Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Fl-Ingilterra u Wales, il-Gvern irid li n-nies ikunu jistgħu jsolvu t-tilwim b’mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u jrid li jkollhom firxa ta’ għażliet disponibbli, u mhux jiddependu biss fuq il-qrati. Is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution - ADR) tirrigwarda s-soluzzjoni tal-problemi aktar milli timponi soluzzjonijiet, u f’ħafna każijiet tista’ twassal għal soluzzjonijiet kreattivi u estensivi għal kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-proċess tal-qorti.

Eżempji ta’ ADR jinkludu Medjazzjoni u Arbitraġġ; il-MoJ (Ministry of Justice - Ministeru tal-Ġustizzja) għandu wkoll paġna ta’ riferiment ta’ medjaturi mħarrġin li jipprovdu medjazzjoni għal tariffa fissa varjabbli. Hemm ukoll servizz ta’ medjazzjoni bit-telefown bla ħlas li huwa offrut f’Kawżi ta' Perkors għal Talbiet Żgħar ikkontestati sakemm il-partijiet jaqblu. Jekk il-partijiet jippruvaw l-ADR, u l-kwistjoni ma tiġix konkluża, ma hemm xejn li jipprekludi li l-każ jitkompla permezz ta’ proċess tal-qorti.

Jekk tmur il-qorti, il-proċedura hija rregolata mir-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

L-informazzjoni ta’ hawn taħt tista’ tgħinek tiddeċiedi kif l-aħjar issolvi t-tilwima tiegħek; din ser tagħtik biss idea ġenerali ta’ x’jista’ jiġri. Ma tispjegax kollox dwar ir-regoli, l-ispejjeż u l-proċeduri tal-qorti li jistgħu jaffettwaw tipi differenti ta’ talbiet b’modi differenti. Għandek tiftakar ukoll li anki jekk tirbaħ il-kawża tiegħek il-qorti ma tistax tiggarantixxi li inti se tieħu l-flus dovuti lilek.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Hemm limiti ta’ żmien jew perjodi ta’ preskrizzjoni li matulhom għandha titressaq kawża quddiem il-qorti. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ġenerali huwa sitt snin mid-data rilevanti, pereżempju d-data tal-ksur tal-kuntratt jew meta jkunu ġġarrbu d-danni jew, xi kultant, meta tkun ġiet skoperta xi ħsara. Perjodi oħra ta’ preskrizzjoni jinkludu sena għal malafama jew tliet snin għal negliġenza klinika u offiża fuq il-persuna. Xi wħud mill-perjodi ta’ preskrizzjoni, iżda mhux kollha, jistgħu jinsabu fl-Att tal-1980 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1980). Il-kwistjoni tal-limiti ta’ żmien tista’ tiġi ċċarata ma’ avukat, konsulent legali jew Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau) fir-Renju Unit.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għandek tavviċina l-qorti fl-Istat Membru fejn inqalgħet it-tilwima. Hemm xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola li jiddependu fuq is-suġġett tat-tilwima[1] u hemm proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ibbażata primarjament fuq il-karta. Aktar informazzjoni hija disponibbli miċ-Ċentru għall-Konsumatur Ewropew tar-Renju Unit (UK European Consumer Centre).

[1] Każijiet li jinvolvu obbligi kuntrattwali, danni, kuntratti tal-konsumatur u tal-impjieg, privattivi/trademarks u sjieda jew kiri ta’ proprjetà immobbli.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Il-Parti 7 tas-CPR u l-Gwida għall-Prattika (Practice Directions) mehmuża jistgħu jgħinu biex jiġi ddeterminat kif u fejn għandhom jinbdew il-proċedimenti. Il-paġna “Ġurisdizzjoni” (Jurisdiction) tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-qorti partikolari fl-Ingilterra u Wales fejn għandha ssir talba. Id-dettalji dwar l-indirizzi tal-qrati jinsabu fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Għal darb’oħra, il-Parti 7 u l-paġna “Ġurisdizzjoni” se jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-qorti partikolari fl-Ingilterra u Wales fejn għandha ssir talba. Id-dettalji dwar l-indirizzi tal-qrati jinsabu fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

M’hemm l-ebda rekwiżit għal persuna li titlob il-parir ta’ avukat, jew li tkun irrappreżentata minn wieħed; f’każ sempliċi ta’ dejn inti tista’ ma tarax il-ħtieġa li tikkonsulta avukat. Bħala regola ġenerali, madankollu, jekk it-talba tiegħek hija għal somma ta’ aktar minn £10 000 u, b’mod partikolari, jekk tinkludi talba għal kumpens (“danni”), huwa rrakkomandat li titlob parir ta’ avukat.

Jekk l-ammont li qed titlob huwa £10 000 jew inqas u huwa kkontestat, tista’ tieħu lil xi ħadd fis-seduta tal-qorti biex jitkellem f’ismek. Dak li jissejjaħ “rappreżentant mhux espert” jista’ jkun konjuġi, qarib, ħabib jew konsulent.

Tipi oħra ta’ talbiet, pereżempju talbiet għal offiża fuq il-persuna, jistgħu jkunu aktar ikkumplikati u jista’ jkun preferibbli li tikseb xi għajnuna u parir professjonali irrispettivament mill-valur tat-talba tiegħek.

Għal ħafna tipi ta’ talbiet hemm “protokoll ta’ qabel l-azzjoni” [1] li jistabbilixxi l-passi li l-qorti tistenna li tkun ħadt qabel tagħmel it-talba tiegħek. Dan jinvolvi affarijiet bħal li tikteb lill-persuna li qed tagħmlilha t-talba biex tistabbilixxi d-dettalji tat-talba tiegħek, tiskambja xi evidenza, li jippermettilha tara r-rekords mediċi tiegħek jekk it-talba tiegħek hija għal offiża fuq il-persuna u tippruvaw taqblu fuq l-espert mediku li ser tużaw.

Ftakar li trid ukoll tagħti prova tat-talba tiegħek. Biex tagħmel dan ikollok bżonn evidenza, pereżempju rapport mit-tabib tiegħek, jew dikjarazzjonijiet minn xhieda li raw l-inċident tiegħek. Jeħtieġ ukoll li tagħmel valutazzjoni realistika tal-ammont ta’ danni li qed titlob. Tista’ tiffranka l-ħin u l-flus billi l-ewwel tistaqsi lil avukat jew konsulent jekk jaqbillekx tagħmel talba u, jekk iva, kif l-aħjar li tippreparaha, x’evidenza għandek bżonn u x’ammont ta’ danni għandek titlob.

Jekk qed tagħmel talba f’isem kumpanija b’responsabbiltà limitata, jista’ jkollok bżonn avukat biex imur għas-seduta f'ismek. Dan jiddependi fuq kemm qed titlob flus u fuq it-tip ta’ seduta.

[1] hemm għadd ta’ protokolli oħra ta’ qabel l-azzjoni, bħal fil-każ ta’ tilwim dwar il-kostruzzjoni u l-inġinerija, il-malafama, is-soluzzjoni ta’ tilwim kliniku, in-negliġenza professjonali, u l-istħarriġ ġudizzjarju. Kopji ta’ dawn kollha huma disponibbli minn qorti jew mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-regoli relatati mal-ftuħ ta’ proċedimenti ċivili jinsabu fil-parti 7 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili[1], li għandhom jinqraw flimkien mal-gwida għall-prattika li takkumpanjahom. Ir-regola bażika hija li, fl-assenza ta’ kwalunkwe regola jew gwida prattika, talba fl-Ingilterra u Wales tista’ titressaq fi kwalunkwe ċentru ta’ seduti tal-Qorti tal-Kontea (County Court); fil-prattika, talbiet ta’ flus biss lill-qorti tal-kontea (County Court) għandhom jiġu sottomessi online jew jintbagħtu bil-posta lil Money Claims on Line f’Salford; hemm proċedura online komplementari għal talbiet għal pussess ukoll.

Ċerti talbiet bħal dawk imressqa taħt il-proċedura tal-Att dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (Consumer Credit Act)[2] għandhom jitressqu fiċ-ċentru tas-seduti tal-Qorti tal-Kontea (County Court) fejn il-konvenut jgħix jew iwettaq in-negozju tiegħu. Xi ċentri tas-seduti għandhom faċilitajiet elettroniċi għall-komunikazzjoni; ir-regoli f’dan ir-rigward jinsabu fil-parti 5 tas-CPR u fil-gwida għall-prattika li takkumpanjaha, b’regoli speċjali għall-Qorti Għolja (High Court). Id-dettalji għall-Qorti Għolja (High Court) jistgħu jinsabu online hawnhekk.

Il-persunal tal-Qorti ma jistax joffri pariri dwar il-validità ta’ talba u lanqas dwar kemm hu xieraq il-kors ta' azzjoni tiegħek. Inti tista’ tieħu parir mingħand l-Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau) jew miċ-Ċentru tal-Liġi (Law Centre) tiegħek.

[1]Op cit

[2] CPR PD 7B5

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

It-talbiet għandhom isiru bil-miktub u bl-Ingliż, għalkemm jeżistu faċilitajiet bil-Welsh għal dawk li jitkellmu bil-Welsh. Kif ġie nnutat hawn fuq, hemm lok għal komunikazzjoni elettronika mal-qrati, kemm biex jiġu ppreżentati t-talbiet kif ukoll biex isiru rikorsi għal miżuri proviżorji, kif ukoll għal komunikazzjoni ġenerali mal-Qorti. Gwida dwar dan tista’ tinstab hawnhekk.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ġeneralment, biex tressaq talba trid timla l-Formola N1; jeżistu formoli oħra għal materji speċifiċi bħall-pussess. Il-formola N1 tinkludi noti ta’ gwida għar-rikorrent. Tista’ titlob l-għajnuna minll-Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau). In-noti ta’ gwida jagħtu dettalji tal-informazzjoni li għandek tinkludi mat-talba tiegħek. Meta tagħmel it-talba bil-posta, għandek tagħmel kopja waħda għalik, waħda għall-qorti u waħda għal kull konvenut li kontrih tkun ressaqt talba. Il-qorti tinnotifika kopja ssiġillata lill-konvenuti.

Hemm għadd ta’ formoli oħra li għandhom jintużaw f’tipi ta’ proċedimenti oħrajn jew għal stadji aktar tard ta’ talba. Dawn ukoll huma disponibbli minn qorti jew mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Normalment ikollok tħallas tariffa biex tiftaħ it-talba tiegħek. Il-livell tat-tariffa jkun jiddependi mill-ammont li qed titlob. Jekk il-konvenut ma jħallasx wara li tingħata s-sentenza, jew jekk jgħid li l-flus mhumiex dovuti u t-talba tiegħek tipproċedi bħala kawża "difiża" (ikkontestata), jista’ jkollok tħallas aktar tariffi. Jekk tirbaħ il-każ tiegħek, it-tariffi jiżdiedu mal-ammont li jkollu jagħtik il-konvenut. Inti tista’ wkoll tingħata xi ħlasijiet bħala kumpens għal ħin mitluf mix-xogħol, għalkemm dan mhux neċessarjament ikopri l-ammont totali li tkun tlift.

F’ċerti ċirkostanzi, pereżempju jekk inti qed tirċievi appoġġ għad-dħul, tista’ titlob eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi. Id-dettalji kompluti tat-tariffi tal-qorti jistgħu jinkisbu f’fuljett fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice). Hawnhekk se ssib ukoll dettalji dwar meta jista’ ma jkunx meħtieġ li tħallas tariffa.

Jista’ jkun hemm spejjeż oħrajn. Jekk il-konvenut jiddefendi t-talba tiegħek jista’ jkollok bżonn ta’ xhieda biex jgħinuk tgħid lill-qorti x’ġara. Jista’ jkollok tħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom lejn u mill-qorti u l-flus li kieku kienu jaqilgħu dakinhar. Madankollu, jekk tirbaħ, il-qorti tista’ tordna lill-konvenut iħallas dawk l-ispejjeż.

Jista’ jkollok bżonn ukoll tikseb rapport minn espert bħal tabib, mekkanik jew servejer. Jista’ jkollok bżonn ukoll titlob lil dan l-espert biex jattendi seduta tal-qorti biex jagħti evidenza f’ismek. Inti se jkollok tħallas l-ispejjeż u l-onorarji tal-esperti iżda, għal darb’oħra, jekk tirbaħ, il-qorti tista’ tgħid lill-konvenut biex iħallashom hu.

Jekk it-talba tiegħek hija għal ammont fiss ta’ flus (“ammont speċifikat”) u l-konvenut huwa individwu li jiddefendi t-talba tiegħek, it-talba tiegħek tista’ tiġi ttrasferita lill-qorti lokali tal-konvenut. Dan jista’ jfisser li jkollok tivvjaġġa xi distanza għal kull seduta li ssir. Jekk tirbaħ il-każ, jista’ jkun li tkun tista’ titlob l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħek u xi ħaġa għad-dħul mitluf tiegħek.

L-ammonti li jistgħu jiġu mitluba għall-kostijiet tax-xhieda, tal-esperti u tal-pariri legali huma limitati fil-perkors għal talbiet żgħar.

Jekk l-Ingliż mhux l-ewwel lingwa tiegħek u jkollok bżonn interpretu, il-qorti ma tkunx tista’ tgħinek issib wieħed. Inti trid tagħmel dan waħdek u trid tħallas ukoll it-tariffi ta’ dan l-interpretu.

It-tariffi tal-avukati normalment ikunu jistgħu jitħallsu meta tintemm il-kawża. Jekk inti tirbaħ il-każ tiegħek, il-qorti tista’ tordna lill-konvenut iħallas parti mit-tariffi jew it-tariffi kollha tal-avukati tiegħek. Madankollu, jekk għandek avukat u t-talba tiegħek hija għal inqas minn £5 000, normalment ikollok tħallas inti għall-għajnuna tiegħu, anke jekk tirbaħ il-kawża tiegħek. Għandek iżżomm f'moħħok ukoll li għalkemm il-qorti tista’ tiddeċiedi favur tiegħek (li jfisser li tordna lill-konvenut iħallsek), il-qorti mhux se tieħu passi awtomatikament biex tiżgura li l-flus jitħallsu. Jekk il-konvenut ma jħallasx, inti trid titlob lill-qorti biex tieħu azzjoni (imsejħa “eżekuzzjoni tas-sentenza tiegħek”) li għaliha jista’ jkollok tħallas tariffa oħra. Aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tista’ tinkiseb f’għadd ta’ fuljetti.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Hemm tipi differenti ta’ finanzjament legali limitat disponibbli f’xi materji ċivili. It-tip ta’ finanzjament u l-eliġibbiltà li tirċevieh jiddependi fuq għadd ta’ fatturi inkluż it-tip ta’ azzjoni legali u d-dħul tar-rikorrent. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web li ġej dwar l-għajnuna legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Id-data li fiha jibdew il-proċedimenti hija d-data meta l-qorti toħroġ formola tat-talba. Id-data tal-ħruġ hija rreġistrata mill-qorti b’timbru tad-data jew fuq il-formola tat-talba miżmuma fil-fajl tal-qorti jew fuq l-ittra li akkumpanjat il-formola tat-talba meta rċevietha l-qorti. Jekk ikun hemm xi informazzjoni meħtieġa nieqsa mill-formola tat-talba jew jekk ikun hemm żbalji ovvji, il-qorti ma toħroġx it-talba u tibgħatlek il-formola lura. Jekk it-talba tinħareġ, il-qorti ser tibgħatlek Notifika tal-Ħruġ li tipprovdi dettalji dwar id-data tal-ħruġ u d-data li fiha t-talba ntbagħtet lill-konvenut.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Iva.

Ladarba t-talba tkun inħarġet u l-konvenuti jkunu ġew innotifikati bil-Formola tat-Talba N1 u d-dokumenti ta’ sostenn, il-konvenuti jkollhom 14-il jum biex iressqu risposta u/jew jikkontestaw il-ġurisdizzjoni. Ladarba tiġi ppreżentata risposta, il-qorti għandha toħroġ allokazzjoni provviżorja għall-perkors, u l-Kwestjonarju dwar il-Gwida (Directions Questionnaire) li jrid jintbagħat lura fi żmien stabbilit. Ladarba jasal il-Kwestjonarju, il-kawża tiġi ttrasferita f’qorti xierqa; ġeneralment dan ikun iċ-ċentru tas-seduta tal-qorti tal-kontea (County Court) lokali tal-konvenut. Il-Qorti tiżgura li l-partijiet jinżammu infurmati dwar id-dati kollha sa meta għandhom jitlestew l-affarijiet.

Links relatati

Fit-tweġibiet ta’ hawn fuq ġew ipprovduti links li huma speċifikament rilevanti. Dawn li ġejjin huma links għal użu aktar ġenerali:

Il-Ministeru tal-Ġustizzja

Għajnuna/assistenza legali

Il-Kummissjoni tas-Servizzi Legali (Legal Services Commission)

Il-Kunsill tal-Avukati tal-Ingilterra u Wales (Bar Council of England and Wales)

Is-soċjetà tal-Liġi tal-Ingilterra u Wales (Law Society of England and Wales)

Pariri għaċ-Ċittadini (Citizens Advice)

L-aħħar aġġornament: 18/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.