Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Alternattiva għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti hija li tirreferiha għal proċedimenti ta’ medjazzjoni. Medjazzjoni hija metodu ekstraġudizzjarju (amikevoli) ta’ soluzzjoni għat-tilwim, bil-parteċipazzjoni ta’ persuna jew istituzzjoni indipendenti u kkwalifikata (medjatur). Il-proċedimenti ta’ medjazzjoni huma volontarji (parti fit-tilwima tista’ fi kwalunkwe ħin iżżomm il-kunsens għall-medjazzjoni u tirtira mill-medjazzjoni) u kunfidenzjali (il-parteċipanti huma obbligati li jżommu l-informazzjoni miksuba matul il-medjazzjoni kunfidenzjali), u l-medjaturi huma imparzjali u indipendenti (huma ma jiħdux in-naħa ta’ parti jew ta’ oħra u fil-prinċipju ma jissuġġerixxu ebda soluzzjoni għat-tilwima).

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

B’mod ġenerali, l-azzjonijiet jistgħu jiġu ddepożitati mal-qorti fi kwalunkwe ħin, sakemm ma jkunx hemm regolamenti speċjali li jipprevedu terminu. Madankollu, parti li tiddepożita azzjoni wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni tal-pretensjoni tirriskja li titlef il-kawża jekk il-parti l-oħra ssostni li l-azzjoni hija preskritta.

Il-perjodi ta’ limitazzjoni (terminy zawite) japplikaw skont il-liġi Pollakka. In-natura speċifika ta’ perjodu ta’ limitazzjoni tfisser li jekk il-parti intitolata tonqos milli twettaq azzjoni speċifika fil-perjodu ta’ limitazzjoni, id-dritt tal-parti li twettaq dik l-azzjoni speċifika jiskadi. Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (KPĊ, Kodeks postępowania cywilnego) ma fih ebda dispożizzjoni ġenerali li tirregola l-perjodi ta’ limitazzjoni, iżda jindika dawk il-perjodi fir-regolamenti li jikkonċernaw sitwazzjonijiet speċifiċi.

L-iskadenza tad-dritt bħala riżultat tal-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni hija vinkolanti fuq il-partijiet għar-relazzjoni legali, il-qorti jew awtorità oħra li teżamina l-kawża. L-awtorità tqis dan b’mod awtomatiku, mhux fuq talba ta’ parti jew bħala riżultat ta’ motiv imqajjem. Il-perjodu ta’ limitazzjoni jista’ jerġa’ jiddaħħal biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta n-nuqqas li dan jintlaħaq ma kienx dovut għall-ħtija tal-parti.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Sabiex jiġi stabbilit jekk qorti fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari hijiex kompetenti biex tisma’ kawża speċifika, għandha tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni ta’ dik il-qorti.

Il-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-qrati ordinarji fil-Polonja sabiex isolvu kawżi ċivili fit-territorju tagħha hija msejħa ġuriżdizzjoni nazzjonali u hija rregolata mill-KPĊ.

Il-kawżi li jridu jinstemgħu jkunu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni nazzjonali jekk il-konvenut ikun domiċiljat jew abitwalment residenti fil-Polonja jew ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-Polonja.

Barra minn hekk, il-ġuriżdizzjoni nazzjonali hija tal-qrati Pollakki fil-kawżi li ġejjin:

  • matrimonjali (il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tkun esklużiva jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini Pollakki u jkunu domiċiljati u abitwalment residenti fil-Polonja);
  • dawk li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal (il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tkun esklużiva jekk il-partijiet kollha jkunu ċittadini Pollakki u jkunu domiċiljati u abitwalment residenti fil-Polonja);
  • dawk li jikkonċernaw il-manteniment u li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-filjazzjoni ta’ wild (huma jkunu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni nazzjonali jekk l-attur ikun parti intitolata domiċiljata jew abitwalment residenti fil-Polonja);
  • dawk li jikkonċernaw il-liġi tax-xogħol (il-kawżi li fihom l-attur ikun impjegat ikunu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni nazzjonali jekk ix-xogħol ġeneralment jitwettaq, twettaq jew kellu jitwettaq fil-Polonja);
  • dawk li jikkonċernaw l-assigurazzjoni (il-kawżi li jikkonċernaw relazzjoni ta’ assigurazzjoni u li jitressqu kontra l-assiguratur ikunu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni nazzjonali jekk l-attur ikun domiċiljat fil-Polonja jew jekk ikun hemm element ieħor li jindika l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-Polonja);
  • dawk li jikkonċernaw il-konsumaturi (il-kawżi li fihom konsumatur ikun l-attur ikunu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni nazzjonali jekk il-konsumatur ikun domiċiljat jew abitwalment residenti fil-Polonja u jkun wettaq l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jidħol fi ftehim fil-Polonja; f’kawżi bħal dawn, il-parti l-oħra fil-ftehim mal-konsumatur tiġi ttrattata bħala entità domiċiljata jew bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Polonja jekk hija jkollha impriża jew fergħa fil-Polonja u l-ftehim mal-konsumatur ikun ġie konkluż bħala parti min-negozju ta’ dik l-impriża jew il-fergħa).

Il-qrati Pollakki għandhom ukoll ġuriżdizzjoni nazzjonali esklużiva fuq: kawżi dwar drittijiet in rem għall-proprjetà immobbli u l-pussess ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Polonja; kawżi dwar lokazzjoni (najem jew dzierżawa) u relazzjonijiet oħrajn li jinvolvu l-użu ta’ tali proprjetà immobbli (ħlief għall-kawżi dwar kera u ammonti oħrajn dovuti għall-użu jew għall-kisba ta’ benefiċċji mill-proprjetà immobbli); kawżi oħrajn fejn id-deċiżjoni tal-qorti tikkonċerna drittijiet in rem, il-pussess, jew l-użu ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Polonja; kawżi għax-xoljiment ta’ persuna ġuridika jew unità organizzattiva li mhijiex persuna ġuridika, kif ukoll għat-tħassir jew l-annullament ta’ riżoluzzjonijiet tal-korpi ta’ governanza tagħhom, jekk il-persuna ġuridika jew l-unità organizzattiva li ma tkunx persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Polonja.

Barra minn hekk, jekk il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tkopri kawża mressqa skont it-talba ewlenija, din il-ġuriżdizzjoni tkopri wkoll il-kontrotalba.

Il-partijiet f’relazzjoni legali speċifikata jistgħu jaqblu bil-miktub li jippreżentaw il-kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà li jinħolqu jew li jistgħu jinħolqu mir-relazzjoni lill-ġuriżdizzjoni tal-qrati Pollakki.

Il-qorti tqis awtomatikament in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali f’kull stadju tal-kawża.

Jekk jinstab li l-ġuriżdizzjoni nazzjonali ma tapplikax, il-qorti tirrifjuta t-talba jew ir-rikors.

In-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali huwa raġuni għall-invalidità tal-proċedimenti.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Sabiex jiġi stabbilit liema qorti distrettwali (sąd rejonowy) jew qorti reġjonali (sąd okręgowy) hija kompetenti biex tisma’ l-kawża, għandha tiġi kkunsidrata l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti. Skont il-liġi Pollakka, aħna nagħmlu distinzjoni bejn ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali, ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva u ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva.

a. ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali

B’mod ġenerali, l-azzjonijiet iridu jitressqu quddiem il-qorti tal-prim’istanza b’ġuriżdizzjoni territorjali fuq id-domiċilju tal-konvenut (skont il-Kodiċi Ċivili, id-domiċilju ta’ persuna fiżika huwa l-belt jew ir-raħal fejn tirrisjedi bl-intenzjoni li tibqa’ fuq bażi permanenti). Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fil-Polonja, il-ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata skont il-post tar-residenza tiegħu, u meta dak il-post ma jkunx magħruf jew ikun barra mill-Polonja – skont l-aħħar domiċilju tal-konvenut fil-Polonja. L-azzjonijiet kontra t-Teżor tal-Istat iridu jitressqu fil-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-unità organizzattiva tal-Istat li tikkonċerna l-pretensjoni. L-azzjonijiet kontra persuna ġuridika jew entità oħra li ma tkunx persuna fiżika jridu jitressqu fil-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta’ dik l-entità.

b. ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva

Abbażi tar-regolamenti dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva, l-atturi jistgħu – skont id-diskrezzjoni tagħhom – iressqu l-azzjoni quddiem il-qorti ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali jew quddiem qorti oħra speċifikata fil-leġiżlazzjoni bħala l-qorti kompetenti. Fil-proċeduri ċivili Pollakki, il-ġuriżdizzjoni territorjali alternattiva hija prevista f’kawżi: għal talba għal manteniment u għall-istabbiliment tal-filjazzjoni ta’ wild; għal pretensjoni ta’ proprjetà kontra entità ta’ negozju; dwar tilwimiet taħt kuntratti; għal pretensjoni ta’ dannu; għall-ħlas ta’ ammont dovut għat-trattament ta’ kawża (tariffa li għandha titħallas lil avukat); għal pretensjoni taħt lokazzjoni (najem jew dzierżawa) ta’ proprjetà immobbli; dwar ċedola jew ċekk.

L-azzjonijiet għal talba għal manteniment u għall-istabbiliment tal-filjazzjoni ta’ wild u talbiet relatati jistgħu jitressqu skont id-domiċilju tal-parti intitolata. L-azzjonijiet għal pretensjoni ta’ proprjetà kontra entità ta’ negozju jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali jew il-fergħa, jekk il-pretensjoni tkun konnessa mal-attivitajiet tal-kwartieri ġenerali jew ta’ dik il-fergħa. L-azzjonijiet għall-konklużjoni ta’ ftehim, l-istabbiliment tal-kontenut tiegħu, l-emendar ta’ ftehim u l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ftehim, għall-eżekuzzjoni, it-terminazzjoni jew l-annullament ta’ ftehim, kif ukoll għat-talba għad-danni minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni kif suppost ta’ ftehim jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-eżekuzzjoni tal-ftehim. Jekk ikun hemm xi dubji, il-post tal-eżekuzzjoni tal-ftehim għandu jiġi kkonfermat b’dokument. L-azzjonijiet għal pretensjoni ta’ dannu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti li l-avveniment li kkawża d-dannu jkun seħħ fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha. L-azzjonijiet għall-ħlas ta’ ammont dovut għat-trattament ta’ kawża jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn ir-rappreżentant legali ttratta l-kawża. L-azzjonijiet għal pretensjoni taħt lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli (najem jew dzierżawa) jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-proprjetà immobbli. L-azzjonijiet kontra parti obbligata taħt ċedola jew ċekk jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-ħlas. Diversi partijiet obbligati taħt ċedola jew ċekk jistgħu jiġu mfittxija b’mod konġunt quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-ħlas jew quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni ġenerali għall-aċċettant jew l-emittent taċ-ċedola jew taċ-ċekk.

ċ. ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva huma obbligatorji. Huma jeskludu, f’ċerti kategoriji ta’ kawżi, il-possibbiltà li titressaq azzjoni quddiem il-qorti ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali u wkoll quddiem il-qorti ta’ ġuriżdizzjoni alternattiva, kif ukoll il-possibbiltà li l-kawża għal riżoluzzjoni tiġi riferuta lil qorti oħra permezz ta’ ftehim ta’ ġuriżdizzjoni. Fil-każ ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva, qorti waħda biss minn fost il-qrati tal-istess livell hija kompetenti biex tisma’ kawża speċifika. Skont it-tip tal-kawża, din tkun qorti reġjonali jew distrettwali speċifika.

L-azzjonijiet għas-sjieda jew drittijiet in rem oħrajn fuq proprjetà immobbli, kif ukoll għall-pussess ta’ proprjetà immobbli, jistgħu jitressqu quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli. Jekk is-suġġett tat-tilwima jkun servitù tal-art, il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata skont il-post fejn tinsab il-proprjetà gravata. Il-ġuriżdizzjoni msemmija qabel tinkludi pretensjonijiet personali relatati ma’ drittijiet in rem u drittijiet segwiti b’mod konġunt ma’ dawk il-pretensjonijiet kontra l-istess konvenut. L-azzjonijiet dwar suċċessjoni, sehem riżervat, kif ukoll legati, struzzjonijiet jew dispożizzjonijiet testamentarji oħrajn, jistgħu jitressqu biss quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta’ residenza abitwali tat-testatur, u jekk ma tkunx tista’ tiġi stabbilita r-residenza abitwali tat-testatur fil-Polonja, quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-wirt jew parti minnu. L-azzjonijiet dwar is-sħubija f’kooperattiva, sħubija, kumpanija jew assoċjazzjoni jistgħu jitressqu biss quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat. L-azzjonijiet dwar relazzjoni ta’ żwieġ jistgħu jitressqu biss quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha kienu domiċiljati l-aħħar il-konjuġi, anki jekk xi ħadd minnhom ikun għadu domiċiljat jew abitwalment residenti f’dik il-ġuriżdizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali bażi, il-qorti b’ġuriżdizzjoni esklużiva hija l-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-konvenut u, fin-nuqqas ukoll ta’ dik il-bażi - il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-attur. L-azzjonijiet dwar relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal u bejn l-adottant u l-persuna adottata jistgħu jitressqu b’mod esklużiv quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-attur, diment li ma jkun hemm ebda bażi għall-preżentata ta’ azzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali.

Barra minn hekk, jekk il-ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati tkun ġustifikata jew jekk l-azzjoni titressaq kontra diversi partijiet li għalihom huma kompetenti diversi qrati skont il-leġiżlazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ġenerali, l-attur jista’ jagħżel minn fost dawk il-qrati. L-istess japplika jekk il-proprjetà immobbli, li l-post tagħha huwa l-bażi għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti, tkun tinsab f’diversi żoni ta’ ġuriżdizzjoni. Jekk il-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tisma’ l-kawża jew tieħu passi oħrajn minħabba ostaklu, il-qorti superjuri tagħha taħtar qorti oħra f’sessjoni fil-magħluq. Jekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-KPĊ, ma tkunx tista’ tiġi stabbilita ġuriżdizzjoni territorjali fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy) taħtar il-qorti li għandha titressaq l-azzjoni quddiemha f’sessjoni fil-magħluq. Il-partijiet jistgħu jaqblu bil-miktub li jippreżentaw tilwima diġà eżistenti, jew kwalunkwe tilwimiet li jistgħu jirriżultaw fil-futur minn relazzjoni legali speċifikata, lil qorti tal-prim’istanza li ma għandha ebda ġuriżdizzjoni territorjali skont il-liġi. Dik il-qorti mbagħad ikollha ġuriżdizzjoni esklużiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor jew sakemm l-attur ma jkunx ippreżenta dikjarazzjoni ta’ pretensjoni fi proċedura elettronika permezz ta’ ordni ta’ ħlas (elektroniczne postępowanie upominawcze, EPU). Il-partijiet jistgħu wkoll jillimitaw, permezz ta’ ftehim bil-miktub, id-dritt tal-attur li jagħżel minn fost diversi qrati kompetenti għal tali tilwimiet. Madankollu, il-partijiet ma jistgħux ibiddlu ġuriżdizzjoni esklużiva.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Il-ġuriżdizzjoni materjali tal-qrati ordinarji (sądy powszechne) tar-Repubblika tal-Polonja hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Fi proċeduri ta’ qorti ċivili, il-qrati tal-prim’istanza huma qrati distrettwali u qrati reġjonali, filwaqt li l-qrati tat-tieni istanza huma qrati reġjonali u qrati tal-appell (sądy apelacyjne).

Fil-prinċipju, il-kawżi ċivili jinstemgħu fil-prim’istanza mill-qrati distrettwali, sakemm il-ġuriżdizzjoni ma tkunx riżervata għall-qrati reġjonali. Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati reġjonali fil-prim’istanza tkopri l-kawżi:

  • għal drittijiet mhux ta’ proprjetà (u pretensjonijiet ta’ proprjetà mfittxija flimkien ma’ dawk id-drittijiet), ħlief għall-kawżi sabiex tiġi stabbilita jew ikkontestata l-filjazzjoni ta’ wild, il-kawżi għall-annullament ta’ tagħrif ta’ tifel mill-missier u għax-xoljiment ta’ adozzjoni;
  • għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, kif ukoll kawżi dwar invenzjonijiet, mudelli ta’ utilità, disinji industrijali, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi u topografiji ta’ ċirkwiti integrati u kawżi għall-protezzjoni ta’ drittijiet oħrajn ta’ proprjetà intanġibbli;
  • għall-pretensjonijiet skont il-Liġi tal-Istampa;
  • għad-drittijiet tal-proprjetà fejn il-valur tas-suġġett tat-tilwima jkun ta’ aktar minn PLN 75 000 (ħlief għal kawżi ta’ manteniment, kawżi għall-ksur ta’ pussess, kawżi għall-istabbiliment tas-separazzjoni tal-proprjetà tal-konjuġi, kawżi għall-allinjament tal-kontenut ta’ reġistru tal-artijiet mal-istatus ġuridiku attwali u kawżi eżaminati fi proċedura elettronika permezz ta’ ordni ta’ ħlas);
  • għall-ħruġ ta’ sentenza minflok riżoluzzjoni sabiex tinqasam kooperattiva;
  • għat-tħassir, l-annullament jew l-istabbiliment tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ riżoluzzjonijiet tal-korpi ta’ governanza ta’ entitajiet ġuridiċi jew unitajiet organizzattivi li mhumiex persuni ġuridiċi, iżda li ngħataw personalità ġuridika bil-liġi;
  • għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta;
  • għal kumpens minħabba dannu kkawżat mill-ħruġ ta’ sentenza finali illegali.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Fil-prinċipju, fi proċeduri ta’ qorti ċivili, il-partijiet u l-korpi ta’ governanza tagħhom jew ir-rappreżentanti statutorji jistgħu jaġixxu quddiem il-qorti personalment jew permezz ta’ rappreżentanti.

Madankollu, il-KPĊ jipprevedi rappreżentanza obbligatorja minn avukat f’sitwazzjonijiet speċifikati. Fi proċedimenti quddiem il-Qorti Suprema, il-partijiet iridu jkunu rrappreżentati minn avukati (adwokat) jew konsulenti legali (radca prawny). F’kawżi dwar proprjetà industrijali, huma jridu jkunu rrappreżentati wkoll minn aġenti tal-privattivi. Ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza japplika wkoll għall-passi proċedurali relatati mal-proċedimenti quddiem il-Qorti Suprema, meħuda quddiem qorti inferjuri. Ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza ma japplikax jekk il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw rikors għal eżenzjoni mid-drittijiet tal-qorti, għall-ħatra ta’ avukat jew konsulent legali jew, jekk il-parti, il-korp ta’ governanza tagħha jew ir-rappreżentant statutorju jew ir-rappreżentant legali jkunu mħallef, prosekutur pubbliku, nutar jew professur tal-liġi jew inkella detentur ta’ lawrja postdottorali fil-liġi (doktor habilitowany nauk prawnych), kif ukoll jekk il-parti, il-korp ta’ governanza tagħha jew ir-rappreżentant statutorju jkunu avukat jew konsulent legali jew konsulent tal-Kunsill Ġenerali għat-Teżor tal-Istat (Prokuratoria Generalna Skarbu Państwa).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

L-azzjonijiet għandhom jiġu ddepożitati mal-qorti kompetenti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Is-sottomissjonijiet iridu jiġu ppreżentati lill-qorti bil-Pollakk jew bi traduzzjoni għall-Pollakk mehmuża magħhom. Id-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni għandha tkun bil-miktub. Eċċezzjoni hija sitwazzjoni (li tikkonċerna l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali) li fiha impjegat jew persuna assigurata li jaġixxu mingħajr avukat jew konsulent legali jistgħu jippreżentaw azzjoni, il-kontenut ta’ rimedji legali u trattazzjonijiet oħrajn bil-fomm lill-qorti kompetenti, li għandhom jiġu inklużi fir-reġistri.

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ordni ta’ ħlas, sottomissjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Dikjarazzjoni ta’ pretensjoni trid tiġi ppreżentata fuq formoli uffiċjali biss jekk tkun prevista minn dispożizzjoni speċjali. Hemm żewġ sitwazzjonijiet fejn id-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni trid tiġi ppreżentata fuq formola uffiċjali: meta l-attur ikun fornitur ta’ servizz jew bejjiegħ u jsegwi l-pretensjonijiet skont ftehim dwar suġġett speċifiku (il-forniment ta’ servizzi postali u tat-telekomunikazzjoni; it-trasport bil-massa ta’ nies u bagalji; il-provvista tal-elettriku, tal-gass u taż-żejt tal-fjuwil; il-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi; ir-rimi tal-iskart u l-provvista ta’ enerġija termali) u fi proċedimenti sommarji (postępowanie uproszczone).

Dikjarazzjoni ta’ pretensjoni għandha tkun bil-miktub. Eċċezzjoni għal din ir-regola huma l-liġi tax-xogħol u l-proċedimenti tas-sigurtà soċjali, li fihom impjegat jew persuna assigurata li jaġixxu mingħajr avukat jew konsulent legali jistgħu jippreżentaw azzjoni bil-fomm lill-qorti kompetenti, li għandha tiġi inkluża fir-reġistri.

Dikjarazzjoni ta’ pretensjoni trid:

  • tinkludi l-isem tal-qorti li tiġi ppreżentata lilha; l-ismijiet tal-partijiet, ir-rappreżentanti statutorji u r-rappreżentanti legali tagħhom;
  • tispeċifika t-tip ta’ sottomissjoni;
  • tinkludi l-valur tas-suġġett tat-tilwima jew tal-appell, jekk il-ġuriżdizzjoni materjali tal-qorti, l-ammont tat-tariffa jew l-ammissibilità ta’ rimedju legali jkunu jiddependu fuq dak il-valur u l-ammont ta’ flus speċifikat ma jkunx is-suġġett tal-kawża;
  • tispeċifika s-suġġett tat-tilwima;
  • tispeċifika d-domiċilju jew l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz tal-partijiet u tar-rappreżentanti statutorji u r-rappreżentanti legali tagħhom;
  • tinkludi n-numru tal-PESEL (Sistema Elettronika Ġenerali tar-Reġistrazzjoni tal-Popolazzjoni) jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (NIP) tal-attur, jekk l-attur ikun persuna fiżika obbligata li jkollha dan in-numru jew inkella li jkollha dan in-numru mingħajr ma tkun obbligata li jkollha; jew tinkludi n-numru tar-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali (KRS) tal-attur u, fin-nuqqas ta’ numru KRS – in-numru tal-attur f’reġistru jew rekord rilevanti ieħor, jew, jekk l-attur ma jkunx persuna fiżika u ma jkunx obbligat li jiddaħħal fir-reġistru jew ir-rekord rilevanti iżda jkun obbligat li jkollu NIP, tinkludi n-NIP tal-attur;
  • tinkludi s-sustanza tar-rikors jew tad-dikjarazzjoni u evidenza li ssostni ċ-ċirkostanzi invokati;
  • tispeċifika pretensjoni b’mod preċiż u, f’kawżi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà, tindika wkoll il-valur tas-suġġett tat-tilwima, sakemm is-suġġett tat-tilwima ma jkunx ammont ta’ flus speċifikat;
  • tispeċifika d-data ta’ meta l-pretensjoni saret dovuta f’każijiet fejn ikun intalab ordni ta’ ħlas;
  • tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi fattwali li jiġġustifikaw il-pretensjoni u, jekk ikun meħtieġ, jiġġustifikaw ukoll il-ġuriżdizzjoni tal-qorti;
  • tindika jekk il-partijiet ippruvawx imorru għal medjazzjoni jew metodu ekstraġudizzjarju ieħor ta’ soluzzjoni għat-tilwim u, jekk ma jkunux saru tentattivi bħal dawn, ir-raġunijiet għaliex ma għamlux hekk;
  • ikollha l-firma tal-parti jew tar-rappreżentant statutorju jew ir-rappreżentant legali tagħha;
  • tinkludi lista ta’ appendiċi.

Id-dokumenti li ġejjin għandhom ikunu mehmuża mad-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni:

  • il-prokura jew kopja attestata tagħha (jekk id-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni tiġi ppreżentata minn rappreżentant legali);
  • kopji tad-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni u tal-appendiċi tagħha, li għandhom jintbagħtu lill-partijiet li jipparteċipaw fil-kawża u, jekk id-dokumenti oriġinali tal-appendiċi ma jkunux ġew ippreżentati lill-qorti, kopja waħda ta’ kull wieħed għall-fajls tal-qorti (fi proċedura elettronika permezz ta’ ordni ta’ ħlas, għandhom jiġu mehmuża kopji attestati b’mod elettroniku tal-appendiċi mad-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni ppreżentata permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data).

Barra minn hekk, dikjarazzjoni ta’ pretensjoni tista’ tinkludi: rikors għal miżuri ta’ prekawzjoni, għad-dikjarazzjoni tas-sentenza eżegwibbli immedjatament u għall-ipproċessar tal-kawża fin-nuqqas tal-attur; rikorsi li jirrigwardaw it-tħejjija tas-seduta ta’ smigħ (u, b’mod partikolari, rikorsi: għat-taħrika tax-xhieda u tal-esperti maħtura mill-qorti indikati mill-attur sabiex jattendu s-seduta ta’ smigħ; għat-twettiq ta’ spezzjoni viżwali; għall-għoti ta’ struzzjonijiet lill-konvenut sabiex jipprovdi, għas-seduta ta’ smigħ, dokument miżmum mill-konvenut u meħtieġ sabiex tinstema’ x-xhieda, jew l-oġġett tal-ispezzjoni viżwali; sabiex jintalab l-għoti tal-evidenza miżmuma minn qrati, uffiċċji jew partijiet terzi oħrajn għas-seduta ta’ smigħ).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Fil-prinċipju, it-twettiq tal-proċeduri tal-qorti jinvolvi spejjeż. L-ispejjeż tal-qorti jinkludu tariffi u spejjeż.

L-obbligu li tħallas l-ispejjeż tal-qorti huwa tal-parti li tiddepożita sottomissjoni lill-qorti (inkluża dikjarazzjoni ta’ pretensjoni) li hija soġġetta għal tariffa jew tiġġenera spejjeż. Jekk it-tariffa dovuta ma titħallasx, il-qorti tħarrek lill-parti sabiex tħallasha fi żmien ġimgħa, inkella s-sottomissjoni tiġi rritornata (jekk is-sottomissjoni tkun ġiet iddepożitata minn parti domiċiljata jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha barra l-pajjiż u li ma għandhiex rappreżentant fil-Polonja, it-terminu għall-ħlas tat-tariffa jkun ta’ mill-inqas xahar). Wara l-iskadenza tat-terminu mingħajr ma tkun tħallset it-tariffa, il-qorti tirritorna s-sottomissjoni lill-parti. Sottomissjoni rritornata ma għandha ebda effett assoċjat skont il-liġi mal-preżentata ta’ sottomissjoni lil qorti.

Jekk dispożizzjoni speċjali tistabbilixxi li sottomissjoni tista’ tiġi ddepożitata biss permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data (il-proċedura EPU), is-sottomissjoni tiġi ddepożitata flimkien mal-ħlas tat-tariffa.

Is-sottomissjonijiet iddepożitati minn avukat, konsulent legali jew aġent ta’ privattiva (jekk huma jkunu soġġetti għal tariffa f’ammont fiss jew proporzjonali kkalkolat abbażi tal-valur tas-suġġett tat-tilwima speċifikat mill-parti) li ma jkunux tħallsu debitament jiġu rritornati mill-qorti mingħajr ma l-parti tintalab tħallas it-tariffa (l-Artikolu 1302 tal-KPĊ). Il-parti tista’ tħallas it-tariffa dovuta fi żmien ġimgħa. Jekk it-tariffa titħallas fl-ammont meħtieġ, is-sottomissjoni jkollha effetti legali mid-data li fiha kienet ippreżentata oriġinarjament. Effett bħal dan ma jseħħx jekk is-sottomissjoni terġa’ tiġi rritornata għall-istess raġuni.

Il-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-avukati jew lill-konsulenti legali (bħall-iskadenzi għall-ħlas) għandhom jiġu rregolati fi ftehim bejn il-klijent u r-rappreżentant legali.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi jistgħu jitolbu l-għajnuna legali – rappreżentant legali maħtur mill-qorti sabiex jittratta l-kawża (pełnomocnik z urzędu).

Il-persuni fiżiċi jistgħu jitolbu li jinħatar avukat jew konsulent legali jekk huma jippreżentaw dikjarazzjoni li tgħid li mhux se jkunu jistgħu jħallsu l-onorarju ta’ avukat jew konsulent legali mingħajr tbatija għalihom infushom jew għall-familji tagħhom.

Il-persuni ġuridiċi (jew unitajiet organizzattivi oħrajn intitolati mil-liġi sabiex ikunu parti fil-proċeduri tal-qorti) jistgħu jitolbu li jinħatar avukat jew konsulent legali jekk juru li ma għandhomx biżżejjed fondi sabiex iħallsu l-onorarju ta’ avukat jew konsulent legali.

Il-qorti tilqa’ t-talba jekk hija ssib li l-parteċipazzjoni ta’ avukat jew konsulent legali fil-kawża tkun meħtieġa.

Il-kwistjoni tal-eżenzjoni mill-ispejjeż u l-assenjazzjoni ta’ rappreżentant legali maħtur mill-qorti f’tilwimiet transfruntiera hija rregolata mill-Att tas-17 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dritt għal għajnuna legali fi proċedimenti tad-dritt ċivili mwettqa fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u dwar id-dritt għal għajnuna legali sabiex tilwima tissolva b’mod amikevoli qabel ma jinbdew il-proċedimenti.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Azzjoni titressaq quddiem il-qorti malli tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-pretensjoni. Il-KPĊ ma jipprevedi ebda ċertifikat li jikkonferma li l-kawża tressqet b’mod korrett quddiem il-qorti.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

L-informazzjoni dwar il-passi ppjanati jew imwettqa fil-kawża tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju tas-Servizz tal-Klijenti tal-Qorti (Biuro Obsługi Interesanta, BOI) tal-qorti rilevanti. Tista’ tikseb informazzjoni dwar id-dati tas-sessjonijiet tal-qorti sussegwenti billi ċċempel fuq in-numru tal-Uffiċċju tas-Servizz tal-Klijenti speċifikat fuq is-sit web tal-qorti u tipprovdi n-numru tal-atti tal-kawża.

L-aħħar aġġornament: 12/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.