jew b’faks. Preżentata bil-miktub li jkun fiha rikors fuq il-merti ppreżentata permezz ta’ faks jew f’forma elettronika għandha tiġi segwita, fi żmien mhux aktar minn tlett ijiem, mill-preżentazzjoni tat-test oriġinali jew preżentazzjoni bil-miktub tat-test identiku. Meta l-preżentata ssir f’forma elettronika b’firma elettronika ċċertifikata (skont l-Att Nru 227/2000 dwar il-firma elettronika, kif emendat) jew f’forma elettronika skont regolament legali speċjali (l-Att Nru 300/2008 dwar l-atti elettroniċi u l-konverżjoni tad-dokument awtorizzat), ma tkun meħtieġa ebda preżentazzjoni sussegwenti tad-dokumenti oriġinali.

Rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti u talba għal ordni għall-eżekuzzjoni tista’ ssir biss bil-fomm u tiġi rreġistrata (ara l-Artikolu 14 tal-Att Nru 292/2013 dwar il-proċedimenti ġudizzjarji, kif emendat) fil-każ ta’ proċedimenti li jistgħu jinbdew ukoll mingħajr rikors jew proċedimenti għall-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ, proċedimenti għall-protezzjoni kontra l-vjolenza domestika, proċedimenti għad-determinazzjoni jew għaċ-ċaħda tal-proċedimenti ta’ filjazzjoni u adozzjoni. Kull qorti distrettwali hija mitluba li ddaħħal il-preżentata fir-reġistri u li tibgħatha mingħajr dewmien lill-qorti kompetenti. Din ix-xorta ta’ preżentata għandha l-istess effett daqs li kieku saret lill-qorti kompetenti.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ma hemm l-ebda formola preskritta għat-tressiq ta’ azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti). Azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti) trid tinkludi dettalji ġenerali (ara l-Artikolu 42(4) tal-Att Nru 99/1963 [il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat]) u dettalji speċjali (ara l-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Id-dettalji ġenerali jinkludu l-indikazzjoni tal-qorti li r-rikors jiġi indirizzat lilha u l-indikazzjoni tal-persuna li tressaq l-azzjoni. Mill-azzjoni jrid jidher b’mod ċar ukoll liema kawża tikkonċerna u x’qiegħda tfittex u trid tiġi ffirmata u datata.

Id-dettalji speċjali jinkludu l-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-partijiet, jew id-dati tat-twelid jew in-numri ta’ identifikazzjoni tal-partijiet (l-isem tan-negozju jew l-isem u l-uffiċċju rreġistrat ta’ persuna ġuridika, in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem tal-pajjiż u l-unità organizzattiva rilevanti tal-Istat li qed jidher quddiem il-qorti f’isimhom), jekk ikun meħtieġ, anki tar-rappreżentanti tagħhom, deskrizzjoni tal-fatti ewlenin u deskrizzjoni tal-evidenza invokata mill-appellant u trid tindika b’mod ċar x’qiegħed jiġi mfittex mill-appellant.

Jekk ir-rikors ma jkunx fih id-dettalji meħtieġa, jew jekk dawn ikunu inkomprensibbli jew mhux ċari, il-qorti titlob lill-parti sabiex tirrimedja dawn id-difetti f’ċertu perjodu. Jekk dan ma jsirx u, b’riżultat ta’ dan, il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jkomplu, il-qorti tirrifjuta r-rikors għall-bidu tal-proċedimenti. Il-qorti tinjora kwalunkwe preżentati oħrajn sakemm jiġu kkoreġuti jew ikkompletati kif suppost – ara l-Artikolu 43 tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat). Ir-rikors irid jiġi ppreżentat fl-għadd meħtieġ ta’ kontropartijiet sabiex jiġi żgurat li tinżamm kontroparti waħda mill-qorti u li kull parti tirċievi kontroparti waħda, jekk meħtieġ – ara l-para. 4 tal-Artikolu 42 tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

It-tariffi tal-qorti jiġu imposti għall-proċedimenti li jsiru quddiem il-qrati fir-Repubblika Ċeka, għall-atti elenkati fit-Tariffa tal-Ħlasijiet u għall-atti individwali mwettqa mill-qrati u l-atti mwettqa mill-amministrazzjoni tal-qorti. L-ammonti ta’ dawn it-tariffi huma stabbiliti fl-Att Nru 549/1991, dwar it-tariffi tal-qorti, kif emendat. It-tariffi tal-qorti jiġu stabbiliti bħala somma fissa, jew jiġu ddeterminati bħala rata perċentwali bbażata fuq il-valur tas-suġġett tal-proċedimenti ġudizzjarji.

Għadd ta’ kawżi (primarjament dawk li ma jiġux ikkontestati) huma eżentati minn dawn it-tariffi. Il-kawżi li huma “materjalment eżentati” kienu jinkludu kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tutela, l-adozzjoni, l-obbligi ta’ manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal, eċċ. Dawn il-proċedimenti huma kompletament eżentati mit-tariffi.

L-appellanti fil-proċedimenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħlasijiet ta’ manteniment, il-kumpens għall-ħsara lis-saħħa, il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol, eċċ. huma personalment eżentati mit-tariffi. Jekk l-attur fi proċediment partikolari jkun personalment eżentat mit-tariffi u l-qorti tilqa’ l-pretensjoni tiegħu, il-konvenut jinżamm responsabbli għall-ħlas tat-tariffa.

Huwa possibbli wkoll li jiġu ammessi l-hekk imsejħa eżenzjonijiet individwali li jirrigwardaw is-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tal-partijiet fil-proċedimenti u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawża li tkun qed tinstema’. Jekk l-attur ikollu ħtiġijiet materjali b'riżultat ta’ qgħad fit-tul, marda serja, eċċ., huwa jista’ jippreżenta rikors il-qorti għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mit-tariffi. Ir-rikors rilevanti preferibbilment għandu jiġi mehmuż mal-azzjoni oriġinali. Meta tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet mill-ħlas tat-tariffi, il-qorti tqis il-proprjetà globali tar-rikorrent, iċ-ċirkostanzi soċjali u finanzjarji, l-ammont tat-tariffi tal-qorti, in-natura tal-pretensjoni ppreżentata, eċċ. Madankollu, dan ma għandux ikun eżerċizzju arbitrarju jew evidentement bla tama jew tfixkil tad-drittijiet. Ara wkoll “Għajnuna Legali – Ir-Repubblika Ċeka”.

It-tariffa titħallas ladarba jiġi ppreżentat ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti. Jekk hija ma tkunx tħallset fl-istess ħin li jiġi ppreżentat ir-rikors, il-qorti titlob lill-parti sabiex tħallas it-tariffa u tgħarrafha li, jekk it-tariffa ma titħallasx fiż-żmien allokat, il-proċedimenti jiġu sospiżi.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Ara “Għajnuna Legali – Ir-Repubblika Ċeka”.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Il-proċedimenti ġudizzjarji jibdew dakinhar li tintbagħat it-talba lill-qorti (ara l-Artikolu 82 tal-Att Nru 99/1963 [il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat]) jew meta tkun inħarġet deċiżjoni dwar il-bidu tal-proċedimenti mingħajr talba mill-qorti (ara l-para. 2 tal-Artikolu 13 tal-Att Nru 292/2013 dwar proċedimenti ġudizzjarji speċjali, kif emendat). Il-fatt li l-azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti) titressaq fil-qorti jfisser li jinbdew il-proċedimenti u l-qorti ma toħroġ ebda konferma speċjali li l-proċedimenti nfetħu. Jekk azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti) titressaq personalment fir-reġistru tal-qorti, dan jista’ jiġi kkonfermat permezz ta’ kopja tal-azzjoni ttimbrata.

Jekk ir-rikors jkollu xi nuqqasijiet (ma jkunx fih id-dettalji preskritti, ma jkunx ċar jew ikun inkomprensibbli), il-qorti titlob lill-parti sabiex tirranġahom. Jekk dawn in-nuqqasijiet ma jitneħħewx fil-perjodu stabbilit mill-qorti u l-proċedimenti ma jkunux jistgħu jkomplu għal din ir-raġuni, il-qorti tirrifjuta r-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti u tissospendi l-proċedimenti.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Hekk kif jibdew il-proċedimenti, il-qorti tipproċedi mingħajr rikorsi ulterjuri sabiex tiżgura li l-kawża tinstema’ u tiġi deċiża mill-aktar fis possibbli – ara l-Artikolu 100(1) tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili kif emendat). Il-qorti hija meħtieġa li tikkonsenja l-azzjoni (rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti) lill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti personalment (ara l-Artikolu 79(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Matul il-proċedimenti, il-qorti tagħti struzzjonijiet lill-partijiet dwar id-diversi drittijiet u obbligi tagħhom. F’każ li jkun irid jitwettaq att proċedurali speċifiku, il-qorti tistabbilixxi terminu għat-twettiq tiegħu.

Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jispezzjonaw il-fajl tal-qorti, bl-eċċezzjoni tar-rekord tal-votazzjoni, u li jieħdu siltiet minnu u jagħmlu kopji tiegħu. L-imħallef li jippresjedi jippermetti lil kull min għandu interess leġittimu, jew li għandu raġunijiet validi sabiex jagħmel dan, li jispezzjona l-fajl u li jieħu siltiet minnu u jagħmel kopji tiegħu, sakemm ma jkunx fajl li l-kontenut tiegħu jkun meħtieġ bil-liġi li jinżamm kunfidenzjali – ara l-Artikolu 44 tal-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat).

L-aħħar aġġornament: 27/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.