- 1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
- 2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
- 3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
- 4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
- 5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
- 6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
- 7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
- 8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
- 9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
- 10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
- 11 Nista' nitlob għajnuna legali?
- 12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
- 13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
Xi drabi, jaf ikun aħjar jekk tirrikorri għal proċedura alternattiva. Ara “Medjazzjoni fl-Istati Membri” u “Medjazzjoni fl-Istati Membri - il-Finlandja”.
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
Għal tipi differenti ta' kawżi japplikaw termini preskrittivi differenti. Tista' tikseb aktar informazzjoni dwar it-termini preskrittivi mingħand avukat jew billi tirrikorri għand l-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali (oikeusaputoimisto).
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Ara "Ġuriżdizzjoni – Il-Finlandja".
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Ara "Ġuriżdizzjoni – Il-Finlandja".
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
Ara "Ġuriżdizzjoni – Il-Finlandja".
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
L-individwi privati biss jistgħu jressqu kawża ċivili quddiem il-qorti mingħajr konsulenza legali. Madankollu, f'kawżi kumplessi, jaf ikun jaqbillek li jkollok l-assistenza ta' avukat.
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
Ir-reġistri tal-qorti huma l-ewwel punti ta' kuntatt.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Il-lingwi użati fil-proċedimenti fil-qrati Finlandiżi huma l-Finlandiż u l-Iżvediż. Il-pretensjonijiet (rikorsi għal ċitazzjonijiet) iridu jsiru bil-miktub u normalment bil-Finlandiż. Fil-Gżejjer Åland, irid jintuża l-Iżvediż. Iċ-ċittadini tal-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvezja u d-Danimarka jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jużaw il-lingwa proprja tagħhom. Il-pretensjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz ta' faks jew bil-posta elettronika. Għal ċerti tipi ta' proċedimenti, hemm ukoll il-possibbiltà li jintuża l-ipproċessar awtomatiku. Ara "Ipproċessar awtomatiku – Il-Finlandja".
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
Ma teżisti l-ebda formola speċjali. Il-pretensjoni tiegħek trid tindika b'mod ċar dak li qed titlob u r-raġunijiet għat-talba. Bħala regola ġenerali, mal-pretensjoni tiegħek għandek tehmeż kwalunkwe kuntratt, dokument relatat ma' xi impenji jew evidenza miktuba oħra li tkun beħsiebek issejjes it-talba tiegħek fuqha.
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
Meta l-kawża tkun ingħalqet, il-qorti titolbok tħallas tariffa tal-amministrazzjoni. L-ammont ta' din it-tariffa jiddependi mill-istadju tal-proċedimenti li fih tkun inqatgħet is-sentenza. Ċerti kawżi jistgħu jiġu solvuti bis-saħħa tal-evidenza miktuba biss. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-kawżi, ma tkunx tista' tittieħed deċiżjoni qabel ma jsir is-smigħ. Għal aktar informazzjoni, żur: https://oikeus.fi/tuomioistuimet/en/index/asiointijajulkisuus/maksut/oikeudenkayntimaksutyleisissatuomioistuimissa.html
Id-drittijiet tal-avukat u d-data meta għandhom jitħallsu, jiġu stabbiliti f'kuntratt u mhumiex soġġetti għal xi regoli speċifiċi.
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
L-eliġibbiltà għall-għajnuna legali tiddependi mil-livell tal-introjtu tiegħek. L-għajnuna legali ma tingħatax għal kawżi żgħar. Għal aktar informazzjoni, żur: https://oikeus.fi/oikeusapu/en/index.html.
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
Id-data li fiha l-qorti tirċievi r-rikors tiegħek għal ċitazzjoni tikkostitwixxi l-bidu tal-proċedimenti. Fuq talba, il-qorti tista' tibgħat konferma tal-irċevuta. Madankollu, il-qorti ma tistax tipprovdi konferma dwar jekk il-kawża ġietx introdotta b'mod adegwat jew le.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Il-qorti tibqa' żżomm lill-partijiet interessati informati bl-andament tal-kawża u tipprovdilhom skeda ta' żmien temporanja għal dak li jkun se jiġri. Huwa wkoll possibbli li tikkuntattja inti stess lill-qorti biex tikseb aktar tagħrif dwar l-andament tal-proċedimenti tiegħek.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.