- 1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
- 2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
- 3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
- 4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
- 5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
- 6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
- 7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
- 8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
- 9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
- 10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
- 11 Nista' nitlob għajnuna legali?
- 12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
- 13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
Il-medjazzjoni hija proċedura alternattiva ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tista’ tevita li l-każ jittieħed il-qorti.
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
It-termini għall-preżentata ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jvarjaw skont il-każ.
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Ara "Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - il-Lussemburgu".
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Ara "Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - il-Lussemburgu".
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
Ara "Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - il-Lussemburgu".
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi fuq il-valur tal-pretensjoni u fuq is-suġġett tagħha.
B’mod ġenerali, japplika dan li ġej, bla ħsara għal eċċezzjonijiet partikolari stabbiliti mil-liġi:
- Jekk il-pretensjoni ma tkunx teċċedi valur ta’ EUR 15,000, normalment ikun il-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix) li jieħu konjizzjoni tal-kawża. F’dawn il-qrati, inti tista’ tidher personalment jew tkun irrappreżentat kemm minn avukat kif ukoll minn persuna oħra li inti tkun tajtha prokura speċjali (mandat).
- Jekk il-pretensjoni tkun teċċedi valur ta’ EUR 15,000, normalment tkun il-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) li tieħu konjizzjoni tal-kawża. Hawnhekk jeħtieġlek tkun irrappreżentat minn avukat (avocat à la cour), ħlief f’rikorsi għal miżuri proviżorji (actions en référé), f’azzjonijiet taħt id-dritt kummerċjali, fejn tista’ tkun assistit jew irrappreżentat jew tista’ tidher personalment, u f’azzjonijiet quddiem il-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales) għajr id-divorzju. Quddiem il-Qorti tal-Appell (Cour d’appel), li tifforma parti mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Cour supérieure de justice), jeħtieġ li tkun irrappreżentat minn avukat.
- F’xi każijiet, il-kummissarji tal-ġustizzja għandhom ġuriżdizzjoni anke jekk l-ammont involut ikun ta’ valur ogħla minn EUR 15,000; dawn jinkludu tilwim bejn is-sid u l-inkwilin u rikorsi għall-manteniment (pensions alimentaires) ħlief meta jkunu marbuta ma’ rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni. Azzjoni quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja normalment tiġi ppreżentata permezz ta’ ċitazzjoni (citation) li tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra mill-uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice). Iċ-ċitazzjoni trid tikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti formali maħsuba b’mod partikolari sabiex jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża. F’xi każijiet, il-partijiet jistgħu jressqu l-azzjoni huma stess, mingħajr ma jinvolvu uffiċjal ġudizzjarju, billi jippreżentaw rikors bil-miktub (requête) quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja (li hija proċedura simplifikata li tiswa inqas milli kieku tmur fil-qorti distrettwali). Fiż-żewġ każijiet, inti tista’ tidher personalment jew tkun irrappreżentat minn avukat jew minn persuna oħra li lilha tkun tajt prokura speċjali (mandat).
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
It-tweġiba tiddependi minn taħt liema kategorija msemmija hawn fuq jaqa’ l-każ tiegħek.
Fil-każ ta’ pretensjonijiet li l-valur tagħhom ma jeċċedix EUR 15,000, tista’ tirrikorri quddiem il-qorti tal-kummissarju tal-ġustizzja li għandha ġuriżdizzjoni kemm direttament permezz ta’ rikors bil-miktub (requête) jew indirettament b’ċitazzjoni (citation) innotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju. Fil-prattika inti tipprteżenta r-rikors tiegħek lill-iskrivan tar-reġistru tal-qorti (greffier en chef).
Fil-każ ta’ pretensjonijiet li l-valur tagħhom jeċċedi EUR 15,000, normalment ikollok tqabbad avukat, li jagħmel l-arranġamenti mal-uffiċjal ġudizzjarju biex jinnotifika t-taħrika (assignation) lill-parti avversarja għan-nom tal-klijent tiegħu jew tagħha. L-avukat jippreżenta l-atti li jiftħu l-proċediment quddiem il-qorti distrettwali kompetenti jew quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Jista’ jintuża l-Franċiż, il-Ġermaniż jew il-Lussemburgiż, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal ċerti tipi ta’ kawżi.
Il-proċedimenti jibdew bin-notifika ta’ taħrika (citation jew assignation), ħlief f’każijiet fejn jista’ jitressaq sempliċi rikors (requête) quddiem il-qorti. Ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet rari li jieħdu konjizzjoni tagħhom il-kummissarji tal-ġustizzja, ir-rikorsi lill-qrati jridu jsiru bil-miktub. Ma humiex ammissibbli dokumenti li jintbagħtu b’faks jew b’ittra elettronika.
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
F’xi kwistjonijiet speċifiċi (eż. rikorsi għal ordnijiet ta’ ħlas ta’ ammonti ta’ flus dovuti jew ta’ kontijiet mhux imħallsa) hemm formoli li jistgħu jimtlew. Fil-prinċipju, iċ-ċitazzjonijiet biex wieħed jidher quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja, ir-rikorsi u t-taħrik quddiem il-qrati distrettwali u l-appelli quddiem il-qrati superjuri jridu jinkludu ċerta informazzjoni u jsegwu format speċifiku, inkella jiġu ddikjarati nulli u bla effett. Ma hemmx formoli prestabbiliti għal dawn il-finijiet.
Hemm ukoll formoli għar-rikorsi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn jinkludu rikorsi għal ordnijiet ta’ ħlas Ewropej ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006, u rikorsi skont il-proċedura Ewropea għat-talbiet iż-żgħar, ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 861/2007.
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
Bħala regola, it-tariffi tal-qorti jitħallsu meta tintemm il-kawża. Il-qorti tista’ tordna lill-parti telliefa biex tħallas indennizz proċedurali lill-parti rebbieħa (indemnité de procédure), jekk il-qorti jidhrilha li ma jkunx ġust li l-parti rebbieħa jkollha tħallas it-tariffi u l-ispejjeż kollha li tkun ġarrbet. Il-qorti tista’ wkoll tordna lil parti waħda jew iktar fil-proċedimenti biex tħallas garanzija jew avvanz (eż. meta l-qorti tordna li ssir perizja).
Ir-rimunerazzjoni tal-avukati mingħand il-klijenti tagħhom huma kwistjoni li għandhom jiftiehmu bejniethom. Fil-prattika, hija konswetudni li parti mit-tariffi tal-avukat jitħallsu bil-quddiem.
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
Ara "Għajnuna legali - il-Lussemburgu".
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
- Rikorrenti li jirrappreżentaw lilhom infushom, fejn dan ikun permess mil-liġi, jirċievu risposta mill-qorti.
- Meta kawża tiġi ppreżentata minn avukat f’isem il-klijent tiegħu, il-qorti twieġeb lill-avukat, bħala r-rappreżentant legali tal-klijent. L-avukat jista’ jipprovdi lill-klijent bid-dettalji tal-iskeda tal-avvenimenti meta dawn ikunu magħrufa jew prevedibbli.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.
Fil-proċeduri bil-miktub, iż-żmien permess biex tidher quddiem il-qorti huwa ġeneralment stabbilit mil-liġi; il-qorti tista’ wkoll tiffissa t-termini speċjalment għas-smigħ ta’ kull waħda mill-partijiet jew terzi personalment. It-termini stabbiliti mil-liġi jvarjaw skont il-qorti u skont jekk l-intimat ikunx jgħix il-Lussemburgu jew f’pajjiż barrani. Għall-proċeduri orali, ir-rikorrent ġeneralment irid jindika lill-intimat data preċiża meta jrid jidher il-qorti.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.