Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Iva, biex tiftaħ kawża f’qorti Maltija trid tmur il-Qorti. Hemmhekk l-avukat jew il-Prokuratur legali jippreżenta rikors u jħallas tariffa fuqu. Jekk il-kawża tkun se tinfetaħ quddiem Qorti superjuri, il-persuna li tkun trid tiftaħ il-kawża jkollha bżonn tieħu ġurament.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Le, wieħed jista’ jiftaħ kawża l-Qorti meta jrid. Però l-intimat dejjem jista’ jqajjem l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri quddiem il-Qorti.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Il-persuna li tiftaħ il-kawża għandha tkun fiżikament preżenti fl-awla matul is-seduti. Fin-nuqqas ta’ dan, jista’ jidher għaliha avukat jew prokuratur legali. Jekk parti tkun assenti minn Malta jrid jiġi maħtur kuratur f'Malta sabiex jkun jista' jitkompla l-proċediment ġudizzjarju fl-assenza tal-parti.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Għalkemm f’Malta hemm bini tal-Qorti wieħed, dan il-bini jinqasam f’diversi Qrati differenti u dan skont il-materja tal-każ, skont il-valur tal-pretensjoni tar-rikorrent kif ukoll skont fejn ikun jirrisjedi ir-rikorrent. Hawn taħt qed jiġu indikati l-Qrati Ċivili differenti li jeżistu f’Malta:

a. Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – tisma’ kwalunkwe talba marbuta mal-familja bħal separazzjoni, divorzju, manteniment, filjazzjoni u annullament.

b. Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) (Sezzjoni tal-Familja) – l-istess bħall-“a” iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra persuna li toqgħod Għawdex jew li għandha ir-residenza ordinarja tagħha ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex;

c. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (sede Kostituzzjonali) – kawżi ta’ natura kostituzzjonali;

d. Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) – tisma’ u tiddeċiedi kawżi ta’ natura purament ċivili dwar il-pretensjonijiet kollha sal-ammont ta’ EUR 15 000 kontra persuni li joqogħdu jew li għandhom ir-residenza ordinarja tagħhom f’parti tal-Gżira ta’ Malta u kull pretensjoni oħra stipulata mill-liġi Maltija;

e. Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) (Ġuriżdizzjoni Inferjuri) - l-istess bħad-“d” iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra xi ħadd li joqgħod Għawdex jew li għandu r-residenza ordinarja tiegħu ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex. Din għandha wkoll setgħat li huma mogħtija lill-Qorti Ċivili fil-Ġuriżdizzjoni Volontarja tagħha.

f. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – tisma’ u tiddeċiedi kawżi ta’ natura purament ċivili dwar il-pretensjonijiet kollha li jammontaw għal aktar minn EUR 15 000, kif ukoll kwalunkwe kawżi (indipendentement mill-valur tat-talba) li fihom jidħlu kwistjonijiet dwar il-proprjetà ta’ beni immobbli, jew li għandhom x’jaqsmu ma’ servitujiet, piżijiet jew drittijiet oħrajn magħqudin mal-beni immobbli, inkluża kull talba għal żgumbrament jew tkeċċija minn beni immobbli kemm urbani kif ukoll rurali, mikrija jew okkupati minn persuni li joqogħdu jew li għandhom l-abitazzjoni ordinarja tagħhom fil-ġuriżdizzjoni ta’ dik il-qorti.

g. Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) (Ġuriżdizzjoni Superjuri) (Sezzjoni Ġenerali) – l-istess bħall-“f” iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra xi ħadd li joqgħod Għawdex jew li għandu ir-residenza ordinarja tiegħu ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex;

h. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil- Ġuriżdizzjoni Volontarja tagħha - Din il-Qorti tisma’ kwistjonijiet li ma jkunux kontenzjużi, bħalma huma l-ftuħ ta’ testment sigriet, it-tutela u l-adozzjoni. Barra minn hekk, din il-Qorti tagħti awtorizzazzjoni jew permess sabiex wieħed ikun jista’ jikkuntratta. Din il-Qorti tagħti wkoll awtorizzazzjonijiet biex wieħed jagħmel dispożizzjonijiet li l-liġi ma tippermettix li jsiru mingħajr ma’ jkun hemm awtorizzazzjoni jew permess minn qabel għalihom.

Minbarra dawn il-Qrati, insibu wkoll għadd ta’ Tribunali. Fost dawn insibu t-Tribunal għal Talbiet Żgħar (li jisma’ u jaqta’ biss it-talbiet kollha ta’ flus ta’ ammont ta’ mhux iżjed minn EUR 5 000), it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u t-Tribunal Industrijali. F’Malta jeżisti wkoll iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ li jipprovdi servizzi relatati ma’ arbitraġġi. Il-liġi Maltija tistipula li f’ċertu ċirkostanzi il-partijiet iridu bilfors jirrikorru għall-arbitraġġ (arbitraġġ mandatorju). Wieħed għandu bilfors jirrikorri għall-arbitraġġ f’kawżi ta’ tilwim dwar kondominju u tilwim dwar it-traffiku ta’ vetturi bil-mutur.

Dawn il-Qrati huma kollha qrati ta’ prim’istanza u huma kollha qrati ordinarji. Għalhekk, appell minn deċiżjonijiet ta’ dawn il-qrati jista’ jsir fil-Qorti tal-Appell. Fil-każ ta’ appelli mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, miċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ jew mill-Qorti tal-Maġistrati, l-appell isir fil-Qorti tal-Appell fil-Ġuriżdizzjoni Inferjuri tagħha (ippreseduta minn imħallef wieħed). Fil-każ ta’ appelli mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, l-appell jiġi ppreżentat fil-Qorti tal-Appell fil-Ġuriżdizzjoni Superjuri tagħha (ippreseduta minn tliet imħallfin). Appell minn deċiżjonijiet tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) għandu jsir quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Appell minn deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kemm fl-attribuzzjoni inferjuri kif ukoll f’dik superjuri tagħha għandu jsir quddiem il-Qorti tal-Appell f'Malta.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija nru 4.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Wieħed ikollu bżonn avukat jew prokuratur legali biex ikun jista’ jressaq kawża quddiem Qorti Inferjuri. Jekk il-kawża tinfetaħ quddiem Qorti Superjuri, wieħed għandu bżonn kemm avukat u kemm prokuratur legali.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Fir-reġistru tal-Qorti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Ir-rikors jrid jsir bil-lingwa Maltija. Dan irid jiġi ppreżentat bil-miktub u l-avukat jew il-prokuratur legali irid imur personalment sabiex jippreżentah.

Tista' wkoll issir talba biex il-proċeduri jinstemgħu bil-lingwa Ingliża jekk waħda mill-partijiet tkun stranġiera.

F’Malta ma hemmx il-fakultà li rikors jiġi ppreżentat bil-posta elettronika jew permezz ta’ faks.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Jeżistu formoli li tista’ timla jekk tkun trid tiftaħ kawża quddiem iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ jew quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Però ma jeżistu l-ebda formoli għall-kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Meta wieħed jiftaħ kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa importanti li r-rikors ikun fih:

(a) dikjarazzjoni li tfisser b’mod ċar u sewwa l-oġġett tal-kawża f’paragrafi numerati separatament, sabiex isaħħaħ it-talba tiegħu u jiddikjara wkoll liema fatti jaf bihom personalment;

(b) ir-raġuni tat-talba;

(c) it-talba jew it-talbiet li għandhom ikunu numerati; u

(d) f’kull rikors ġuramentat għandu jkun hemm stampat b’ittri ċari u preċiżi taħt l-intestatura tal-Qorti dan il-kliem li ġej:

Min jirċievi dan ir-rikors maħluf kontra tiegħu għandu jippreżenta r-risposta maħlufa tiegħu fi żmien għoxrin (20) jum mid-data tan-notifika, ċoè minn meta jirċiviha. Jekk ma tiġix ippreżentata r-risposta maħlufa bil-miktub kif trid il-liġi saż-żmien imsemmi, il-Qorti tgħaddi biex tagħti d-deċiżjoni skont il-liġi.

Għalhekk huwa fl-interess ta’ min jirċievi dan ir-rikors maħluf li jkellem avukat bla dewmien sabiex il-Qorti tisma x’għandu xi jgħid fil-kawża.”

(e) Flimkien mar-rikors ġuramentat għandhom jinġiebu d-dokumenti meħtieġa sabiex isaħħu t-talba.

(f) Ir-rikors ġuramentat għandu jiġi kkonfermat bil-ġurament quddiem ir-Reġistratur jew prokuratur legali maħtur bħala Kummissarju b’setgħa li jagħti ġurament taħt l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament (Kap. 79).

(g) L-attur għandu wkoll jagħti mad-dikjarazzjoni l-ismijiet tax-xhieda li jkun bi ħsiebu jġib, filwaqt li jiddikjara dwar kull wieħed minnhom x’fatti u xi prova bi ħsiebu jagħmel bix-xhieda tagħhom.

(h) Ir-rikors ġuramentat għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Iva, meta tippreżenta rikors, trid tħallas it-tariffa abbinata ma' tali rikors. L-ammont ivarja skont it-tip ta’ kawża u/jew il-valur tat-talba.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, persuna li m’għandhiex mezzi tista’ titlob għall-għajnuna legali. Talba għall-għajnuna legali għandha ssir b’rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Hija tista’ ssir ukoll bil-fomm lill-Avukat tal-Għajnuna Legali. Biex tingħata għajnuna legali hemm bżonn li wieħed jissodisfa ċertu kriterji u ċoè r-rikorrent irid jaħlef quddiem ir-Reġistratur u meta t-talba ssir bil-fomm jaħlef quddiem l-Avukat għall-Għajnuna Legali li:

(a) hu jidhirlu li għandu jedd tajjeb biex iħarrek jew jiddefendi ruħu, jew li jkompli jew ikun parti fi proċedimenti;

(b) minbarra l-oġġett fil-kawża hu ma għandu ebda xorta ta’ proprjetà li l-valur tagħha tammonta għal EUR 6 988,12 jew aktar, bla ma jitqiesu dawk l-oġġetti tad-dar ta’ kuljum li huma raġonevolment meħtieġa għall-użu tar-rikorrent u tal-familja tiegħu, u li l-qligħ tiegħu fis-sena jkun inqas mill-paga minima nazzjonali stabbilita għall-persuni li jkunu għalqu it-tmintax-il sena.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Meta wieħed jippreżenta rikors, il-kawża tiġi appuntata quddiem il-Qorti. Ir-rikorrent u l-kontroparti jiġu nnotifikati mill-Qorti bid-data tal-ewwel dehra (l-avviż tas-smigħ). Wieħed jista’ jiċċekkja wkoll jekk il-kawża tiegħu ġietx appuntata permezz tas-sit web tal-Qrati tal-Ġustizzja. Il-partijiet ma jirċievu l-ebda konferma dwar jekk il-każ ġiex ippreżentat korrettament jew le, però għandu jingħad li r-reġistratur tal-Qorti m’għandu jirċievi l-ebda rikors ġuramentat li ma jkunx jissodisfa l-elementi indikati fil-mistoqsija numru 9.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Ir-rikorrent jiġi notifikat bl-avviż tas-smigħ. Id-data tas-seduta li jkun imiss tiġi ffissata seduta stante. Ċerta informazzjoni dwar il-kawża tista’ tinkiseb mis-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja.

L-aħħar aġġornament: 07/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.